Hekk kif il-gwerra fl-Ukrajna għadha għaddejja, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi llejla se torganizza taħdita pubblika dwar kif it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja jitfa’ dawl fuq ir-responsabbiltà li għandha l-komunità internazzjonali, inkluż dik ta’ Malta, b’rabta mal-protezzjoni ta’ ħajjiet innoċenti mill-ħruxija tal-kunflitti u l-gwerer. Din se ssir f’Dar Ħanin Samaritan f’Santa Venera u tibda fis-7pm.
Patri René Micallef SJ, li huwa Professur Assoċjat tal-Università Pontifiċja Gregorjana f’Ruma, se jindirizza t-taħdita. Mingħajr ma jintesew il-kunflitti l-oħra ‘moħbija’ li qed iħarbtu l-ħajja ta’ miljuni ta’ persuni, u li ftit qed jiġu rrappurtati fil-mezzi tax-xandir, Patri René Micallef se jitkellem mil-lat storiku u dwar x’inhu l-irwol tal-Insara fil-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna.
Waqt it-taħdita se tieħu sehem ukoll Claudia Taylor East, il-Kap Eżekuttiv ta’ SOS Malta, li se titkellem dwar il-kollaborazzjoni ta’ SOS Malta ma’ NGOs fir-Rumanija li qed jgħinu lir-refuġjati li qed jaħarbu mill-Ukrajna.
Dwar Patri René Micallef SJ
Patri René Mario Micallef huwa saċerdot Ġiżwita Malti u professur assoċjat fit-Teoloġija Morali u l-Etika Soċjali fl-Università Pontifiċja Gregorjana f’Ruma. Hu jispeċjalizza f’suġġetti bħall-migrazzjoni, il-kunflitti, id-drittijiet tal-bniedem u r-raġunament morali. Patri René huwa ggradwat fil-Bijoloġija u l-Kimika mill-Università ta’ Malta, fil-Filosofija mill-Università ta’ Londra, u fit-Teoloġija mill-Fakultà tal-Ġiżwiti f’Pariġi u mill-Università Pontifiċja ta’ Comillas f’Madrid. Fl-istudji tad-Dottorat tiegħu fit-Teoloġija Sagra, hu ffoka fuq l-etika tal-policies tal-migrazzjoni.