Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Onor. Prim Ministru, Onor Ministru, kollegi, personalitajiet distinti, hu ta’ pjaċir kbir għalija li nkun preżenti fit-twaqqif ta’ din il-fondazzjoni u nimpenja ruħi f’isem il-Knisja li nkomplu din il-kollaborazzjoni mal-Istat biex inkunu nistgħu noffru possibbiltà ta’ djar u akkomodazzjoni affordabbli għal nies li tassew għandhom bżonn din l-għajnuna minn din il-fondazzjoni li qiegħda titwaqqaf.

Li kulħadd ikollu d-dar tiegħu hu wkoll sinjal u kontribut għad-dinjità tal-bniedem. Li inti tipprovdi, tiffaċilita li persuna jkollha l-ambjent privat tagħha, qed tikkontribwixxi wkoll għall-koeżjoni soċjali, għall-paċi soċjali u qegħdin ngħinu hekk bħala soċjetà, l-Istat flimkien u bl-għajnuna u l-kollaborazzjoni tal-Knisja, għal risposta ta’ fenomenu importanti: li għandna parti mis-soċjetà li mhux bilfors tkun tista’ tlaħħaq mas-suq u mal-prezzijiet li jitlob is-suq.

U allura, kif spjega tant tajjeb ukoll l-Onor. Ministru, dan il-pass u din l-inizjattiva nifhimha wkoll bħala kontribut għal soċjetà mibnija fuq il-ġustizzja soċjali: li ma ċċedix totalment għal-liġi tas-suq imma b’għaqal u b’rispett lejn il-libertajiet fundamentali anke fl-ekonomija, tgħin lil min ma jistax ilaħħaq mar-regoli tas-suq biex ma jitlifx id-dinjità li jkollu l-propjeta privata tiegħu għad-dar fejn jista’ jiżviluppa l-ħajja familari tiegħu, il-ħajja personali tiegħu.

Il-Knisja, sa mid-deċiżjoni importanti ta’ 30 sena ilu, li ċċedi lill-Istat il-propjetà immobbli li ma kellhiex bżonn għal għanjiet pastorali bi prezz ta’ dak iż-żmien, kien imsejjaħ prezz soċjali, prezz affordabbli anke għall-Istat, impenjat ruħha biex il-propjetà tagħha tintuża dejjem għal skopijiet soċjali.

U din il-fondazzjoni, li qed titwaqqaf b’kollaborazzjoni bejn Knisja u l-Istat, tkompli f’din l-idea. Ovvjament il-Knisja għandha bżonn ukoll faċilitajiet ta’ likwidità u jkun hemm mumenti fejn ikollha tbigħ ukoll propjetajiet bir-regoli tas-suq għal-likwidità li hi importanti biex tkompli l-missjoni tagħha. Imma f’dan il-każ qed tikkontribwixxi – u jalla tkompli tikkontribwixxi – mhux biss bl-expertise u bir-riżorsi umani imma anke bil-propjetà tagħha biex inkunu ta’ servizz għal dik il-parti tas-soċjetà li, għalkemm ma tibbenefikax mill-benefiċċji soċjali, għandha wkoll id-dritt u għandha allura tkun faċilitata fl-akkwist ta’ propjetà li tiddefendi u tippromwovi d-dinjità tagħha personali u tal-familja tagħha.   

Nirringrazzja ħafna lill-Istat tal-fiduċja li wera f’din il-kollaborazzjoni. Dan hu eżempju ieħor ta’ rapporti sodi, ta’ kollaborazzjoni, ta’ rispett reċiproku u anke ta’ rieda li nkunu ta’ servizz għas-soċjetà bejn l-Istat u l-Knisja u nħossni tassew onorat u kburi li bħala Arċisqof ta’ Malta, qed inkun parti minn din l-inizjattiva u nirringrazzja ħafna lilek, Onor. Prim Ministru, lilek Ministru ta’ din il-fiduċja u ta’ din l-viżjoni, li hi verament espressjoni ta’ ġustizzja soċjali fil-prattika.

Grazzi ħafna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta