L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Marija ta’ Magdala tersaq lejn il-qabar ta’ Ġesù, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, il-Ħadd. Kienet qed tfittex il-katavru għażiż ta’ Ġesù. L-idea tagħha, bħal ta’ nisa devoti oħra, kienet li jidilku l-ġisem għażiż, imma mejjet ta’ Ġesù bil-fwejjaħ. Att ta’ qima u ta’ mħabba; imma li fl-istess ħin ma jsirx u lanqas ixejjen il-liġi tat-tħassir ta’ kull ġisem li jmut. Tmur ħdejn il-qabar u mhux biss issib il-ġebla mgerrba imma wkoll il-qabar vojt.

L-Evanġelju li għadna kif qrajna, mill-kapitlu 20 ta’ San Ġwann, jibda b’dan id-djalogu bejn Marija ta’ Magdala u “żewġ anġli lebsin l-abjad, bilqiegħda, wieħed in-naħa tar-ras u l-ieħor in-naħa tar-riġlejn fejn kienu qiegħdu l-ġisem ta’ Ġesù. Huma qalulha: ‘Mara, għalfejn qiegħda tibki?’” (Ġw 20:12-13). It-tweġiba ta’ Marija ta’ Magdala hi tweġiba ta’ mara qalbha maqsuma: “Għax ħadu lil Sidi, u ma nafux fejn qegħduh” (Ġw 20:13). Ir-risposta tagħha turi mhux biss it-telfa personali ta’ Ġesù, imma t-telfa tal-komunità: “Ma nafux fejn qegħduh” (Ġw 20:13).

F’ħin minnhom tiltaqa’ ma’ xi ħadd li ma tagħrfux. “Daret lura u rat lil Ġesù wieqaf, iżda ma ntebħitx li kien Ġesù” (Ġw 20:14). Dan hu dettall u misteru ta’ kull laqgħa tal-Irxoxt, ma’ dawk li kienu jafuh ħafna. Qiegħed quddiemhom, u ma jintebħux bih, ma jagħrfuhx. L-Evanġelji jgħidulna li hu l-istess wieħed imma fl-istess ħin mhuwiex għax irxuxtat. “Mara, għalfejn qiegħda tibki?” (Ġw 20:15). Hi l-istess mistoqsija li jagħmlulha ż-żewġ anġli lebsin l-abjad. Imma hu jagħmlilha mistoqsija iżjed profonda, donnu jaf, li qalbha maqsuma għax qed tfittex lil xi ħadd u ma sabitux. “Lil min qiegħda tfittex? Hi ħasbet li kien il-ġardinar, u qaltlu: Sinjur, jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħidtu, u jiena nġibu lura” (Ġw 20:15). Ir-risposta ta’ Ġesù hi risposta ta’ mħabba personali. Isejħilha b’isimha: “Marjam! Hi daret u qaltlu bil-Lhudi: ‘Rabbuni!’ jiġifieri Mgħallem” (Ġw 20:16). Għarfitu f’dak il-mument.

Din l-istatwa, li waslet hawnhekk l-Imġarr minn Marsilja 100 sena ilu, tfakkarna li fil-Madonna għandna tama ċerta li dak li niċċelebraw fl-Għid għal Ġesù, li hu l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, jista’ jseħħ ukoll fina l-bnedmin

Ejjew nieqfu ftit u nirriflettu, x’kien ifisser għal Ġesù dan l-isem, li bih isellem lil din il-mara tant devota. It-tradizzjoni tal-Evanġelji jgħidulna li din: “inħafrulha ħafna, għax ħabbet ħafna” (Lq 7:47). Il-lealtà tagħha kienet lealtà totali lejn Ġesù. Hi kienet ma’ ommu, ma’ oħt ommu, u n-nisa l-oħra ħdejn is-salib. Kien hemm hi d-dixxiplu l-maħbub, Ġwanni. Għallinqas Ġesù kellu dan il-faraġ, li ma kienx hemm biss ommu ħdejn is-salib. Kien hemm Marija ta’ Magdala u Ġwanni, li wrew l-imħabba tagħhom f’din solidarjetà miegħu, waqt li kien imsallab, umiljat, iddisprezzat. Ma stħawx minnu, ma beżgħux. Dak l-isem għal Ġesù kien isem għażiż ħafna. Kien l-isem ta’ ommu wkoll li kien jisimha Marjam.

Hu jsejħilha f’Ħadd il-Għid b’dak l-isem; nimmaġinawh ukoll jaħseb f’ommu. Min jaf kemm-il darba sema’ lil Ġużeppi jsejjaħ lil ommu b’dak l-isem. ‘Marjam’ tfisser ‘qatra’. Bil-Latin: ‘stilla maris’ – ‘qatra mill-oċean’. Il-Madonna stess, forsi b’referenza lejn l-isem tagħha, tgħid: “Ħares fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:47). Anke isimha, qatra mill-oċean. Dik il-qatra ta’ ilma ħelu li kapaċi tbiddel l-oċean ta’ baħar mielaħ u tagħmlu ilma ħelu.

X’jgħaqqad l-Irxoxt ta’ Ġesù mal-Għid tal-Assunta? Mhuwiex l-istess għax l-irxoxt ta’ Ġesù hu l-misteru tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem li jirbaħ il-mewt, li jaħkem fuq in-natura umana tiegħu. Għax bħala Alla ma setax imut, imma bħala bniedem twieled u miet. In-natura ta’ Alla tqajjem mill-mewt, dak li aħna ridna u li qtilna. Mela l-irxoxt ta’ Ġesù hu espressjoni tad-divinità tiegħu. Il-qawwa ta’ Alla fih hi wkoll dak li twassal għall-irxoxt. Fl-Iskrittura nammettu li hemm l-istess kliem li jgħid: il-Missier qajjem lil Ibnu, jew l-Iben qam – hemm it-tnejn. Imma l-fidi tal-Knisja tgħallimna li l-irxoxt ta’ Ġesù hu uniku għax sar bil-qawwa tan-natura ta’ Alla. Ġesù Kristu hu veru bniedem u veru Alla. L-omm, bla tebgħa mit-tnissil, ma tarax it-taħsir tal-qabar għax hekk ried Alla; ir-rieda ta’ Alla, mhux bil-qawwa tagħha nnifisha.

L-irxoxt ta’ Ġesù hu espressjoni tad-divinità tiegħu

L-irxoxt tal-Madonna, biex ma nħalltuhomx ngħidulu: l-Assunta, li ġiet imtellgħa fis-sema. X’jiġifieri? Li xi ħadd ra tielgħa? Fejn marret? Ma marret imkien. Imkien? Fil-ġenna, bħalma rxoxta wkoll binha; imma mhux bil-qawwa tagħha nnifisha; imma bir-rieda tal-Iben, bil-qawwa ta’ Alla. Fiż-żewġ każijiet, l-esperjenza tal-Knisja kienet li sabet il-qabar vojt. Aħna fl-istatwa, fil-kwadru, inġibu lil Madonna b’idejha miftuħa tielgħa ’l fuq biex nippruvaw nifhmu; bħalma fl-istatwa tal-Irxoxt naraw lil Ġesù bil-bandiera. Ħadd ma rah! Id-dixxipli raw il-qabar vojt u raw il-maktur mitwi, u l-kefen hemmhekk. Il-kefen għadu magħna, għal min irid jemmen, u jinsab f’Turin; dak li ngħidulu l-liżar ta’ Kristu; li fih għandu marka misterjuża ħafna. Ħafna studjużi jikkonfermaw, li x’aktarx hi proprju l-impronta tal-mument tal-qawmien ta’ Ġesù fuq il-liżar ta’ Kristu.

Dwar l-irxoxt ta’ Marija, m’għandna l-ebda liżar, m’għandna l-ebda immaġini; imma għandna din it-tradizzjoni qawwija: li d-dixxipli sabu qabar vojt; li Sidtna Marija ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u bil-ġisem. Aħna l-Maltin, nagħmlu tajjeb li niċċelebraw l-Għid il-Kbir; imma l-15 ta’ Awwissu nsejħulu l-Għid tal-Assunta. Nixtieqkom tiftakru meta jiġi l-15 ta’ Awwissu, intom tiċċelebraw il-festa l-Ħadd ta’ wara; imma tkunu qed tiċċelebraw bl-istess solennità tal-Għid tal-Assunta. Hu l-istess misteru.

Għalhekk din l-istatwa, li waslet hawnhekk l-Imġarr minn Marsilja 100 sena ilu, tfakkarna li fil-Madonna għandna tama ċerta li dak li niċċelebraw fl-Għid għal Ġesù, li hu l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, jista’ jseħħ ukoll fina l-bnedmin. Seħħ f’ommu bi privileġġ speċjali għax ġisimha ma rax it-taħsir li jgħaddi ġisimna. Aħna lkoll naraw it-taħsir imma nemmnu wkoll fil-qawmien mill-imwiet. Hekk ngħidu fil-Kredu: ‘Nemmen fil-maħfra tad-dnubiet, fil-qawma mill-imwiet u l-ħajja ta’ dejjem’.

Mela f’din l-okkażjoni, li nzertat proprju f’dan il-jum qaddis, li huma t-tmint ijiem taċ-ċelebrazzjoni tal-Għid, hi providenzjali għal din il-parroċċa, bħalma nħabbru fl-Epifanija – meta ngħidu li l-festi tal-qaddisin huma kollha ġejjin mill-Għid qaddis tal-Mulej. Nibqgħu ngħidu: ‘Dan hu l-jum li għamel il-Mulej: ħa nifirħu u nithennew fih’. Jum wieħed għal tmint ijiem; għax meta niċċelebrawh, niċċelebrawh bil-kbir. Nagħmlu 40 jum ta’ penitenza; imma mbagħad nagħmlu 50 jum ta’ ferħ, u ġimgħa sħiħa ngħidu: dan hu l-Għid, dan hu l-jum li għamel il-Mulej; imma hu l-istess bħalma hu l-Għid tal-Assunta – hu l-jum li għamel il-Mulej. Il-Mulej ħares lejn ommu mnissla mingħajr tebgħa tad-dnub. Hi li ma kellhiex tebgħa tad-dnub, ippermetta u ried li ġisimha ma jarax it-taħsir tad-dnub; imma jiġi rxuxtat, bħalma irxoxta l-ġisem tal-Iben. Hekk l-omm hi magħquda wkoll b’mod speċjali u partikolari mal-glorja ta’ Binha.

Meta tħarsu lejn l-istatwa grazzjuża li għandkom f’din il-parroċċa għażiża, il-Madonna tgħidilna, bħalma antiċipajt fil-bidu: nerfgħu qlubna ’l fuq. Ħafna drabi nibqgħu nħarsu lejn il-qabar vojt u nippretendu li naraw xi ġisem mejjet. Il-Mulej qed jgħidilna: għalfejn qed tibki? X’qed tfittex? Il-Mulej, jagħtina l-grazzja li nifhmu, li Missieru hu Missierna, Alla tiegħu hu Alla tagħna. Din ukoll hi l-kelma li tħalli fil-qalb tagħna l-omm, aħna wkoll li nbierku lill-Mulej tal-irxoxt tagħha – tal-Assunta, f’dan il-jum, u f’dan iż-żmien tant għażiż. Imma Alla ta’ Ġesù, hu Alla tiegħi? Nistgħu nkunu mogħbijin bid-dnubiet, imtaqqlin bil-fraġiltà, bid-dgħufija tagħna; imma nitolbuha biex titlob għalina issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna. Għax hi omm tal-ħniena, ħajja, ħlewwa u tama tagħna.  

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 2:36-41
Salm: 32 (33):4-5,18-19,20 u 22
L-Evanġelju: Ġw 20:11-18

Ritratti: Lumiere Studio