Il-messaġġ tal-Isqof Galea-Curmi

Nirringrazzja lil min qed jieħu sehem u anki lil min ħa ħsieb l-organizzazzjoni ta’ din il-laqgħa. Naħseb li hi grazzja li qed nagħmlu dan l-eżerċizzju fil-ħajja tal-Knisja f’Malta, li bdejnieh is-sena li għaddiet u li qed nagħmluh iktar b’mod qawwi flimkien mal-ħidma li qed issir fil-mixja sinodali mill-Knisja Universali u li l-Papa Franġisku nieda ftit tal-jiem ilu.

Nixtieq insemmi punt li semma Fr Mario Mangion, li xi ħadd qallu, “Mur u imxi”. Jien nipprova nagħmliha, u ftit ġranet ilu ltqajt ma’ waħda li kienet qed titmexxa b’wheelchair u kellha carer li qed tmexxiha. Kienet persuna li kienet attiva ħafna fil-passat. Kont ġa ltqajt magħha darb’oħra waqt il-mixi. Qaltli, “Waħda mill-iktar affarijiet importanti, anki bħala Knisja, hi li jkun hemm min jisma’ lilna fost l-oħrajn.” Nifhem lilha fis-sitwazzjoni li kienet fiha, u nifhem kemm hu veru dan: li nkunu Knisja li tisma’. Hu mod kif qed ngħixu diġà l-Evanġelju. Mhuwiex il-pass biex imbagħad ngħixu l-Evanġelju. Kultant qisu jkun hemm dik l-idea li l-ewwel tisma’ biex imbagħad tista’ twassal l-Aħbar it-Tajba.  Imma meta tisma’, diġà qed tgħix l-Evanġelju għax qed tgħix propju dak li għallimna u wriena Ġesù.

Jolqotni kif Ġesù, mill-bidu nett meta kien fit-tempju – aħna ngħidu “ntilef fit-tempju”, naqraw fl-Evanġelju li kien fost l-għorrief “jismagħhom u jistaqsihom”, qabel ma beda jgħallimhom u jitkellem magħhom. U baqa’ hekk. Bħalma semma l-Papa Franġisku, meta Ġesù ltaqa’ mar-raġel għani, l-ewwel waqaf biex jisimgħu. Hekk ukoll mad-dixxipli ta’ Għemmaws, u tant okkażjonijiet oħra. 

Naħseb li l-iktar importanti hu li nippruvaw nibnu anke Knisja b’din l-attitudni, li mhix biss attività imma hi attitudni, attitudni ta’ smigħ. Kif jgħid id-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, hu s-smigħ ta’ Alla, is-smigħ tal-oħrajn u anki s-smigħ tas-sinjali taż-żminijiet permezz ta’ dak li jurina Alla u li juruna l-oħrajn fil-ħidma magħhom. Hu importanti li din l-attitudni tgħinna li jkollna qalb miftuħa. Il-Papa Franġisku enfasizzaha din u ssemmiet fl-esperjenzi differenti. Hu jgħid li rridu nisimgħu b’qalbna u għalhekk nisimgħu bħal Ġesù, jiġifieri mhux sempliċiment b’widnejna. Nisimgħu anki lil min hu differenti minna. Nisimgħu lil min ma tantx jitkellem u li forsi rridu nfittxuh aħna biex nisimgħuh. Nisimgħu b’qalb miftuħa u għalhekk dak li qed nisimgħu jkun anki qed jgħinna ninbidlu aħna, mhux sempliċiment biex jurina x’se ngħidu aħna, imma jgħinna ninbidlu aħna.

Bħala mixja ’l quddiem naħseb li tajjeb nissaħħu f’din l-attitudni li din is-sena rriflettejna ħafna fuq dan, inkomplu nibnu fuqha anki f’għaqda mal-Knisja li tilqa’, takkumpanja u toħroġ, għax huma magħqudin flimkien, u anki nippruvaw din l-attitudni nwassluha b’mod konkret.

Nagħti eżempju bina l-Isqfijiet li nintalbu ngħaddu l-messaġġ tagħna fi tmiem laqgħa jew xi okkażjoni. Naħseb li hu importanti, flimkien ma’ dawn, li jkun iktar evidenti li aħna qed nisimgħu u nisimgħu b’mod regolari, nisimgħu lill-gruppi u mhux nisimgħu biss lilna nfusna jew lin-nies qrib tagħna, imma wkoll dawk li qegħdin ’il bogħod. 

Naħseb dan jgħinna ħafna biex f’din il-mixja sinodali nagħtu kontribut anki fuq livell ta’ Knisja universali, imma dan it-tiġdid iseħħ anki fil-Knisja f’pajjiżna. Għalhekk nawgura li dan inkompluh, insaħħuh u speċjalment nitolbu lil Alla biex nikbru f’din l-attitudni tas-smigħ, li hi tant importanti għalina lkoll fil-Knisja u li qed titlob minna wkoll il-Knisja permezz tal-Papa Franġisku biex napprofonduha f’daż-żminijiet.

Grazzi lilkom ilkoll li ħadtu sehem f’din il-laqgħa, u f’laqgħat oħra matul is-sena, u nħeġġiġkom biex inkomplu din il-mixja flimkien.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju