• L-istudenti tas-sekondarja nhar l-20 ta’ Jannar 2016 għamlu pellegrinaġġ lejn il-Bieb tal-Ħniena fil-Katidral tal-Imdina. Fi triqithom waqfu f’diversi postijiet fir-Rabat fejn iltaqgħu ma’ diversi esperjenzi ta’ Opri ta’ Ħniena f’pajjiżna. Dawn kienu jinkludu laqgħat mal-anzjani f’Villa Messina u Dar Saura, laqgħat ma’ saċerdoti mid-Dar tal-Kleru, refuġjati, tfal fid-djar tal-Knisja u persuni li qed isegwu d-Drug Rehabilitation Programme fi ħdan il-Caritas. L-istudenti tal-aħħar sena kellhom diskussjoni dwar il-ħarsien tal-ħajja umana bħala mod qawwi kif ngħixu l-ħniena. Wara li l-istudenti u l-għalliema għaddew mill-Bieb tal-Ħniena ħadu sehem f’quddiesa ċċelebrata mill-Vigarju Ġenerali Monsinjur Joe Galea Curmi.
    Nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Jannar 2016, l-istudenti tal-iskola primarja ħadu sehem f’ċelebrazzjoni fl-iskola li fiha l-istudenti tar-raba’ sena tellgħu preżentazzjoni dwar kif tidher il-ħniena fil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb u fil-ġrajja tal-Konverżjoni ta’ San Pawl. L-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona kien preżenti għall-istess ċelebrazzjoni u wara żar diversi klassijiet fejn l-istudenti kellhom attivitajiet marbuta mal-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb. Fl-aħħar tal-ġurnata, l-għalliema tal-iskola tas-Seminarju kellhom diskussjoni mal-Vigarju Ġenerali dwar it-tema tal-ħniena u aspetti oħra fil-ħajja tal-Knisja f’Malta.
    Ċelebrazzjoni oħra marbuta mal-Ġublew tal-Ħniena saret il-Ħadd li għadda, 13 ta’ Marzu 2016. Diversi għalliema u studenti flimkien mal-familjari tagħhom attendew għal riflessjoni u ċelebrazzjoni penitenzjali fis-Seminarju. Wara għamlu pellegrinaġġ lejn il-Bieb tal-Ħniena fl-Imdina u ħadu sehem f’quddiesa fil-Katidral animata mill-istudenti stess.  
  • Ritratti: Seminarju tal-Arċisqof