Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-liturġija tal-lum jirrakkuntalna djalogu qasir bejn Ġesù u l-Appostlu Ġwanni, li kien qed jitkellem f’isem il-grupp kollu tad-dixxipli.  Huma raw raġel li kien qed ikeċċi x-xjaten f’isem il-Mulej, imma ma ħallewhx ikompli għax ma kienx jifforma parti mill-grupp tagħhom.  F’dal punt, Ġesù jistedinhom biex ma jfixklux li min ikun qed jagħmel it-tajjeb, għax dan ikun qed jimpenja ruħu biex jitwettaq il-proġett ta’ Alla (cfr Mk 9, 38-41).  Imbagħad iwiddeb: minflok ma nikklassifikaw il-bnedmin tajbin u ħżiena, is-sejħa tagħna lkoll hi li nishru fuq qlubna ħalli ma jiġrilniex li naqgħu fil-ħażen u nkunu skandlu għall-oħrajn (cfr vv. 42-45. 47-48).

Insomma, kliem Ġesù jikxef tentazzjoni u joffri eżortazzjoni.  It-tentazzjoni hi dik tal-għeluq.  Id-dixxipli jridu jwaqqfu opra ta’ ġid, biss, għaliex min qed jagħmilha mhux imsieħeb fil-grupp tagħhom.  Huma jaħsbu li Ġesù hu tagħhom esklussivament, u li huma biss għandhom l-awtorità jaħdmu għas-Saltna t’Alla.  B’hekk jispiċċaw biex iħossuhom il-magħżulin filwaqt li lill-oħrajn iqisuhom barranin, sakemm isiru ostili fil-konfront tagħhom.  Ħuti, kull għeluq infatti, jżomm bogħod lil kull min ma jaħsibhiex bħalna u dan – nafuha – hu l-għerq ta’ tant ħażen fl-istorja: l-assolutiżmu li spiss welled dittatorjati u tant vjolenza fuq min hu ‘differenti’.

Imma hemm bżonn nishru fuq l-għeluq fil-Knisja.  Għax ix-xitan, dak li jifred – dan tfisser il-kelma ‘xitan’, dak  li joħloq il-firda – dejjem idaħħal is-suspetti biex jifred u jeskludi lin-nies.  Jittanta bil-ħażen ta’ moħħu, u jista’ jiġri, bħalma ġara lil dawk id-dixxipli li jispiċċaw biex iwarrbu saħansitra lil dak li keċċa lix-xitan stess!  Kultant aħna wkoll, minflok inkunu komunitajiet umli u miftuħin, nistgħu nagħtu l-impressjoni li nġibu ruħna bħala “l-ewwel fil-klassi” u nżommu lill-oħrajn bogħod minna; minflok infittxu li nimxu ma’ kulħadd, nibdew imperpru “l-liċenzja li aħna nemmnu”: “jiena nemmen”, “jien kattoliku”, “jien kattolika”, “jien membru ta’ dik l-assoċjazzjoni, l-oħra….”; u l-oħrajn le, imsieken.  Dan hu dnub.  Li nxejru “l-liċenzja ta’ nies li nemmnu” biex niġġudikaw u neskludu.  Nitolbu l-grazzja li negħlbu t-tentazzjoni li niġġudikaw u nikkatalogaw, u jalla l-Mulej iħarisna mill-mentalità tal-“bejta”, dik li b’għira nħarsu l-grupp żgħir ta’ min ‘jgħid’ li hu tajjeb: il-qassis ma’ dawk li huma fidili għall-aħħar lejh, l-operaturi pastorali magħluqin bejniethom ħalli ħadd ma ‘jiħdlilhom fl-għalqa’, il-movimenti u l-assoċjazzjonijiet magħluqin fil-kariżma partikolari tagħhom, u aktar…  Magħluqin.  Dan kollu jġib ir-riskju li lill-komunitajiet insara jagħmilhom imkejjen ta’ firda u mhux ta’ komunjoni.  L-Ispirtu s-Santu ma jridx għeluq; irid il-ftuħ, komunitajiet akkoljenti fejn jista’ jsib postu kulħadd.

Imbagħad fl-Evanġelju hemm l-eżortazzjoni ta’ Ġesù: minflok niġġudikaw kollox u lil kulħadd, noqgħodu attenti għalina nfusna!  Infatti hemm ir-riskju li nkunu iebsin mal-oħrajn imma rotob magħna nfusna.  U Ġesù jħeġġiġna biex ma nagħmlux kompromessi mal-ħażen, b’tixbihat li jolqtuk: “Jekk xi ħaġa hi għalik ta’ skandlu, aqtagħha barra!” (cfr vv. 43-48).  Jekk xi ħaġa tagħmillek il-ħsara, aqtagħha barra!  Ma jgħidx: “Jekk xi ħaġa hi għalik ta’ skandlu, ieqaf, oqgħod aħsibha, xi ftit jew wisq tirranġa…..”.  Le, “aqtagħha barra!  Bla telf ta’ żmien!”  F’dan Ġesù hu radikali, esiġenti, imma għal ġid tagħna, bħalma hu tabib tajjeb.  Kull qata’, kull żabra ssir biex nikbru aħjar u biex fl-imħabba nagħmlu l-frott.  Allura nistaqsu lilna nfusna: x’hemm fija li ma jaqbilx, li hu kuntrast mal-Evanġelju?  Ġesù xi jridni naqta’ barra konkretament minn ħajti?

Nitolbu lill-Verġni Marija Immakulata tgħinna nilqgħu lill-oħrajn u biex nishru fuqna nfusna.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Illum huwa l-Jum Dinji tal-Migrant u r-Rifuġjat, li dis-sena għandu t-tema “Lejn aħna dejjem akbar”  Jeħtieġ li nimxu flimkien mingħajr preġudizzji u biża’, u nersqu qrib min hu l-aktar vulnerabbli: migranti, rifuġjati, turufnati, vittmi tat-traffikar u abbandunati.  Għandna sejħa biex nibnu dinja dejjem aktar inklussiva, li ma tħalli barra lil ħadd.

Ningħaqad ma kulmin f’bosta nħawi tad-dinja qed jiċċelebra dan il-Jum; insellem lill-fidili miġburin f’Loreto b’inizjttiva tal-Konferenza Episkopali Taljana, favur il-migranti u r-rifuġjati.  Insellem u rrodd ħajr lid-diversi komunitajiet etniċi li hawn fil-pjazza bil-bnadar tagħhom; insellem lir-rappreżentanti tal-proġett “APRI” tal-Caritas taljana; kif ukoll lill-Uffiċċju Migrantes tad-djoeċsi ta’ Ruma u ċ-ċentru Astalli.  Grazzi lil kulħadd tal-impenn ġeneruz tagħkom!

U qabel ma titilqu mill-pjazza, nistedinkom tersqu qrib dak il-monument t’hemmhekk – fejn hemm il-Kardinal Czerny -: id-dgħajsa bil-migranti, u biex tieqfu b’ħarstikom fuq dawk in-nies u taraw f’dik il-ħarsa tagħhom it-tama li kull migrant għandu li jerġa’ jibda jgħix.  Morru hemm, araw dak il-monument.  Ma nagħlqulhomx il-bieb għat-tama tagħhom.

Nesprimi l-qrubija u s-solidarjetà ma’ min kien milqut mill-isbruffar tal-vulkan fil-gżira La Palma, fil-Gżejjer Kanarji.  Qed niftakar speċjalment f’dawk li kellhom jabbandunaw djarhom.  Nitolbu lill-Madonna, meqjuma f’dik il-gżira bit-titlu Nuestra  Señora de las Nieves, għal dawn il-persuni tant imġarbin u għal min qed jgħinhom.

Illum f’Bologna se jkun beatifikat Don Giovanni Fornasini, saċerdot u martri.  Kappillan ħabrieki fil-karità, qatt ma abbanduna l-merħla tul iż-żmien traġiku tat-tieni gwerra dinjija, imma ddefendiha sa ma’ xerred demmu.  Ix-xhieda erojka tiegħu tgħinna niffaċċjaw bil-qawwa l-provi tal-ħajja.  Applaws lill-Beatu l-ġdid!

U nsellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn pajjiżi differenti.  Insellem b’mod partikolari lill-Moviment Lajkali “Opera Don Orione” u r-rappreżentanza tal-ġenituri u adoloxxenti magħqudin fil-ġlieda kontra t-tumuri.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija,  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: Laikos