L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din hi waħda mill-ftit parabboli li Ġesù jispjega fid-dettall. Ilbieraħ qrajna l-parabbola ta’ dak li żera’ żerriegħa tajba, imbagħad bil-lejl ġie l-għadu tiegħu hu żera’ s-sikrana. Il-ħaddiema jgħidulu: “Tridx immorru niġbruha?” is-sikrana. Jgħidilhom: “Le… Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: ‘Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi” (Mt 13:29-30).

Ġesù jispjega ftit il-protagonisti kollha ta’ din il-parabbola. Interessanti li l-għadu jsejjaħlu x-Xitan; imma s-sikrana mhix ix-Xitan, “is-sikrana huma wlied il-Ħażin” (Mt 13:38). Dawk li fil-ħajja tagħhom għamlu għażla, għamlu għażla kontra Alla. Hi għażla terribbli. U hi misteru kbir; għax “Alla ħalaq l-bniedem xbieha tiegħu” (Ġen 1:27). Aħna m’għandniex f’ruħna x-xbieha tax-Xitan, imma għandna x-xbieha t’Alla. Alla lilna ħalaqna ħielsa, liberi; kif nistgħu ngħidulu ‘iva’, minkejja d-dnubiet u d-dgħufijiet tagħna; u nitolbuh biex ma ninfirdux minnu. Dik hi l-isbaħ talba: “Tħallini qatt ninfired minnek”.

Ikun hemm minna, jalla ma jkunx hawn; imma li jgħid lil Alla, mhux jgħid: ‘M’għandix bżonnu biss, imma li nobżoqlu, nobogħdu, nagħmillu gwerra, b’ħafna modi. Il-mibgħeda lejn Alla ħafna drabi tinduna biha, bil-mibegħda li jkun hemm fil-qalb tal-bniedem għal ħutu l-bnedmin. Għax jekk inti tobgħod lil xi ħadd, tobgħod ukoll ix-xbieha tiegħu. Ma tistax tħobb lil Alla u tobgħod lil bniedem li hu xbieha t’Alla. Bħalma, jiena għandi lil xi ħadd għażiż, li ma nistax narah, imma għandi xbieha tiegħu, għandi ritratt, hu x’inhu, ngħożżu. Jekk xi ħadd jobogħdu, allura jobżoqlu, ikasbru, jikkalpestah. Min iħobb lil Alla ma jistax jikkalpesta lill-bniedem.

Il-Mulej jitkellem ukoll dwar il-konsegwenzi tal-għażliet tagħna, għax jekk aħna liberi u nagħmlu l-għażliet, se jkollhom il-konsegwenzi.

M’ilux kien hemm wieħed, kellu l-ġilda skura. Ma nafx x’kien l-inċident, ma nistax niġġudika; imma jekk għandek argument ma’ xi ħadd, twaddbu l-baħar? Taf jekk jafx jgħum dan? Dak hu r-rispett; dik hi l-imħabba lejn il-bniedem li għandu xbieha t’Alla? Jew għax għandek il-muskoli u bully, allura d-dinja tiegħek, kulħadd paljett tiegħek?

Il-Mulej jitkellem ukoll dwar il-konsegwenzi tal-għażliet tagħna, għax jekk aħna liberi u nagħmlu l-għażliet, se jkollhom il-konsegwenzi. Ħafna drabi ngħidulhom: premju u kastig. Nippreferi nuża l-kelma konsegwenzi. Meta mort inżur lil ħutna li qed jagħmlu l-programm biex joħorġu min-nassa tad-droga, San Blas; bdejt inkellimhom, u għandhom il-kunċett ta’ konsegwenza. Jekk tagħmel xi ħaġa, ħa jkollok konsegwenza, ma jgħidulux kastig; pereżempju: qomt u m’għamiltx is-sodda, ħa jkollok konsegwenza. U għoġbitni din l-idea. M’hemmx għalfejn tgħidlu kastig, imma konsegwenza. Inti kellek tagħmel xi ħaġa u m’għamilthiex; ħa jkun hemm il-konsegwenzi. Hekk ukoll fil-ħajja tagħna, l-għażliet tagħna, kollha għandhom il-konsegwenzi tagħhom: għat-tajjeb jew għall-ħażin.

Tolqotni wkoll, id-deskrizzjoni li jagħti Ġesù, tal-infern. Apparti li jgħid: il-ħuġġieġa tan-nar”; in-nar hu xi ħaġa insapportabbli. San Ġorġ Preca kien iħobb jgħid: ‘ipprova poġġi sebgħek fuq fjamma nar ħajja, ħa tara kemm iddum tissaporti. Ħalliha dawk li jagħmlu t-tricks; kemm iddum b’sebgħek fuq il-fjamma; aħseb u ara, eternità fuq xi ħaġa insapportabbli. “Hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien” (Mt 13:42); hemm ikun hemm rabja kbira.

Kultant ir-rabja minn hawn tibda, għax il-ġenna u l-infern, minn hawn jibdew. Ħafna jgħidulek: ‘Sinjur, purgatorju bħalissa’. Imma nitolbu li waqt il-purgatorju li nkunu għaddejjin minnu, ikollna wkoll xi ftit ta’ togħma tal-ġenna, biex nagħmlu kuraġġ; u l-Mulej jagħtina wkoll dan il-kuraġġ. Imma min jobgħod lil xi ħadd, min għandu rabja kbira, min snienu qed jheżżiżhom issa; diġà qiegħed fl-għatba tal-infern. Mhux għax Alla kattiv, imma qed jitlobna nagħmlu għażla tajba. Kunu mal-qamħ u mhux mas-sikrana.

Aħna minn hawn u ftit ieħor niċċelebraw il-festa l-kbira tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej, li aħna ngħidulha s-Salvatur; meta Ġesù “wiċċu jsir jiddi bħax-xemx” (Mt 17:2). Jolqotni l-fatt li meta Ġesù jitkellem dwar it-twajba fil-ġenna; min jaf kemm hemm ommijiet u missirijiet; min jaf kemm hemm nies il-ġenna, li għamlu d-dover tagħhom, li għamlu dik it-talba lill-Mulej: ‘tħallinix ninfired minnek, Sinjur’. U l-Mulej jilqagħhom. “Il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx, fis-Saltna ta’ Missierhom” (Mt 13:43). Għandhom il-glorja, bħalma l-Iben kellu fuq it-Tabor. Ġesù mbagħad javżana: “Min għandu widnejn, ħa jisma’!” (Mt 13:43). Jiġifieri, ifhimni u rrifletti.           

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżodu 33, 7-11; 34, 5b-9.28
Salm: 102 (103), 6-7.8-9.10-11.12-13
Evanġelju: Mt 13, 36-43