Quddiesa ta’ radd il-ħajr fl-okkażjoni tal-ħatra bħala kardinal tal-Eminenza Tiegħu Rev.ma l-Kardinal Mario Grech., li saret l-Erbgħa, 9 ta’ Diċembru 2020, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Ikkonċelebraw l-Arċisqof Charles Jude Scicluna, in-Nunzju Appostoliku Alessandro D’Errico, l-Isqof Awżijlarju Joseph Galea-Curmi, l-Isqof Emeritu ta’ Garissa Pawlu Darmanin OFM Cap, il-Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi ta’ Għawdex Mons. Tarcisio Camilleri, il-provinċjali tal-ordinijiet reliġjużi u saċerdoti oħra. Preżenti wkoll l-ogħla awtoritajiet tal-Istat immexxija mill-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella.

L-omelija tal-Kardinal Mario Grech

“Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jien inserraħkom” (Mt 11:28). Dan il-kliem ta’ Ġesù jinżlilna għasel. Għax min minna lkoll ma jgħaddix minn waqtiet fejn inħossuna mifluġin? Huma ħafna dawk is-sitwazzjonijiet fejn il-bniedem iħoss il-madmad jagħfas fuq spallejh, u mhux darba jew tnejn jibda jogħtor taħt dak il-piż. Jien għandi f’moħħi l-piż tal-familja, il-piż tal-mard, il-piż tat-tmexxija, il-piż tas-solitudni funzjonali, il-piż tal-ħolm, il-piż tal-inkomprensjoni, il-piż tal-passat, u l-bqija. Ġesù qed jgħidilna: “Ejjew għandi intom li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jien inserraħkom”.

Imma f’dan il-kuntest tal-Vanġelu Ġesù qed jitkellem fuq madmad partikulari: il-madmad reliġjuż! Fit-tradizzjoni Ġudajka l-kelma ‘madmad’ kienet sinonima għal-liġi ta’ Mosè (ara Neħ 9:29). Fil-fatt, fil-Vanġelu Ġesù qed jindirizza lil-Lhud li r-reliġjon kienu ġabuha fardal taċ-ċomb bl-għadd ta’ liġijiet u regolamenti reliġjużi. Biżżejjed wieħed jiftakar fi stqarrija qawwija li għamel Pietru fil-Konċilju li sar f’Ġerusalemm meta qal: “Għaliex iġġarrbu lil Alla billi tridu tqiegħdu fuq għonq id-dixxipli madmad li la missirijietna u lanqas aħna ma flaħna nerfgħuh?” (Atti 15:10). Pietru kien konxju mir-riskju li l-enfażi fuq il-liġijiet reliġjużi ma ssaħħanx il-qalb – ma tixgħelx il-qalb! Il-liġi ma tibdilx il-qalb; billi l-liġi tipprojbixxi u tikkundanna, flok tħeġġeġ u tistimula, tnissel terrur minn Alla. Kif jikteb l-Appostlu Missierna, “l-ittra [tal-Liġi] toqtol, imma l-Ispirtu hu li jagħti l-ħajja” (2 Kor 3:6).

Huwa għalhekk li Ġesù lil-Lhud jgħidilhom: “Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u ssibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif” (Mt 11:29-30). Hawn Ġesù qed jagħmel dak li nistgħu nsejħulu paradigm shift fejn il-qofol tat-twemmin Nisrani mhix l-insistenza dwar il-liġijiet imma li wieħed iduq l-imħabba ta’ Alla l-Missier li dehret fi Kristu Ġesù. Jekk wieħed ma jkunx daq it-tjubija ta’ din l-imħabba, mhux faċli li jagħmel ir-rieda ta’ Alla, li hija l-għajn ta’ kull kriterju tal-għażliet tagħna. Ġesù qed jgħidilna li d-dixxiplu tiegħu mhux dak li joqgħod għal Alla billi josserva l-liġijiet, imma hu dak li jsir jixbah lill-Missier billi jħobb kif iħobbna hu. Għalhekk Ġesù jgħidilna: “tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli” (v. 29).

Hawnhekk għandna l-passaġġ mil-liġi għall-Vanġelu; minn twemmin imsejjes fuq dmirijiet għal twemmin li jfawwar il-qalb bil-ferħ tal-Vanġelu. Ġesù qed jistedinna biex ngħaddu minn dîn fejn in-Nisrani jrid joqgħod għal dekalogu li jixgħellek l-aħmar fejn tiżbalja u meta tiżbalja titlef ħajtek, għal esperjenza ta’ Alla li misjuq mill-imħabba huwa mxennaq għalik biex jgħinek tkun dak li tixtieq.

Fi kliem ieħor, f’dan il-Vanġelu għandna t-tranżizzjoni minn reliġjon komuni (twemmin fid-divin) għall-Kristjaneżmu; mogħdija minn reliġjon li nħossuha li toħnoq u xxekkel il-libertà għall-esperjenza tal-Ispirtu li jagħtina Kristu: Spirtu li huwa l-imħabba ta’ Alla li dejjem joħloq il-ġdid.

Jien nibża’ li mhux biss il-Lhud fi żmien Kristu kellhom bżonn jeħilsu minn dan il-madmad reliġjuż, imma anki l-komunità ekkleżjali tagħna. Huwa l-waqt li nagħmlu dan il-paradigm shift li għamel Kristu għax għadna wisq moħħna fil-liġi u li din il-liġi trid tkun bilfors riflessa fil-qafas soċjali; imbagħad fl-istess ħin sajmin daqs il-ġebel samm dwar Ġesù Kristu u l-Vanġelu, u l-ħeġġa missjunarja (evanġelizzazzjoni, katekeżi, liturġija) hija dgħajfa.

Ħafna jafu n-normi reliġjużi mingħajr ma kellhom esperjenza ta’ Kristu, in-Norma ewlenija tan-normi l-oħra. Proprju billi għal xi wħud mill-Insara tagħna Kristu huwa barrani, jilmentaw li t-twemmin Kristjan u l-laqgħa komunitarja f’ismu huma madmad.

Oħrajn li l-esperjenza li għandhom ta’ Kristu hija waħda limitata għad-“duttrina”, jagħmlu sforz biex ikomplu mal-prattika reliġjuża esterna, imma f’qalbhom ma tħabbatx il-qalb ta’ Kristu u għalhekk hemm baħar x’jaqsam bejn l-istqarrija tal-fidi u l-prattika tal-fidi f’kull aspett tal-ħajja personali u pubblika. Għaldaqstant għandna reliġjożità imma mhux reliġjon!

Anki l-fatt li ħafna jħarsu lejn il-Knisja aktar bħala gwardjana tal-etika milli dik li tlaqqagħna ma’ Ġesù, jindika li fil-memorja kollettiva l-Knisja qisha l-għassiesa tal-leġiżlatur aktar milli dik li ddewwaqna l-paternità u l-maternità ta’ Alla u tonfoħ fuq il-ġamar, anki dak li huwa mitfi, biex tixgħel il-fjamma tal-Ispirtu li hemm mhux biss fl-imgħammdin imma fil-bnedmin kollha.

Mhux qed ngħid li t-tort huwa tal-imgħammdin; forsi aħna bħala Knisja ġerarkika għadna rridu nagħmlu dan ix-shift anki jekk għal mument dan ikun ifisser li nirtiraw minn ċerti oqsma biex insaħħu aktar il-pedament tat-twemmin tagħna: in-namur ma’ Ġesù Kristu u li nagħtu xhieda tiegħu. Ħassieb Franċiż tas-snin tletin, Emmanuel Mounier, osserva li l-influwenza tar-Reliġjon Nisranija fuq iċ-ċiviltà Ewropea aktar kienet effett kollaterali tax-xhieda tal-ewwel Insara milli ta’ xi pjan maħsub minn qabel; il-bidla kienet aktar konsegwenza naturali tal-fidi megħjuxa b’mod sempliċi milli effett ta’ xi programm kulturali-politiku maħdum fuq skrivanija (ara Feu la Chretiente). Biex nagħti eżempju: il-familji Nsara li bl-għajnuna tal-grazzja fis-skiet jerfgħu l-madmad taż-żwieġ u l-familja u hekk jagħtu xhieda tal-ġmiel taż-żwieġ dejjiemi jafu jkunu aktar inċiżivi fis-sehem tagħhom fil-proċess imqalleb li għaddejjin minnu l-familji tagħna.

Naturalment, sakemm jidhru l-effetti ta’ dan il-proċess hemm mixja mċajpra, fis-sens li bħal donnu li l-Vanġelu mhux iħalli sinjali. Imma x-xhieda bħall-ħmira: tkun fl-għaġna anki jekk ma tidhirx! L-istorja tixhdilna li meta t-twemmin Nisrani jkollu l-għeruq fil-Vanġelu, meta aħna l-Insara nerfgħu l-madmad li tana Ġesù, allura nagħtu l-aqwa u l-aħjar liċ-ċiviltà. Dan il-ħassieb ikompli jgħid li “l-Kristjaneżmu jħalli effett fuq l-imġiba soċjali tal-bnedmin l-aktar meta l-Insara jkollhom ħajja spiritwali intensa u mhux meta wieħed jintilef fl-istrateġiji u t-tattiċi. Naturalment, ngħidu wkoll li meta aħna l-Insara nassimilaw id-dinja, meta qalbna tagħna titbattal minn Ġesù u timtela bil-mondanità, inżidu t-toqol tal-madmad tal-bnedmin!”.

Dawn huma l-awguri tiegħi għall-Knisja f’pajjiżna. Jiena u nara dak li jeħtieġ nikbru fih, niftakar fil-ħafna tajjeb li hawn fil-qlub ta’ bosta li jagħmlu mill-Knisja f’pajjiżna Knisja f’mixja, Knisja missjunarja, Knisja Omm u Oħt, Knisja li tiftaħ qalbha għat-tiġdid tal-Ispirtu. Nirrikonoxxi li hija din il-Knisja li sawritni, u għalkemm għaddejja minn din il-fażi ta’ tranżizzjoni, inħossni kburi li jien membru ta’ din il-Knisja. Ftit ġimgħat ilu Mons. Arċisqof Scicluna qalli biex ma ninsa qatt li jien wild din il-Knisja li waqqaf Pawlu. Nistħajjel li l-Arċisqof ried ifakkarni li Pawlu ma għamel xejn biex iltaqa’ ma’ Ġesù; lanqas swew l-opri tal-liġi li kellu Pawlu! Kollox telaq b’att ta’ mħabba ta’ Ġesù! L-Arċisqof qalli biex kif għamel l-Appostlu Missierna, infittex inkun ta’ għajnuna għal Pietru! B’għożża kbira nsellmilkom bil-kliem tal-Qaddis Ġwanni Pawlu II, li fi tmiem l-ewwel żjara li għamel fostna qabel ma telaq qalilna: ‘Jien sejjer Ruma u lil Pietru ngħidlu li l-Knisja li waqqaf Pawlu għadha vibranti’. Hekk ukoll ser nagħmel jien: meta niltaqa’ ma’ Pietru tal-lum, il-Papa Franġisku, ngħidlu li hawn f’pajjiżna hawn Knisja ħajja. Ser ngħidlu: “Fittex ejja żurna għax hawn poplu li qed jistenniek bil-ħerqa biex jilqgħek b’dirgħajh miftuħa”. Amen.


Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Eminenza, għażiż ħija Mario, f’isem l-Arċidjoċesi, f’isem il-poplu, nixtieq nirringrazzjak talli għoġbok tmexxi din l-Ewkaristija, u tal-kelma qawwija tiegħek. Nitolbuk ħafna, inti u tibda l-missjoni tiegħek qrib il-Papa Franġisku, li bħalma għedt inti u bħalma diġà tlabtek, twassal l-imħabba, id-devozzjoni u l-lealtà tagħna lejn Pietru.

Ħin minnhom il-Mulej Ġesù jidher lil Pawlu f’mument ta’ kriżi. Kien arrestat u fil-ħabs fi triqtu lejn il-ġudizzju minn Ċesari. U Ġesù lil Pawlu jgħidlu: “Jeħtieġ li tkun għalija xhud f’Ruma”. Din hi l-missjoni li l-Mulej qiegħed isejjaħlek għaliha: li tkun xhud u għalhekk martri ta’ Ġesù f’Ruma. F’qasam li kulħadd jaf u aħna nafu li għall-Papa huwa priorità, dik li l-Knisja ssir dejjem iżjed dik li hi: grupp ta’ pellegrini — min twil u min qasir, min irqiq u min oħxon — li jimxu flimkien, kulħadd bil-pass tiegħu. Jekk jien u inti jkollna nagħmlu tellieqa mhux se nilħqek għax il-pass tiegħi hu li hu, imma l-Mulej, kif għedt inti, ma jħarisx la lejn il-wiċċ u lanqas lejn il-qies taż-żarbun. Imma l-Mulej jitfa’ fuqna ħarsa ta’ mħabba u dik li tagħmilna nies għax il-ħarsa tal-imħabba tiegħu ħalqitna, fdietna u twassalna f’dan il-pellegrinaġġ fejn irridu naslu.

Ommok Stella u missierek Ġorġ semmewk Mario. Bir-rispett kollu lejn il-martri Mario, aħna fit-tradizzjoni tagħna Mario għal Marija u aħna ħsibna li nagħtuk din it-tifkira. Pittura li turi omm tal-istennija, “Omm il-Bidu l-Ġdid” semmieha Natanael Theuma, l-artist li pinġieha. Hija propju l-Madonna tal-Avvent. Bħalissa lill-Madonna qed inqimuha qiegħda tistenna lil Binha. Jiena jaffixxinani dan il-kwadru li l-idejn l-omm, hi u tmiss l-ġuf tagħha, huma diġà jaħarqu bit-tenerezza tal-Ispirtu s-Santu. Il-ħarsa tagħha hija ħarsa ta’ umiltà, ta’ mara li taf li l-Mulej ħares lejn iċ-ċokon tagħha u għamel magħha ħwejjeġ kbar. U l-Mulej hekk jagħmel magħna: iħares lejn iċ-ċokon tagħna u jagħmel magħna u permezz tagħna ħwejjeġ kbar.

Eminenza, għażiż Mario, nafdawhielek biex tkun bil-barka u bit-talb tagħna sinjal ta’ kemm inħobbuk u rahan ta’ kemm tħobbna. Grazzi.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

More Photos >>