L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Aħna l-Maltin – imma naħseb li mhux biss il-Maltin – għandna kultant it-tendenza li nagħmlu bħalma smajna llum fl-Evanġelju: nifirdu n-nies ‘magħna’ u ‘mhux magħna’. Smajna fl-Evanġelju llum lil Ġwanni jgħid lil Ġesù: kien hemm raġel li ridna nżommuh għax mhux magħna u mhux wieħed minn tagħna.
Kultant jiġrilna hekk: li nifirdu n-nies ‘magħna’ u ‘mhux magħna’. Kultant, aktar minn hekk: ‘magħna’ u ‘kontrina’. Pereżempju: dak tal-partit tagħna, l-ieħor kontrina; dik mal-festa tagħna, dik kontrina; dik mal-banda tagħna, dik kontrina; dan tar-razza tagħna u dak kontrina. Meta nagħmlu hekk, inkunu qisna qed indaħħlu ħajt, nibnu ħajt f’moħħna u f’qalbna, fejn nifirdu n-nies: dawk li huma magħna, u dawk li mhumiex, li kultant inħarsu lejhom bħala kontrina. Kultant anke meta nitkellmu ma’ xi ħadd għall-ewwel darba, f’moħħna nkunu diġà qed naraw jekk hux magħna jew le.
Ma naqtgħu barra ’l ħadd
X’jgħidilna Ġesù? Ġesù jrid li jkollna qalb li tilqa’ lil kulħadd. U għalhekk jgħid “min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna”. Jiġifieri; jekk xi ħadd jeskludi hu lilu nnifsu, biċċa tiegħu, imma mhux aħna li naqtgħu n-nies barra u nifirduhom minna għaliex ‘mhumiex magħna’.
Nafu li Ġesù mhux biss qalha din, imma għamilha. Kull meta Ġesù għamel, pereżempju, xi miraklu, qatt staqsa: dal-bniedem x’kulur hu biex ngħinu jew le? Dan tal-grupp tagħna? Qatt ma staqsa hekk Ġesù. Meta ġie biex jagħmel il-ġid, Ġesù għamlu lil kulħadd, hu min hu u hi min hi. Dan hu li jixtieq minna lkoll. Jixtieq li jkollna dil-qalb li tilqa’ lil kulħadd, li ma nifirdux in-nies ‘magħna’ u ‘mhux magħna’, jew ‘magħna’ u ‘kontrina’.
“Lejn aħna aktar wiesgħa”
Il-Papa Franġisku, meta għażel tema għal dan il-jum, il-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati, għażel bħala tema: “Lejn aħna aktar wiesgħa”. Xi tfisser din? Jiġifieri ‘aħna’ ma nifhmux biha biss ‘jiena u l-grupp tiegħi’, imma nwessgħuha biex ninkludu nies oħra – għalhekk “Lejna aħna aktar wiesgħa”.
Hu jixtieq li aħna nħarsu lejn l-oħrajn, huma min huma, mhux bħala avversarji jew nies kontrina jew li rridu nkunu kontrihom, imma bħala l-istess membri ta’ din il-familja tal-bnedmin. Għalhekk anke dawk li kultant nirreferu għalihom bħala ‘barranin’, anke dawk li huma ta’ razza differenti, jew ta’ reliġjon differenti, jew ta’ kulur differenti, dawk huma wkoll xbieha ta’ Alla. Irid li aħna, bħala Nsara, inħarsu lejn l-oħrajn bħala xbieha ta’ Alla, hu min hu, hi min hi, għalhekk parti minn din il-familja ta’ Alla. Dan hu l-appell li jagħmel lilna llum, fil-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati, u jixtieq li lkoll ikollna din l-attitudni f’qalbna li tagħmilna ħafna nixbhu lil Ġesù li kellu qalb miftuħa għal kulħadd.
Dak li hemm fina li hu kontrina
Imma fl-Evanġelju Ġesù jgħid ħaġa oħra importanti ħafna. Jgħid li m’għandniex inħarsu lejn l-oħrajn biex naraw min hemm kontrina, imma għandna nħarsu lejna nfusna u ngħidu: x’hemm fina li, jekk ma nikkontrollawhx, jaħdem fil-fatt kontrina?
Għalhekk isemmi, bi kliem iebes: “jekk idek hija għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra”; jew riġlek, jew għajnek, aqta’ barra. Ġesù mhux qed jgħid li għandna naqtgħu l-id, u r-riġel, u nispiċċaw hekk. Qed jgħid, bi kliem iebes, li dak li hemm fina jista’ jkun ta’ tfixkil, u aħna għandna naħdmu biex nikkontrollawh u ma nħalluhx imexxina.
Ġesù qed jgħidilna biex ma nħarsux lejn l-oħrajn u naraw min hu kontrina, imma biex inħarsu lejna nfusna u naraw x’hemm fina li jista’ jaħdem kontrina jekk inħalluh imexxina flok nikkontrollawh.
Jgħid, pereżempju, l-għajn – nafu li l-għajn tista’ tara ħafna affarijiet li jagħmlu l-ħsara. Għalhekk qed jgħid: tħallix li għajnejk jiġru bik u jikkontrollawk, imma ara kif tagħmel iċ-ċaħda tiegħek innifsek f’dan biex tista’ tgħix tassew fil-paċi. Hemm diversi okkażjonijiet fil-ħajja fejn irridu niċħdu lilna nfusna, immorru kontra tagħna nfusna, proprju biex inkunu qed nagħmlu l-ġid u mhux il-ħsara.
Naqtgħu barra l-kliem li jweġġa’
Ħa nsemmi eżempju li żgur nifhmuh: il-kliem tagħna – il-kliem li ngħidu u l-kliem li niktbu. Illum, meta qed nitkellmu fuq il-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati, insemmi wkoll il-kliem li niktbu fuq dawn li qed ifittxu l-kenn. Pereżempju, fuq l-internet, kultant tara kliem li tibda tistħi flok min kitbu – kliem degradanti, kliem ta’ insult. Imbagħad tgħid: meta bniedem jikteb hekk, l-ewwel ma qed iwaqqa’ hu lilu nnifsu, qed ibaxxi lilu nnifsu meta jikteb hekk! Għax qed juri li l-qalb tiegħu hi mħassra. Għalhekk Ġesù qed jgħid: jekk int jiġik f’moħħok li tikteb jew li tgħid kliem li jinsulta lil ħaddieħor, jew li jweġġa’, hemm għandek tikkontrolla; u tgħid: ma niktibx dan għax irrid nirrispetta lil kulħadd bħala xbieha ta’ Alla. Taraw kif il-kliem ta’ Ġesù hu kliem li tant jurina għall-ħajja tagħna kif nistgħu ngħixu fil-paċi u nagħmlu l-ġid.
Għalhekk, Ġesù qed jgħidilna biex ma nħarsux lejn l-oħrajn u naraw min hu kontrina, imma biex inħarsu lejna nfusna u naraw x’hemm fina li jista’ jaħdem kontrina jekk inħalluh imexxina flok nikkontrollawh.
Nitolbu lill-Mulej l-għajnuna tiegħu biex ikollna dejjem qalb bħal tiegħu li tilqa’ lill-oħrajn, u mhux li tifridhom ‘magħna’ u ‘mhux magħna’, jew ‘magħna’ u ‘kontrina’. Nitolbuh biex jaqgħtina wkoll dik id-dixxiplina fuqna nfusna biex ma nħallux dak li nħossu fina jikkontrollana u jmexxina, u jgħinna biex dejjem nagħmlu l-ġid u mhux il-ħsara.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju