Id-dokument il-ġdid tal-Papa dwar l-ambjent, li se jiġi ppubblikat fl-4 ta’ Ottubru se jkun jismu Laudate Deum, li tfisser “Faħħru lil Alla”.

Il-Papa żvela l-isem tal-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu waqt laqgħa mar-retturi tal-universitajiet tal-Amerika Latina fil-21 ta’ Settembru, għalkemm id-diskors ġie ppubblikat it-Tnejn waranofsinhar.

Huwa u jitkellem dwar l-ambjent u l-“kultura tal-iskart”, il-Papa Franġisku qal li l-ittra ġdida tiegħu dwar dan is-suġġett se jkun jisimha Laudate Deum u se tkun “ħarsa lejn dak li seħħ u lejn dak li għandu jsir”. L-isem li ntgħażel hu ritornell frekwenti ħafna f’diversi salmi, fosthom Salm 148, li jordna lis-smewwiet u l-anġli u x-xemx u l-qamar biex ifaħħru lill-Mulej.

Fl-istess diskors lil 200 impjegat universitarju, Franġisku rrifletta fuq dik li hu ilu jsejħilha l-kultura tal-iskart, li tikxef “nuqqas ta’ edukazzjoni dwar kif nużaw l-affarijiet li jifdal, insawruhom mill-ġdid, u nsibu x’jeħdilhom posthom fl-ordni tal-użu komuni tal-affarijiet”.

Huwa ħeġġeġ għal “użu tajjeb tan-natura”, b’azzjonijiet prattiċi li jistgħu jsaħħu l-ambjent, bħalma hi l-installazzjoni ta’ pannelli solari.

Il-Papa nnota wkoll kif id-degradazzjoni ambjentali tista’ twassal għal “degradazzjoni” oħra, dik tal-mod kif nittrattaw lil oħrajn, speċjalment dawk li diġà qed jgħixu b’inqas riżorsi minn tagħna.

Ix-xahar li għadda l-Papa Franġisku ħabbar li se jkun qed joħroġ dan id-dokument ġdid f’kontinwazzjoni mal-Enċiklika tiegħu Laudato Si’ tal-2015. Iktar tard żied li ħa jippubblikaha fl-4 ta’ Ottubru, festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi.

L-4 ta’ Ottubru se tkun ukoll l-ewwel ġurnata tal-assemblea tas-Sinodu dwar is-Sinodalità u l-għeluq tax-Xahar tal-Ħolqien, inizjattiva ekumenika għall-għożża tal-ambjent li l-Vatikan ilu jissapportja għal dawn l-aħħar snin.

Il-Laudato Si’ kienet it-tieni minn tliet enċikliċi ppubblikati sa issa fil-pontifikat ta’ Franġisku u ħarġet f’Ġunju 2015. Bil-Malti “Tkun imfaħħar”, l-Enċiklika tittratta t-tema tal-ekoloġija umana, frażi li użaha l-ewwel darba Benedittu XVI, u tindirizza argumenti bħalma huma l-bidla fil-klima, l-għożża għall-ambjent, u l-ħarsien tal-ħajja u d-dinjità umana.

Fit-30 ta’ Awwissu l-Papa Franġisku qal li t-tieni parti tagħha se tkun Eżortazzjoni u mhux Enċiklika.

Sa issa huwa ppubblika ħames Eżortazzjoni Appostoliċi, fosthom l-Evangelii Gaudium fl-2013 u l-Amoris Lætitia fl-2016.

Il-festa ta’ San Franġisk kienet ukoll id-data fl-2020 li l-Papa Franġisku għażel biex jippubblika l-aħħar Enċiklika tiegħu, Fratelli Tutti, dwar il-fraternità u l-ħbiberija soċjali.

Sors: Newsbook Malta

Ritratt: Vatican News