L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Waqt li qed nisma’ dan l-Evanġelju llejla fostkom, intom u tiċċelebraw il-50 anniversarju minn meta l-predeċessur tiegħi, Mons. Mikiel Gonzi, waqqaf lil din il-komunità Nisranija bħala Parroċċa, smajt din il-frażi u ftakart fikom b’mod speċjali. Il-Fariżej riedu jkunu jafu eżattament min kien dan ir-raġel imfejjaq minn Ġesù, u sejħu lill-ġenituri tiegħu. “Dan, li intom qegħdin tgħidu li twieled agħma, dan binkom? Mela issa kif ġie jara?” (Ġw 9:19). Il-ġenituri tiegħu wieġbu u qalulhom lil Fariżej: “Nafu li dan hu t-tifel tagħna u li twieled agħma; imma kif issa ġie jara, dan ma nafux, u anqas nafu min fetaħlu għajnejh. Staqsu lilu, żmien għandu; ħa jitkellem hu għalih innifsu.” (Ġw 9:20-21). 

Intom illum għalaqtu 50 sena, jiġifieri żmien għandkom. Imma nistgħu ngħidu għalina nfusna bħala komunità, li aħna kapaċi nitkellmu għalina nfusna, fuq l-esperjenza tagħna ma’ Ġesù? Ħa nibdew ftit naraw min hu dan l-imwieled agħma. Nafu li kien imwieled agħma. Il-ġenituri tiegħu stess jgħidu: dan it-tifel tagħna, li għandu issa l-età, jaf jitkellem għalih innifsu, twieled agħma. Dan ir-raġel qatt ma kellu l-esperjenza li jara. Il-perċessjoni tiegħu kienet limitata għal dak li jista’ biss imiss b’idejh, jisma’ b’widnejh, ixomm; imma mhux id-don tal-viżjoni. Twieled agħma.

Il-Fariżej f’ħin minnhom jgħidulna xi ħaġa oħra wkoll: “Int li twelidt dnubietek waħdek” (Ġw 9:34). Hawnhekk ikompli jixbah iżjed lilna. Nafu wkoll li kien tallab; imma nafu wkoll li fl-esperjenza tiegħu ltaqa’ ma’ Ġesù, u beda jara d-dawl. Kellu għarfien biżżejjed biex japprezza x’ġaralu, u lil Ġesù jibda jagħrfu ftit ftit. Ma jsirx jafu mill-ewwel. ‘Ma nafx min hu, imma dal-bniedem fetaħli għajnejja’. Il-komunità wkoll trid tikber fl-għarfien tagħha ta’ Ġesù, bħalma nikbru lkoll fl-għarfien tagħna nfusna. 

It-talba li nagħmlu llum fid-dawl ta’ dan l-Evanġelju hi li aħna ma nippretendux li naraw kollox. Mill-espressjoni qawwija ta’ Ġesù fit-tmiem tal-Evanġelju tal-lum, li mingħalih dak li jkun jara, imma għadu agħmi: “Jien ġejt fid-dinja biex nagħmel ħaqq (nagħmel għażla), biex min ma jarax isir jara, u min jara jagħma” (Ġw 9:39). Dan huwa misteru kbir, mhux kwistjoni ta’ perċessjoni viżiva, imma għarfien iżjed profond. Għaliex dak li l-Mulej jagħti huwa l-għarfien tal-qalb. Aħna bil-Malti ngħidu: ‘il-qalb tifhem’, bħalma l-qalb teħber. 

Din hija l-grazzja l-kbira li aħna niċċelebraw kull Għid Imqaddes meta nġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija tagħna. Dan l-Evanġelju jintuża dan iż-żmien biex iħejji lil ħutna li qegħdin jippreparaw għall-Magħmudija. Issa għandna grupp sabiħ ta’ adulti li talbu l-Magħmudija u li se jitgħammdu fil-KonKatidral ta’ San Ġwann fil-Vġili tal-Għid. Bħalissa qegħdin jagħmlu dawn il-mumenti ta’ preparazzjoni. Dan l-Evanġelju jinqara lilhom biex ifehemhom, bħalma kien jintuża minn dejjem, li l-Magħmudija hija wkoll mument fejn wieħed jingħata dawl ġdid fuqu nnifsu, fuq il-proxxmu, fuq Alla, u fuq id-destin tiegħu. Int kont tgħix il-ħajja tiegħek ta’ adult, għixu l-ħajja tagħhom imma ltaqgħu ma’ Ġesù, u jixtiequ jsiru parti mill-familja tiegħu; u jagħrfu li d-dawl li jagħti Ġesù huwa dawl uniku, speċjali. Min jippretendi li jaf kollox, ma jasalx għalih. Huwa ta’ swied il-qalb tara dawk il-leaders li ma jistgħux jaċċettaw il-qawwa ta’ Ġesù, il-Kelma Tiegħu, l-awtorità Tiegħu; u jibqgħu fl-agħma.

San Pawl jikkonfermalna din il-ħaġa meta lill-ħbieb tiegħu ta’ Efesu jgħidilhom: “Intom kontu darba dlam, imma issa intom dawl fil-Mulej; għixu ta’ wlied id-dawl li intom; frott id-dawl jinsab f’kulma hu tjieba, f’kulma hu ġustizzja, f’kulma hu verità” (Ef 5:8-9). Aħna wkoll għandna bżonnha din il-Kelma li tfakkarna xi tfisser: ‘kunu wlied id-dawl’. Kemm għad baqa’ tjieba bejnietna, ħniena, mogħdrija? Kemm kapaċi nisimgħu lil xulxin, li nħennu għal xulxin, li nifhmu lil xulxin? Ulied id-dawl huma dawk li jħaddmu frott id-dawl fit-tjieba. 

Esperjenza oħra ta’ wlied id-dawl hija dawk li jħaddnu l-ġustizzja; lil kulħadd tagħtih dak li ħaqqu, mhux bilfors dak li jixraqlu. Mhux teħodlu dak li hu tiegħu, jew tieħu dak li mhux tiegħek, għax dik hija inġustizzja. Il-ġustizzja tagħti lil kulħadd dak li ħaqqu, u tirrispetta dak kollu li hu verament ġust, legali, leġittimu; kulma hu ġustizzja, allura: fedeltà, lealtà, integrità, onestà. Dawn kollha huma wlied il-ġustizzja u f’kulma hu verità. Aħna ħafna drabi nitkissru għax ngħixu f’dinja illużorja, taparsi, ma teżistix. Aħna ngħixu fiha. Imma l-verità hija dik li teħlisna tassew. Kultant ma jkollhiex togħma tajba, bħall-mediċina, imma tfejqek. 

Biex tikkonfermaw li dan il-kliem jingħata lill-komunità, u lilkom ukoll fil-50 anniversarju tal-għarfien tagħkom bħala komunità Nisranija awtonoma taħt it-titlu u taħt il-protezzjoni ta’ San Ġużepp, San Pawl jagħtina din il-kelma, li x’aktarx kienet ukoll parti mill-innu antik li jintuża fil-Magħmudija: “Stenbaħ int, li int rieqed, u qum mill-imwiet, ħa jiddi fuqek Kristu” (Ef 5:14). Il-mewt tagħna hija d-dnub, u allura, li inti tħalli lill-Mulej iqajmek mill-imwiet tad-dnub huwa proċess ta’ ħelsien, ta’ liberazzjoni, ta’ paċi, li aħna niċċelebraw ukoll fil-Qrar. Għax il-Magħmudija taħfrilna dnubietna, u wara l-Magħmudija, il-Mulej fl-għerf u fil-ħniena tiegħu tana l-Qrar biex inkomplu l-pellegrinaġġ b’qalb safja. Imma għandna bżonnu l-Qrar, għax aħna għandna bżonn il-ħniena ta’ Alla kull mument. Wara l-Magħmudija, għandna bżonn il-Qrar. Allura għandna bżonn l-Ewkaristija, biex tmantnina fil-mixja. “Stenbaħ int, li int rieqed, u qum mill-imwiet, ħa jiddi fuqek Kristu” (Ef 5:14). 

Dan il-jum, tradizzjonalment iddedikat lil San Ġużepp, din is-sena niċċelebrawh għada. San Ġużepp, kemm-il darba kellu l-istedina li jistenbaħ minn xi raqda, għax kien ukoll il-mument fejn Alla jkellmu. Ma kienx l-irqad tal-mewt, imma kien l-irqad tad-djalogu għal San Ġużepp. Darba kont laqgħa mal-Papa Franġisku, u qalilna ħa nieħdu break żgħir. U qalilna: ‘Tafu li San Ġużepp kien jibża’ jorqod? Tafu għaliex? Għax jekk norqod se noħlom, u jekk noħlom se jiġi u jaqlagħli biċċa inkwiet.’ Għalih, l-irqad u l-ħolm kienu l-mument tad-djalogu mal-Mulej. Imma l-Evanġelju jgħidilna li kull meta stenbaħ minn xi waħda minn dawn il-ħolmiet, fl-Evanġelju nsibu erba’ msemmijin, Ġużeppi kien iqum jagħmel dak li qallu l-Mulej. Il-kobor ta’ dan ir-raġel. “Xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija” (Mt 1:20); “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ’l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu” (Mt 2:13); “Erġa’ lura lejn l-art ta’ Iżrael” (Mt 2:19); tmurx ’l hemm, imma mur Nazaret. Erba’ ħolmiet: lil Ġużeppi jgħidulu x’għandu jagħmel, imma kif u come f’idejh. 

Il-Papa jinsisti fuqha din fid-dokument sabiħ dwar San Ġużepp ‘Bil-Qalb ta’ Missier’  (Patris Corde) li tana fis-sena ta’ San Ġużepp. Nixtieq li nafdalkom dan id-dokument tal-Papa Franġisku bħala dokument programmatiku għall-parroċċa tagħkom. Fih jgħidilna l-paternità x’inhi: li aħna nieħdu ħsieb lil min il-Mulej ilaqqagħna miegħu. Mhux bilfors  ikollu l-paternità naturali. Imma li aħna nieħdu ħsieb xulxin. Dik hija wkoll paternità. Allura afdana lil xulxin. Minn San Ġużepp nitgħallmu l-ewwel nett ma nkunux possessivi; nieħdu ħsieb xulxin, imma m’aħniex ta’ xulxin. Li nkunu wkoll disponibbli għar-rieda ta’ Alla f’dak il-kriterju. Imma l-Mulej xi jrid? Fuq kollox li nħobbu dejjem b’fedeltà, imma wkoll b’responsabbiltà kbira. Il-Mulej tana missjoni. Issa mhux se joqgħod jidħol fid-dettall. Irridu mmorru quddiemu u ngħidulu ‘Xi trid?’ Imbagħad se jħalli f’idejna: biex trabbi lil uliedek, biex taqdi l-missjoni tiegħek fis-soċjetà, fil-parroċċa. Se juża wkoll il-qalb tiegħek, il-moħħ tiegħek, it-talenti tiegħek, il-kapaċitajiet tiegħek. 

Għalhekk nafdaw ħafna fil-patronċinju, fil-protezzjoni, fl-interċessjoni ta’ San Ġużepp, u nitolbuh li jbierek lil din il-parroċċa u jagħmilha dawl li jiddi fid-dlam. “Intom kontu darba dlam, imma issa intom dawl fil-Mulej; għixu ta’ wlied id-dawl li intom” (Ef 5:8). Għandkom l-età. Ir-risposta tafu tagħtuha intom stess. 

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-Quddiesa

Qari I: 1 Sam 16:1b,6-7,10-13a
Salm: 22 (23):1-3a,3b-4,5,6
Qari II: Ef 5:8-14
L-Evanġelju: Ġw 9:1-41

Aktar ritratti