L-Arċisqof Charles J. Scicluna ser jibda l-Ġimgħa Mqaddsa biċ-ċelebrazzjoni ta’
Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej, nhar il-Ħadd, 20 ta’ Marzu 2016, fid-9:00 a.m. Din iċ-ċelebrazzjoni tibda minn quddiem il-Knisja ta’ Santa Katerina d’Italia, il-Belt Valletta, fejn isir it-tberik tal-friegħi tal-palm u ż-żebbuġ, u wara ssir il-purċissjoni sal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, fejn tkompli l-Quddiesa bil-qari tar-rakkont tal-passjoni mill-Evanġelju skont San Luqa.
L-Erbgħa, 23 ta’ Marzu, fis-7:00 p.m., Monsinjur Arċisqof ser imexxi l-Via Sacra Nazzjonali fil-Parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ.
Il-Ħamis, 24 ta’ Marzu, Ħamis ix-Xirka, fid-9:15 a.m., tibda l-Quddiesa tal-Griżma, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Matul din il-Quddiesa, flimkien mal-Arċisqof jikkonċelebraw saċerdoti djoċesani u reliġjużi li jġeddu l-wegħdiet li għamlu dakinhar tal-ordinazzjoni tagħhom. Filgħaxija, fis-6:00 p.m., issir it-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Matul din il-Quddiesa, fuq l-eżempju ta’ Ġesù, l-Arċisqof jaħsel riġlejn numru ta’ persuni. Fi tmiem il-Quddiesa, l-Arċisqof iwassal is-Sagrament Imqaddes fil-kappella tar-ripożizzjoni, għall-qima tal-Insara.
Il-Ġimgħa 25 ta’ Marzu, il-Ġimgħa l-Kbira, fit-3:30 p.m., Monsinjur Arċisqof imexxi l-Azzjoni Liturġika tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Din il-liturġija tinkludi r-Rakkont tal-Passjoni skont San Ġwann, l-Adorazzjoni tas-Salib u t-Tqarbin.
Is-Sibt 26 ta’ Marzu, Sibt il-Għid, fit-8:00 p.m., l-Arċisqof imexxi l-liturġija tal-Vġili tal-Għid, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Iċ-ċelebrazzjoni tibda bit-Tberik tan-Nar il-ġdid fuq iż-żuntier tal-Kon-Katidral, u tkompli b’liturġija tal-Kelma, liturġija tal-magħmudija li fiha ser jitgħammdu żewġ adulti, u l-liturġija tal-Ewkaristija.
Il-Ħadd 27 ta’ Marzu, Ħadd il-Għid, fid-9:15 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Stazzjonali tal-Għid il-Kbir tal-Mulej, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Matul il-Quddiesa, Monsinjur Arċisqof ser jagħti s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof lil żewġ adulti. Fi tmiem il-Quddiesa, l-Arċisqof jagħti l-Barka Appostolika bl-Indulġenza Plenarja.
Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa li ser isiru fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann ser jixxandru ‘live’ fuq il-YouTube Channel tal-Knisja f’Malta.