L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ma nafx jekk tiftakrux li fil-parabbola li rrakonta Ġesù l-Ħadd li għadda, semma t-talenti. Kien hemm wieħed raġel li lis-sid tiegħu kellu jagħtih 10,000 talent u għedna li t-talent kien kejl tad-deheb jew tal-fidda. Illum jissarraf bil-miljuni. Mentri dan il-qaddej, li sidu ħafirlu somma kbira ħafna, sab sieħbu ieħor li kellu jagħtih 100 dinar u għedna li d-dinar kien il-paga tal-jum.

Illum fil-parabbola li jagħti Ġesù, nerġgħu niltaqgħu ma’ dan il-kejl ta’ paga għaliex is-sid lil kull min ħadem fl-għalqa tiegħu tah il-paga ta’ ġurnata, tah dinar. Fil-fatt meta jiġi biex iħallas, ta lil kulħadd il-paga ta’ ġurnata. Kien hemm min ħadem siegħa, kien hemm min ħadem sagħtejn, tliet sigħat, kien hemm min ħadem 11-il siegħa. Kollha ħadu l-paga ta’ ġurnata, imma min ħadem iżjed gerger.

Illum kieku t-trade unions ma nafx x’jagħmlu b’din il-parabbola. Naħseb li jkollna l-inkwiet. Għalina bis-sens attwali tal-ġustizzja, u naħseb bis-sens ta’ ġustizzja kif nifhmuha aħna l-bnedmin, il-parabbola ta’ Ġesù ma tantx tagħmel sens u nħossuha kważi turtana, tniggiżna ftit. U ngergru mal-Mulej: ‘imma dan hekk tirraġuna inti?’ Kellhom raġun igergru dawk li ħadmu 11-il siegħa meta rċevew l-istess bħal dawk li ħadmu siegħa jew sagħtejn.  

Imma l-Mulej qed jipprova jgħallimna xi ħaġa iżjed importanti mill-paga tal-ġurnata. Allaħares min iħaddem juża l-kejl ta’ din il-parabbola mal-ħaddiema tiegħu għax ma jkunx ġust. Imma x’qed jipprova jgħidilna Ġesù llum?

L-ewwel nett qed jipprova jgħidilna: ‘isma’ jekk jogħġobkom ma’ missieri toqogħdux tagħmlu l-kontijiet’. Għax aħna li niġu l-knisja, ngħidu r-rużarju, aħna s-saċerdoti u r-reliġjużi nitolbu l-liturġija tas-sigħat, quddiem Ġesù b’wiċċna minn quddiem ngħidulu: ‘Jiena tajt – bħalma għamel Pietru wkoll – aħna ħallejna kollox għalik, x’se nieħdu lura? Anke Pietru kellu dan l-atteġġjament: x’se nieħdu lura? Ħallejna kollox. Issa? X’se nieħdu lura? U Ġesù jagħmillu lista twila, imbagħad jgħidlu: “flimkien mal-persekuzzjonijiet”. Taqtax qalbek.

Imma aħna għandna din it-tentazzjoni, b’mod speċjali aħna l-Kattoliċi, forsi iżjed mill-Insara l-oħra kollha, li nagħmlu l-kontijiet mal-Mulej. U l-Mulej qed jgħidilna: isma’ taf liema kont għandkom tagħmlu? Li tilqgħu dak kollu li jiena naqsam magħkom bħala frott tal-imħabba u l-ħniena tiegħi.

Għalhekk nidraw li quddiem Alla jiena ħa nagħmel it-tajjeb, ħa nobdih, se jkolli l-ferħ meta nobdih, meta naħfer, meta nagħti mill-qalb, meta xi tbatija neħodha naqra bit-tajjeb mhux nindanna għax nindanna jien u ta’ madwari, ta’ maġenbi, u ta’ quddiemi u ta’ warajja. U meta nobduh, ikollna diġà l-ħlas fih innifsu. Imbagħad li noqogħdu nqabblu lilna nfusna ma’ ħaddieħor, issa dak li għadda ħajtu ’l bogħod minnek, se tagħtih l-istess? U inti kapaċi tifhem u tiġġudika min xiex tkun għaddiet il-qalb ta’ dak li jkun, mil-liema diffikultajiet, forsi mil-liema skandlu? Se ngergru mal-Mulej għax fl-aħħar siegħa tal-ġurnata jasal bil-ħniena tiegħu, bil- grazzja tiegħu u lil kulħadd jagħtih l-ħlas tal-ħniena?

Aħna llum rridu nitolbuh lil Alla li jkollna l-qalb tixbah lil tiegħu. Illum qed insellmu din l-għaqda tan-nanniet li qed tagħlaq 10 snin. Jiena ninnota ħafna nanniet għax kultant in-nanniet man-neputijiet, mhux ma’ wliedhom, man-neputijiet għandhom, komma naqra wiesgħa ħafna u ngħid: din in-nanniet minn fejn tgħallmuha din l-imħabba partikolari, din il-ħniena, din il-ħarsa qisu tas-sid tal-lum li tagħti lil kulħadd l-istess, ma toqgħodx tgħid: isma’ dak irrispettani ħafna, dik irrispettatni ftit. In-nanniet, anke forsi għax ninsew ftit, meta nkunu anzjani jgħidu – għax għadni ma nafx eżatt – imma jgħidu tibda tinsa, tiftakar tal-antik imma tibda tinsa.

Kultant tgħin li tinsa. Ikun hemm xi ħadd jgħidlek xi kelma ħażina jew iebsa, tinsiha malajr aħjar; il-grazzja li l-Mulej iberikna biha meta nimmaturaw, jibda jnessina ħafna affarijiet. Kultant ifakkarna f’xi bluha tal-antik imma ħalliha dik. Imma dik ifakkarhielna forsi biex aħna nkunu bħalu: inħennu iżed. U jiena meta ninnota n-nanniet ngħid: naħseb jiena l-Mulej ikun tahom fil-maturità tagħhom lin-nanniet, xrara mill-qalb tiegħu. Għax in-nanna, ġie neputi li ilu ma jaraha u tagħmillu festa, jiġi l-ieħor jaraha kuljum tagħmillu l-istess. Kieku joqogħdu jkejlu dawn, jispiċċaw bil-geddum uħud minnhom.

U l-Mulej qed jgħallimna: isma’ meta tqisu lilkom infuskom, ’il xulxin, toqogħdux tkejlu żżejjed. Ma jfissirx li ma jkunx hemm ġustizzja. Il-ġustizzja trid tkun bejnietna għax inkella jkollna l-inkwiet. Imma meta naħsbu fuq Alla, ejjew nitolbu, anzi ngħidulu: Mulej, ftakar f’kulħadd, agħtina l-grazzja li aħna li ħdimna ftit iżjed, ikollna l-ferħ li naraw magħna lil min sejjaħtlu naqra tard, jew sejjaħtlu imma ma semgħakx mill-ewwel, ħa ngħidu hekk. Aħna kultant il-Mulej dejjem isejjaħ, imma aħna dejjem inkunu jew nisimgħu xi mużika favorita, ikollna widnejna bil-headphones jew dak li jkollhom illum. Illum ikollhom dawk l-affarijiet żgħar f’widnejhom iż-żgħażagħ u kultant tarahom mexjin qed jitkellmu weħidhom u ngħid: imma dan qed jitkellem waħdu? Ma jkunx qed jitkellem waħdu imma llum bit-teknoloġija li hawn, m’għandekx bżonn ħafna wires kif drajna aħna biex tisma’ biċċa mużika jrid ikollok ma nafx kemm-il metru wire u x’naf jien. U kultant aħna wkoll, imma mhux minħabba l-mużika, nittarrxu għal Alla. Issa Alla se jieħu għalih? Mhux jibqa’ jsejjaħ? Joħroġ kull siegħa jsejjaħ.

Issa aħna se neħduha bi kbira għax isejjaħ lil kulħadd u jħenn għal kulħadd? Għal kulħadd! Mhux dak li nixtiequ f’din id-dinja? Mela ejjew nikkalmaw naqra u ngħidulu: Isma’ aħna issa wara kollox li qed nippretendu li se jkollna kif għedt fil-bidu biċċa mill-kejk tajba biċ-ċirasa fuqha forsi, mhux aħjar tibda tħenn għalina wkoll ma mmorrux nispiċċaw b’xejn?

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 55:6-9
Salm: 144 (145):2-3,8-9,17-18
Qari II: Fil 1:20c-24,27a
L-Evanġelju: Mt 20:1-16

Aktar ritratti