L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Iż-żgħażagħ tagħna tawna lezzjoni sabiħa llum. Qalulna li biex ikollna l-avventura fil-ħajja, biex insibu t-triq fil-ħajja, biex nimxu wara dawl li ma jgħib qatt; tajjeb inħallu lil Ġesù jkun id-dawl tagħna, Ġesù jkun l-avventura ta’ ħajjitna; Ġesù jkun “it-Triq, il-Veritá u l-Ħajja” (Ġw 14:6).

Ħalli lil Mulej iħares lejk bi ħniena u mħabba u hekk ikollok is-sliem.

Se noffri ħsieb qasir għax il-prietka għamluha ż-żgħażagħ tagħna llum. Fil-barka li Mosé għallem lil ulied Aron u lil missierhom Aron, hemm din il-frażi li nixtieq noffri lil kull wieħed u kull waħda minna, fil-bidu ta’ sena ġdida, fil-bidu tas-sena 2022. “Iħares lejk il-Mulej bi mħabba u jagħtik is-sliem” (Num 6:26). Kemm hi sabiħa din il-barka, kemm hi ħaġa sabiħa li aħna, meta naħsbu fil-Mulej Alla, li Ġesù għallimna nsejħulu “Missierna li inti fis-smewwiet” (Mt 6:9); nifhmu li l-ħarsa tiegħu fuqna hi ħarsa ta’ mħabba. “Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena! Iħares lejk il-Mulej bi mħabba” (Num 6:25-26). Innutaw kif fil-Kelma t’Alla, l-imħabba u l-ħniena jimxu flimkien. Meta naħseb fuq il-Mulej Alla Missieri, nifhem li hu jħobbni u jħenn għalija; u jħenn għalija għax iħobbni. Jafni, jagħdirni, jieħu paċenzja bija, bħal missier li jħobb lil uliedu. “Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem” (Num 6:26).

Aħna nagħmlu x’nagħmlu, anke jekk nagħżlu xi rikreazzjoni, nagħżluha biex ikollna ftit il-paċi tal-qalb. Kemm tkun ħaġa sabiħa li ngħallmu lilna nfusna, li dak li hu veru hu rikreattiv, hu dak li jibnini, li jagħtini bidu ġdid. Rikreazzjoni ġejja minn ħolqien ġdid. Nista’ nagħżel xi ħaġa ġdida rikreattiva, li tkissirni jew iġġenini? Jew tbattali l-but, u lil missieri u lil ommi ġġibilhom trakk inkwiet wara l-bieb tad-dar? Nista’ nsejħilha rikreattiva ħaġa bħal dik? Tkun xi tkun – droga jew alkaħol – jekk hi xi ħaġa li qed tagħmilli l-ħsara, qatt ma tista’ tkun rikreazzjoni. M’hemmx fiha s-sigriet tal-paċi li jixtieq jagħtini l-Mulej.

L-avventura ta’ mħabba timliek bid-dawl u turik it-triq li fiha ma tintilef qatt.

Fil-bidu ta’ din is-sena nitolbuh ikompli jħares lejna bi mħabba u bi ħniena; imma nitolbuh ukoll l-għerf, li nfittxu l-paċi vera, mhux dik li toffri d-dinja għal erba’ ħabbiet, anke jekk nista’ niżragħha d-dar, mhu se ġġibli qatt il-paċi. Tistordini għal ftit, jgħidu tagħtini ‘high’; imma se jkolli l-paċi f’qalbi?

Għamilna ħafna għażliet is-sena li għaddiet u ser inkomplu nagħmluhom. Jalla l-għażliet li nagħmlu jkunu dawk tajba. Tgħiduli x’inhu t-tajjeb? Mhux jien niddeċiedi x’inhu tajjeb? Ħalli lil Mulej iħares lejk bi ħniena u mħabba u hekk ikollok is-sliem.

Tista’ tfittex dawl li ma jispiċċa qatt, avventura li tagħtik ‘high’ kontinwa, triq li fiha ma tintilifx. Għandek raġun tagħmel hekk, għax dak l-għatx qiegħed f’kull bniedem, f’kull persuna; imma għażel lil Ġesù. L-avventura ta’ mħabba timliek bid-dawl u turik it-triq li fiha ma tintilef qatt.

Is-sena t-tajba mill-qalb lil kulħadd!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Num 6:22-27
Salm: 66 (67):2-3.5.6.8
Qari II: Gal 4:4-7
L-Evanġelju: Lq 2:16-21

Aktar ritratti >>