Waqt attività ta’ tindif li saret dalgħodu fuq il‑Bajja tal‑Għadira, il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) qalet li ħadd ma jieħu gost jiġbor skart li ħalla ħaddieħor, u għalhekk il‑Kummissjoni tħoss li attivitajiet bħal dawn għandhom iħeġġuna biex nagħmlu eżami tal‑kuxjenza fuq il‑ħarsien tal‑ħolqien.

Iċ‑Chairperson tal‑Kummissjoni Ambjent, Mario Camenzuli, wera x‑xewqa li bis‑sehem ta’ kulħadd naslu f’sitwazzjoni fejn dawn il‑clean‑ups ma jkunx hemm għalfejn isiru. Qal li biex nieħdu ħsieb id‑dar komuni tagħna jeħtieġ nagħmlu clean‑up tal‑attitudni tagħna lejn dak kollu li jinsab madwarna, lejn l‑ambjent li ngħixu fih, lejn il‑proxxmu tagħna, u lejn il‑ħolqien. Għaldaqstant, saħaq li għandna noqogħdu attenti għall‑konsumeriżmu żejjed li jħalli effetti negattivi fuq il‑bniedem u fuq l‑ambjent ta’ madwarna. Qal ukoll li jeħtieġ nimmiraw għal stil ta’ ħajja aktar sostenibbli u bħala individwi kif ukoll bħala poplu, jeħtieġ ikollna aktar għarfien dwar il‑miri għall‑iżvilupp sostenibbli, nitħarrġu sew fuqhom, u naħdmu qatigħ biex nilħquhom.

Mario Camenzuli fakkar li matul ix‑xahar ta’ Settembru l‑Insara kollha jiċċelebrawix‑Xahar tal‑Ħolqien (Season of Creation) u li din is‑sena huwa wkoll għeluq il‑ħames snin mill‑pubblikazzjoni tal‑enċiklika Laudato si’ tal‑Papa Franġisku dwar l‑għożża tad‑dar komuni. F’din l‑enċiklika l‑Papa jagħmel referenza għall‑kultura tal‑iskart u jappella biex ilkoll kemm aħna jkollna sens ċiviku qawwi, biex titjieb il‑kwalità tal‑ħajja. Camenzuli qal li l‑KA temmen li huwa tajjeb li minn żmien għal żmien gruppi ta’ nies jagħtu mill‑ħin tagħhom biex inaddfu postijiet mill‑iskart li nkunu ħloqna aħna stess, imma insista li fuq il-ħtieġa li lkoll kemm aħna naħdmu favur stil ta’ ħajja li tiġġenera inqas skart li fl-aħħar mill-aħħar joħloq problemi minn diversi aspetti.

Din l‑attività ta’ tindif, li saret fl‑okkażjoni tal‑World Clean‑up Day u bħala parti mill‑kampanja Save Our Blue, ġiet organizzata mill‑Ministeru għall‑Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil‑Klima.