L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Fost in-nies li Ġesù għażel biex jimxu warajh bħala dixxipli tiegħu, kien hemm numru ta’ sajjieda. Għalhekk, fl-Evanġelju tal-lum, narawh ma’ dawn is-sajjieda. Wara li għallem lin-nies, jgħid lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd”.
Meta tara din, għall-bidu tgħid: dawn kienu sajjieda, u Ġesù qalilhom biex imorru jistadu. Imma, meta Ġesù qal hekk lil Xmun, ma kienx il-waqt li huma joħorġu jistadu. La kien il-ħin – ma kinux jistadu dak il-ħin – imma, iktar u iktar, kienu għaddew il-lejl kollu jitħabtu u ma qabdux ħut.
Wara lejl sħiħ jitħabtu
Imma tolqotna ħafna t-tweġiba ta’ Xmun, li lil Ġesù jgħidlu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn; imma la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek”. Kieku kien xi ħaddieħor, Xmun kien jgħidlu: għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn, u m’aħniex se nieħdu battikata oħra għalxejn!
Imma lil Ġesù ma qallux hekk. Qallu dik il-kelma l-aktar importanti fl-Evanġelju llum: “La qiegħed tgħid int…”. Hi kelma ta’ fiduċja f’Ġesù, hi kelma li turi li Xmun, avolja hu kien jifhem fis-sajd waqt li Ġesù kien bin masturdaxxa, qiegħed il-fiduċja tiegħu f’Ġesù mhux għax kien jifhem fis-sajd imma għax kien jaf li Ġesù kellu dik il-qawwa.
Forsi ftakar fit-tieġ ta’ Kana, l-ewwel miraklu ta’ Ġesù, meta l-parir li tat Marija lill-qaddejja kien: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”. Dakinhar ir-riżultat kien wieħed li ħadd ma seta’ jimmaġina! U hawn, Xmun qed jimxi fuq il-parir ta’ Marija meta jgħid lil Ġesù: “la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek”.
Kelma li tfisser abbundanza
Nafu li r-riżultat kien kbir, u ħafna aktar milli wieħed seta’ jimmaġina! Mhux biss qabdu ħut, wara lejl sħiħ jitħabtu u ma qabdu xejn, imma tant qabdu li kellhom bżonn l-għajnuna. Kienet din l-abbundanza kbira riżultat tal-fatt li hu sema’ mill-kelma ta’ Ġesù u qiegħed il-fiduċja fih.
Din il-ġrajja tagħtina messaġġ sabiħ ħafna għall-ħajja tagħna, li hu marbut ma’ dik il-kelma li qal Xmun: “la qiegħed tgħid int”. Aħna wkoll imsejħin biex fil-ħajja tagħna, inqiegħdu l-fiduċja tagħna f’Ġesù – kemm fil-mument normali u l-mumenti sbieħ tal-ħajja tagħna, imma wkoll fil-mument diffiċli tal-ħajja tagħna, speċjalment fil-mumenti ta’ diżappunt fil-ħajja tagħna. Hekk kien Xmun: diżappuntat li għamlu lejl sħiħ u ma qabdu xejn. Aħna wkoll fil-ħajja tagħna ngħaddu minn mumenti ta’ diżappunt meta qisna tħabatna għalxejn, qisna għamilna ħafna xogħol għalxejn. Jista’ jkun fil-familja stess, bħall-ġenituri mal-ulied; jista’ jkun meta tagħmel il-ġid, jew tipprova tagħmel il-ġid; jista’ jkun meta tgħallem lil xi ħadd; jista’ jkun anke fil-ħidma fi ħdan il-Knisja stess – meta tħoss id-diżappunt qisek qed titħabat għalxejn.
Nitħabtu fid-direzzjoni li jurina Ġesù
Il-messaġġ li jagħtina Ġesù hu li għandna nqiegħdu l-fiduċja fih; li fit-talb tagħna nitolbuh biex jagħtina hu d-dawl x’għandna nagħmlu, u nimxu skont il-kelma tiegħu u nimxu skont id-dawl tiegħu. Ma jfissirx li aħna mbagħad ma nagħmlux l-isforz tagħna. Innutaw kif Ġesù, meta Xmun qallu “għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn”, ma qallux: mela issa oqgħod hemm, ħa nġiblek il-ħut b’miraklu, ħa nurik li minni ġej mhux minnek. Imma qallu: oħroġ ’il barra, erġa’ agħmel l-isforz, did-darba fid-direzzjoni li ngħidlek jien, u tara kif ikollok il-frott. L-isforz kellu jagħmlu Xmun, imma għamlu fid-direzzjoni li qallu Ġesù, skont il-kelma li qallu hu. Dan hu li jrid minna wkoll. Ma jfissirx li ma nagħmlux l-isforz tagħna; iridna nitħabtu, iridna naħdmu, imma skont ma jgħidilna hu, skont il-kelma tiegħu, bil-fiduċja fih li l-isforzi tagħna jħallu tassew il-ġid.
Nitolbu lill-Mulej li hu jgħinna nqiegħdu l-fiduċja fih, nimxu skont il-kelma tiegħu, u nagħmlu l-isforzi tagħna, nitħabtu, dejjem fid-dawl ta’ dak li jgħidilna hu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju