• Għal darb’oħra qed nassistu, kważi bla saħħa u mingħajr wisq interess ġenerali, għal traġedja oħra ta’ persuni li mill‑kontinent Afrikan jaqsmu l‑Mediterran, ifittxu t‑tama ta’ ħajja aħjar għalihom u għall‑familji tagħhom. Din id‑darba, minkejja l‑oppożizzjoni li ltaqgħu magħha, it‑traġedja ma kinitx akbar grazzi għall‑intervent f’waqtu ta’ organizzazzjonijiet volontarji li jiddedikaw il‑mezzi u l‑ħiliet tagħhom biex jgħinu lill‑ifqar fost il‑fqar.[1] It‑traġedji tal‑foqra tad‑dinja qed isiru biss aħbar ta’ mument, li tintrema malajr fl‑iskart! Kellu raġun il‑Papa Franġisku, fl‑ewwel żjara uffiċċjali tiegħu fil‑Parlament Ewropew fl‑2014, jitlob lill‑mexxejja Ewropej ma jħallux li l‑Mediterran isir ċimiterju tal‑immigranti.[2]

    Minkejja l‑wegħdiet li bosta drabi l‑mexxejja tal‑pajjiżi Ewropej għamlu biex jaffrontaw b’mod konkret il‑bżonnijiet tal‑immigranti u r‑refuġjati li jfittxu kenn u futur fl‑Ewropa, donnu ftit hemm rieda politika li din it‑traġedja titqies bl‑urġenza li jistħoqqilha. Filwaqt li l‑pajjiżi jiddiskutu l‑Prodott Domestiku Gross u l‑flus fl‑idejn, hemm ir‑riskju li l‑persuni tal‑periferiji jibqgħu fil‑faqar u jkunu biss numri f’arkivju ta’ kompjuter. Fl‑istess żjara fil‑Parlament Ewropew, il‑Papa kien talab biex l‑Ewropa “ma tinbeniex fuq l‑ekonomija imma fuq il‑qdusija tal‑persuna umana”. Naraw mexxejja jehdew u jitbissmu jieħdu r‑ritratti tal‑okkażjoni u ġemgħat iċapċpu quddiem diskorsi sbieħ, u donnu kollox jieqaf hemm. Kellu raġun il‑Papa Franġisku, fiż‑żjara tiegħu fuq il‑gżira ta’ Lampedusa fil‑bidu tal‑Pontifikat tiegħu fl‑2013, jikkundanna “l‑indifferenza globali” quddiem dan il‑fenomenu ta’ abbuż tal‑foqra u t‑traġedji kontinwi fil‑Mediterran u f’inħawi oħra tad‑dinja.

    Fl‑Eżortazzjoni “Il‑Ferħ tal‑Vanġelu”, il‑Papa Franġisku jgħidilna li “il‑ħtieġa li nsibu soluzzjoni għall‑kawżi strutturali tal‑faqar ma tistax tistenna iżjed” (Evangelii Gaudium par. 202). Fil‑messaġġ tiegħu fl‑okkażjoni tal‑Ewwel Jum Dinji tal‑Foqra, il‑Papa jkompli jgħid li “jekk nixtiequ noffru sehemna b’mod effikaċi għall‑bidla tal‑istorja, u nġibu l‑iżvilupp veru, jeħtieġ nisimgħu l‑karba tal‑foqra u nħabirku biex nerfgħuhom mill‑qagħda tagħhom ta’ emarġinazzjoni.”

    Dan il‑kliem jgħodd kemm għall‑komunità politika, għas‑soċjetà inġenerali u anke għall‑Knisja. Fil‑fatt, ikompli l‑Papa, “kull komunità tal‑Knisja, jekk b’xi mod tippretendi li tista’ toqgħod bi kwietha bla ma tfittex mod kreattiv kif tagħti kas u tħabrek bi frott biex il‑foqra jgħixu b’dinjità u biex kulħadd iħossu inkluż, tkun qed tirriskja wkoll li tiġi fix‑xejn, anki jekk titkellem fuq temi soċjali jew tikkritika l‑gvernijiet” (Evangelii Gaudium par. 207).

    Għalhekk, il‑Knisja f’Malta u Għawdex tilqa’ bil‑ferħ l‑aħbar riċenti li l‑Konferenza Episkopali Taljana se tniedi “Laqgħa ta’ Riflessjoni u ta’ Spiritwalità għall‑Paċi fil‑Mediterran”, bis‑sehem tal‑Isqfijiet Kattoliċi tal‑pajjiżi kollha li jmissu mal‑Mediterran. Din il‑laqgħa tal‑popli tal‑Mediterran għandha l‑għan li ma tħallix il‑karba u t‑tama tal‑foqra jegħrqu u jindifnu fil‑Mediterran. L‑inizjattiva għandha wkoll l‑għan li tkun skambju ta’ kulturi u popli, u li tkun tingiża biex l‑Ewropa tħoss aktar bħala tagħha dak li qed jiġri lill‑foqra li jħabbtu bibienha[3].

     

     Charles J. Scicluna                                                              Mario Grech

        Arċisqof ta’ Malta                                                                     Isqof ta’ Għawdex

    [1] http://www.lastampa.it/2018/01/27/italia/cronache/ottocento-migranti-salvati-in-mare-due-morti-ed-scontro-tra-ong-e-guardia-costiera-libica-4kf5LgLMNcr44MRfXKmuDM/pagina.html

    [2] https://www.reuters.com/article/us-pope-europe/stop-mediterranean-becoming-vast-migrant-cemetery-pope-tells-europe-idUSKCN0J911320141125

    [3]http://www.migrantesonline.it/siti_migrantes/migrantes_online/00021241_Cei__sulla_rotta_del_Mare_Nostrum.html