L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Fl-aħħar bagħtilhom lill-ibnu” (Mt 21:37).  Hekk naqraw f’din is-silta, il-parabbola li qal Ġesù llum fl-Evanġelju skont San Mattew, li hi parabbola li tfisser fil-qosor l-Istorja tas-Salvazzjoni. Meta Ġesù jsemmi hawnhekk lil sid l-għalqa li jqabbilha lil xi bdiewa, imbagħad jibgħat lill-qaddejja tiegħu biex jiġbru l-frott, sid il-għalqa jirrappreżenta lil Alla li bagħat diversi profeti tul is-snin, imma li ħafna nies daru kontriehom. Fl-aħħar bagħat lil ibnu, u ibnu spiċċa maqtul fil-parabbola lil jgħid Ġesù. U nafu li hawnhekk Ġesù kien qiegħed iħabbar dak li hu kien se jgħaddi minnu: li jispiċċa maqtul. Kien għalhekk li waqt li hu kien qed jgħid dan lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu, dawn fehmu x’qed jgħid Ġesù – u, fil-fatt, aktar ’il quddiem, b’għemilhom huma wettqu dak li Ġesù kien qed jgħid hawn fil-parabbola.

Din il-parabbola turina lill-bniedem li jirrifjuta lil Alla fl-Istorja tas-Salvazzjoni imma wkoll, naturalment, fi żmienna. U turina kif ir-rifjut ta’ Alla jwassal għal ħafna ħażen, għal kull tip ta’ ħażen, imma speċjalment anke jwassal għall-agħar fost dawn, li hu li telimina lill-persuni li trid teħles minnhom, bħalma smajna hawnhekk fil-parabbola. 

X’turina din il-parabbola? Meta sid il-għalqa jieħu ħsieb din l-għalqa, iħawwel id-dwieli, jagħmlilha magħsar u torri, u ħajt tas-sejjieħ, u jqabbilha lil xi bdiewa – turina li Alla qed jafda dak li hu tiegħu lill-bniedem biex jieħu ħsiebu, biex jamministrah. Imma jekk il-bniedem jinsa lil Alla, u jieħu l-post tiegħu, jieħu pussess fuqu, imbagħad dan iwassal għal kull xorta ta’ ħażen, kif rajna hawnhekk. Għandna l-kilba, għandna l-vjolenza – li twassal biex dawn li suppost kienu qed jieħdu ħsieb l-għalqa jeliminaw lill-qaddejja u fl-aħħar anke lil ibnu – għandna wkoll il-ħeġġa li jieħdu l-wirt, biex kollox jakkumulaw huma. Għaliex? Eliminaw lil Alla, imbagħad ippruvaw jieħdu kollox b’egoiżmu sfrenat fejn kollox trid tiegħek, kollox għalik.

X’naraw f’dan? Naraw proprju d-dnub li qiegħed fl-ewwel ktieb tal-Iskrittura, il-Ġenesi: il-bniedem jagħmel lilu nnifsu minflok Alla. Meta l-bniedem jagħmel lilu nnifsu minflok Alla – bħalma rajna hawnhekk, meta suppost kellu jieħu ħsieb dak li hu ta’ Alla imma ħadu f’idejh – hemmhekk imbagħad ikollok kull xorta ta’ ħażen. Hemmhekk jibda xejn mhux xejn. Il-ħażin isir tajjeb, il-korrott isir l-għaqli, l-imgħawweġ isir dritt. L-aqwa li qed naġevola lili nnifsi għax għamilt lili nnifsi minflok Alla! Ara fiex iwassal dan id-dnub, li kien id-dnub tal-ewwel bniedem fil-Ġenesi, meta ried jagħmel lilu nnifsu minflok Alla.

Dan jagħtina messaġġ importanti għall-ħajja tagħna llum. Ġesù jfakkarna li aħna għandna dejjem għażla: jew nilqgħu lilu u naċċettaw lilu fil-ħajja tagħna, jew nirrifjutawh. Ma għandniex għalfejn niskantaw li ħafna jirrifjutawh, meta l-istorja tal-parabbola – l-Istorja tas-Salvazzjoni – hekk kienet. Għandna l-għażla li lilu naċċettawh bħala t-Triq, il-Verita u l-Ħajja. Jekk nirrifjutawh, jekk aħna nagħmlu bħalma għamlu dawn li suppost kienu fdati bil-post u b’ħidma imma għamlu kollox tagħhom, hemmhekk nafu li se nagħmlu ħsara lilna u lill-oħrajn. Se nagħmlu ħsara lilna nfusna, se nagħmlu ħsara lill-oħrajn għax inkissru r-relazzjonijiet mal-oħrajn, se nagħmlu ħsara lill-ambjent – bħalma naraw jiġri meta aħna ma nagħtux każ li dak hu li fdalna Alla f’idejna, imma nagħmluh tagħna; imbagħad nibdew neqirdu l-ambjent, nagħmlu diżastru, u nbatu l-konsegwenzi aħna u ta’ warajna. Dan hu li jiġri meta aħna mill-bidu nett nirrifjutaw lil Alla, u nagħmlu lilna nfusna minfloku. Il-messaġġ li qed jagħtina Ġesù hu: ejjew nagħrfu li Alla lilna fdalna f’idejna ħafna affarijiet biex nieħdu ħsiebhom, biex inħarsuhom, u biex nagħmlu dan dejjem bi gratitudni lejh għax minnu ġejjin u aħna lilu rridu nagħtu l-frott tal-ħidma tagħna.

Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja li aħna nżommuh dejjem f’qalbna, f’moħħna, f’ħajjitna, ujkun hu li jmexxina, ħalli ż-żmien li tana nużawh tajjeb u kull ġid li tana nużawh bl-aħjar mod għall-glorja tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju