-
Logo ġdid għad-Dar tal-Providenza
-
Id-disinn għal logo ġdid għad-Dar tal-Providenza minn Sean Cini ntgħażel u tħabbar dalgħodu minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar. Fr Martin qal li il-logo ġie ddisinjat skont il-fatturi l-aktar importanti: Mħabba Evanġelika, Appoġġ, u Determinazzjoni.
L-imħabba Evanġelika li tħeġġiġna nirrispettaw u nistmaw lill-persuni b’diżabilità bħala persuni ndaqs. Dan għandu jkun rifless bil-mod kif id-Dar hi kommessa li tagħti s-saħħa lill-persuni b’diżabilità li jemmnu fihom infushom f’ambjent li jixbah il-familja u li jkabbar u jimmassimizza l-abbilitajiet tagħhom biex hekk huma jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà.
L-appoġġ – L-appoġġ sħiħ li d-Dar tagħti lill-persuni b’diżabilita li jgħixu jew li jużaw is-servizz tagħha minn żmien għal żmien kif ukoll lill-familji tagħhom b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet u d-dinjità tagħhom.
Id-determinazzjoni sħiħa tal-persuna. – Id-Dar tippromovi l-iżvilupp personali ħolistiku u l-inklużjoni soċjali tal-persuni li jużaw is-servizzi tagħha, inkluż l-awtonomija tagħhom u li jsiru kapaċi jiddeterminaw ħajjithom huma stess.
It-tliet elementi differenti joħolqu rappreżentazzjoni ħolistika tal-identità tad-Dar tal-Providenza.
-
Id-disinn juri żewġ petali fjuriti fuq żewġ figuri li, b’idejhom miftuħa, huma lesti li jilqgħu, li jħobbu u li jagħtu appoġġ. Illum nenfasizzaw il-persuna qabel id-diżabilità u għalhekk id-Dar toffri servizzi individwalizzat.
Il-kuluri għandhom parti mportanti f’dan il-logo. Huma differenti imma jikkumplimentaw lil xulxin perfettament u jirrappreżentaw is-saħħa li teżisti fid-diversità tal-bniedem.
L-isem tad-Dar qiegħed fuq linja waħda b’tipa karga biex toħroġ ċara kemm jista’ jkun. It-tag line qiegħed eżatt taħt l-isem b’tipa u kulur inqas karg.Fr Martin għamel referenza għall-logo l-antik li juri fjura biz-zokk maqsum b’id iżżommha biex ma tħallihiex taqa’.
Fiż-żminijiet ta’ llum, dan il-logo jirrifletti l-mod xejn pożittiv ta’ kif is-soċjetà ta’ ħamsin sena ilu kienet tħares lejn il-persuni b’diżabilità. Joħroġ ċar ukoll il-mudell mediku tad-diżabilità li kien prevalenti dak iż-żmien fejn is-soċjetà kienet tqis id-diżabilità bħala nuqqas. (Għalhekk l-ideja taz-zokk maqsum).
“Illum”, kompla jgħid Fr Martin, “nitkellmu fuq il-mudell soċjali tad-diżabilità fejn flok ma naraw id-diżabilità bħala nuqqas, narawha bħala differenza. Qed naċċettaw il-fatt li m’għandna l-ebda dritt li niddominaw il-ħajja ta’ persuna b’diżabilità bid-deċiżjonijiet tagħna – il-persuna b’diżabilità għandha kull dritt li tgħid x’tixtieq u x’taħseb li hu l-aħjar għaliha u dawn ix-xewqat għandhom jiġu rispettati. Għalhekk illum inħarsu lejn l-abbiltà ta’ kull persuna, u mhux lejn id-diżabilità. Illum nisħqu li l-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità tista’ titjieb biss jekk tinbidel l-attitudni tas-soċjetà u mhux jekk l-individwu jbiddel lilu nnifsu.”
Sean Cini ta’ 26 sena mill-Fgura, jaħdem mal-MaltaPost bħala Graphic Designer fid-Dipartiment tal-Marketing.
F’Settembru li għadda, d-Dar tal-Providenza għamlet sejħa pubblika għal disinn ġdid ta’ logo għad-Dar. Id-Dar tal-Providenza qed tħejji biex fl-2015 tfakkar il-ħamsin sena mit-twaqqif tagħha u l-ideja kienet li jinħoloq logo ġdid li jirrifletti l-Viżjoni, l-Missjoni u l-Valuri tagħha. Il-pubbliku kellu ċans jissottometti d-disinni tiegħu sat-30 ta’ Novembru 2013.
B’kollox kien hemm 48 sottomissjoni u l-Bord tad-Dar ħatar bord tal-għażla biex jissuġġerixxilu l-aħjar logo. Minn lista finali li saret, il-Bord tad-Dar għażel id-disinn ta’ Sean Cini bħala l-logo il-ġdid tad-Dar tal-Providenza.
Aktar tard din is-sena il-partiċipanti kollha se jingħataw ċertifikat ta’ parteċipazzjoni waqt li s-Sur Cini se jiġi ppreżentat bi trofew uniku bħal r-rebbieħ ta’ din il-kompetizzjoni.