L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ilbieraħ iċċelebrajna l‑Qaddisin Martri Innoċenti u qrajna l-Evanġelju ta’ din it-traġedja li saret madwar it-twelid ta’ Ġesù meta Erodi ordna li jinqatlu s-subien minn sentejn l-isfel. L-anġlu lil Ġużeppi kien qallu: “Erodi jrid li joqtol lit-tifel” (Mt 2:13).
Illum fl-Evanġelju tal-preżentazzjoni tal-Mulej, 40 jum wara t-twelid tat-tifel, il-ġenituri tiegħu jeħduh Ġerusalemm. Xmun jagħraf li din it-tarbija hija “l-glorja ta’ Iżrael, id-dawl tal-ġnus” (Lq 2:32) imma lil ommu jgħidilha: “Dan se jkun sinjal li jmeruh u inti wkoll sejf jinfidlek ruħek (Lq 2:34-35).
Il-profezija ta’ Xmun tibqa’ sseħħ sal-aħħar tad-dinja. Ġesù u l-Knisja tiegħu, il-qaddejja tiegħu, jibqgħu sinjal li jmeruh. Meta naqraw l-istorja traġika tal-martirju ta’ San Tumas Becket, nirrealizzaw li 1,000 sena wara Ġesù, isqof li pprova jagħmel id-dover tiegħu, avolja fil-passat kien ħabib tar-re, spiċċa biex inqatel b’mod tassew kiefer u anke b’disprezz.
Wieħed mis-suldati li kien anke kjeriku, jiġifieri kien suppost parti minn dawk qrib l-isqof, meta jara d-dmija jpoġġi saqajh fuq l-għonq tal-isqof maqtul biex jgħidilhom li issa m’hemmx ċans li jerġa’ jqum u għamlu dak li kellhom jagħmlu.
Thomas Becket, bħal ħafna isqfijiet, saċerdoti, u lajċi martri kien sinjal li jmeruh. Il-martri huma s-sinjal li dan il-kunflitt se jibqa’ sal-aħħar tad-dinja. Aħna wkoll għandna eżempji qrib tagħna ta’ dawn il-martri. F’dawn il-ġranet naħsbu wkoll f’dawk il-familji tal-20 ħaddiem li kienu Nsara u li qatluhom fuq ix-xatt tal-Libja sempliċement għax kienu Nsara. Ħaduhom fuq ix-xatt, niżżluhom għarkupptejhom u qatgħulhom rashom. Dawn huma l-martri li fihom isseħħ il-profezija ta’ Xmun u fl-istess ħin huma wkoll il-glorja tal-Knisja.
Aħna lesti nagħtu ħajjitna biex inkunu xhieda ta’ Ġesù jew mal-ewwel kuntrajru, mal-ewwel theddida, mal-ewwel tlellixa, se niċħdu ’l Mulej?
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġen 15, 1-6; 21, 1-3
Salm: 104 (105), 1b-2.3-4.5-6.8-9
Qari II: Lhud 11, 8.11-12.17-19
Evanġelju: Lq 2, 22-40