****

Direttur:               Greta Gerwig

Atturi:                   Saoirse Ronan, Emma Watson, Florence Pugh, Elza  Scanlen, Laura Dern, Timothèe Chalamet, Meryl Streep, Tracy Letts, Bob Odenkirk, James Norton u Chris Cooper

Ħin tal-Film:        135 min

Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                          U

KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                PG                         

Josephine “Jo”, Margaret ”Meg”, Amy u Elizabeth “Beth”, erba’ teenagers, kienu jgħixu flimkien m’ommhom Marmee March ġewwa Concord f’ Massachusetts f’qagħda ta’ faqar. Missierhom kien tilef flusu kollha u kien jinsab jgħix ‘il boghod mid-dar involut fil-Gwerra Ċivili Amerikana. Sfortunatament kienu sejrin jiffaċċjaw Milied mingħajru.

Meg u Jo kellhom jaħdmu biex b’hekk jgħinu l-familja. Meg kienet tgħallem ma’ familja fil-qrib b’erba’ ulied waqt li Jo kienet tgħin lil zijitha, armla sinjura u mdaħħla fiż-żmien u li kienet tgħix ġewwa dar kbira imponenti, Plumfield. Beth min-naħa tagħha kienet timida wisq biex tmur l-iskola u kienet kuntenta li taħdem mid-dar. Amy kienet għadha tattendi l-iskola; Meg kienet tfajla sabiħa u tradizzjonali; Jo kienet tomboy u tħobb tikteb; Beth kienet tħobb il-paċi u ddoqq il-pjanu; Amy kienet artista u tħobb l-eleganza u s-soċjetà. Jo min-naħa tagħha kienet impulsiva u  tirrabja malajr. Ommha fil-fatt kienet twissiha biex toqgħod attenta kif titkellem meta hi kellha tmur Washington biex tara lill-missierha li kien jinsab marid. Il-ġar tagħhom, Mr. Lawrence ssaħħar wara Beth tant li anke taha pjanu.

Sfortunatament, Beth timrad bl-iskarlatina wara li kienet għamlet xi żmien tgħin familja fqira bi tliet itfal li wara ftit mietu. Jo kienet tieħu ħsieb lil Beth u għalkemm fieqet iżda mhux għal kollox. Bħala prekawzjoni, Amy tintbagħat tgħix ma’ zijitha March u hekk tieħu post Jo waqt li Beth kienet għadha marida. Jo sadanittant bdiet iddaħħal xi flus għall-kitba li kienet tikteb. Meg ukoll ġietha l-opportunità  li tmur ma’ hbiebha għal ġimgħatejn fejn hemm kien hemm divertiment ma’ tfajliet oħra jiżfnu ma’ żgħażagħ b’riżultat li tejbet l-abbilitajiet soċjali tagħha.

Theodore “Laurie” Lawrence, in-neputi ta’ Mr. Lawrence ukoll kien mistieden bil-ħsieb li Meg tibda tħobbu, iżda li fil-fatt hi kienet iktar miġbuda lejn John Brooke. Iż-żmien jgħaddi għal kulħadd; missierhom jiġi lura qawwi u sħih, Beth sfortunatament tmut u Meg u Amy jibdew jaħsbu biex jissetiljaw fil-ħajja taż-żwieġ.  Jo min-naħa tagħha ma tantx dehret li kienet lesta li tiżżewweġ. Moħħha kien biss biex tkompli tikteb u tippubblika x-xogħol tagħha. X’jiġri minn hawn?

Film Amerikan taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Greta Gerwig. Dan hu s-seba’ film msejjes minn fuq novella, bl-istess isem ta’ Louisa May Alcott. Film tajjeb ħafna li għandu jogħġob lil ħafna.