Nhar il‑Ħadd, 29 ta’ Diċembru 2024, l‑Arċisqof Charles Scicluna se jagħti bidu għall‑Ġublew tas‑Sena 2025 fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta, bit‑tema ‘Pellegrini tat‑Tama’. Dan wara li f’lejlet il‑Milied filgħaxija, il‑Papa Franġisku fetaħ uffiċjalment is‑Sena tal‑Ġublew bil‑ftuħ tal‑Bieb Imqaddes fil‑Bażilika ta’ San Pietru, fil‑Vatikan, u wara ċċelebra quddiesa fil‑Bażilika stess.
Iċ‑ċelebrazzjoni tal‑Knisja f’Malta tibda fil‑5pm, b’rit li se jiġi ċċelebrat fid‑dinja Kattolika kollha. Ir‑rit jibda b’mument ta’ talb immexxi mill‑Arċisqof fil‑Grotta ta’ San Pawl fir‑Rabat. Wara, fil‑Bażilika Minuri ta’ San Pawl, l‑Arċisqof isellem lill‑ġemgħa, jinqara l‑Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 14:1‑7) u tinqara wkoll silta mill‑Bolla tal‑Indizzjoni tal‑Ġublew tat‑Tama bl‑isem ta’ “It‑Tama ma Tqarraqx” (Spes non confundit). Din il‑Bolla hi d‑dokument uffiċjali li permezz tiegħu l‑Papa Franġisku nieda l‑Ġublew tat‑Tama.
Iċ‑ċelebrazzjoni tkompli b’pellegrinaġġ wara s‑salib, bis‑sehem tas‑saċerdoti, ir‑reliġjużi u l‑lajċi, lejn il‑Katidral tal‑Imdina, fejn l‑Arċisqof jippreżenta l‑kurċifiss bħala t‑tama waħdanija ta’ dawk kollha li jemmnu fi Kristu. Fis‑6pm fil‑Katidral stess, se tiġi ċċelebrata quddiesa, li fil‑bidu tagħha ssir it‑tifkira tal‑magħmudija bit‑tberik u t‑tirxix tal‑ilma.
Fil‑jum tal‑ftuħ tal‑Ġublew f’Malta, il‑Knisja tfakkar il‑Festa tal‑Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi. Għalhekk, dakinhar, bl‑għajnuna tal‑Moviment ta’ Kana, se jiġi ċċelebrat il‑ġublew tal‑familji, miżżewġin, għarajjes u koppji, bis‑sehem attiv tal‑familji u l‑koppji waqt il‑pellegrinaġġ u l‑quddiesa.
Għal din ir‑raġuni, kemm matul il‑pellegrinaġġ u kif ukoll waqt il‑quddiesa, li qed jiġu organizzati flimkien mal‑Moviment ta’ Kana, jieħdu sehem attiv familji u koppji.
Iċ‑ċelebrazzjoni tal‑ftuħ tal‑Ġublew se tixxandar fuq Knisja.mt, Newsbook Malta u l‑istazzjon tar‑radju RTK 103. Aktar tagħrif dwar il-Ġublew jinkiseb minn: gublew.mt.