Il-Kappillani tal-Parroċċi f’Malta ser jingħaqdu flimkien ma’ l-Arċisqof għal tlett ijiem Live-In fis-Seminarju, Tal-Virtu’, mit-Tnejn 10 ta’ Jannar sal-Ħamis 13 ta’ Jannar. F’din l-esperjenza tal-Live-in li ssir kull sena, il-kappillani ikollhom l-opportunita’ jiddiskutu l-ħidma pastorali, jaqsmu l-esperjenzi u jkomplu jsaħħu l-formazzjoni tagħhom.

Is-suġġett magħżul għal din is-sena hu t-talba li Ġesu’ stess għamel għad-dixxippli tiegħu “Ħa jkunu ħaġa waħda”.  F’dan il-live-in, il-parteċipanti ser jirreflettu fuq l-għaqda tagħhom ma’ Alla, mat-tmexxija u mat-tagħlim tal-Knisja, bejniethom u mal-lajċi.  Dan ser jagħmluh permezz ta’ taħdidiet minn persuni kompetenti, bid-diskussjonijiet li jsiru bejniethom u bit-talb.

Għall-ewwel darba f’attivita’ bħal din, il-ġurnalisti se jiġu mistiedna għall-ikel mal-Kappillani nhar l-Erbgħa 12 ta’ Jannar, fin-12:30 p.m. L-għan hu li l-ġurnalisti jsiru jafu aktar mill-qrib lill-Kappillani u r-realtajiet li jiltaqgħu magħhom fil-parroċċi.

Dak kollu li joħroġ mill-Live-in jiġi analizzat mill-kappillani u jitħejja dokument bħala gwida għal kull Parroċċa. Is-sena l-oħra, fejn is-suġġett tal-Live-in kien jitratta r-realta’ tal-faqar f’Malta, id-dokument indika b’mod ċar li f’kull parroċċa hemm bżonn issir iktar ħidma kontra l-illitteriżmu u l-faqar materjali b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra.

Il-Kappillani jixtiequ jħeġġu lil kulħadd jitlob għalihom, biex immexxijin mill-Ispirtu s-Santu, jagħrfu dejjem iktar dak li Alla jrid minnhom, biex b’hekk jagħtu servizz aħjar lill-poplu ta’ Alla avdat lilhom.