“Il-Kattoliċi, bħal kulħadd, jiffaċċjaw ta’ sikwit l-isfida biex jibbilanċjaw il-ħtiġijiet tal-familja, l-esiġenzi tax-xogħol u l-ħin ħieles. Fl-istess waqt għandhom l-obbligu li  juru lil ħaddieħor l-ispirtu nisrani lejn it-tliet elementi.”

Dan qalu il-Kardinal Dionigi Tettamanzi ta’ Milan f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Vatikan b’diskussjoni tal-pjani għal-Laqgħa Dinjija tal-Familja 2012.

“Il-fatt li aħna kattoliċi jagħti mod uniku u oriġinali ta’ kif wieħed jgħix l-isfidi li qed tiffaċċja  kull familja”, kompla.

Il-laqgħa internazzjonali, ko-organizzata mill-Kunsill Pontifiċju tal-Familja, se ssir fit-30 ta’ Mejju u ttul sal-5 ta’ Ġunju 2012 f’Milan. Mistennija jattendi għaliha wkoll il-Papa Benedittu XVI.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet fil-Vatikan, il-Kardinal Tettamanzi u l-Kardinal Ennio Antonelli, President tal-Kunsill tal-Familja, ippreżentaw materjal kateketiku li l-istaff tagħhom żviluppa biex jgħin koppji kattoliċi madwar id-dinja jitħejjew għal-laqgħa.

“The family: Work and Celebration” hija t-tema li l-Papa għażel għal-Laqgħa Internazzjonali tal-2012, u filwaqt li l-Kardinal Antonelli qal li l-isfidi speċifiċi jvarjaw madwar id-dinja, huwa saħaq li “l-globalizzazzjoni tfisser li ħafna problemi qed isiru komuni f’postijiet oħra madwar id-dinja”.