•  


  • L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     


  • Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    3 ta’ Frar 2019

    Ftit ġranet ilu, l‑attenzjoni ta’ ħafna nies fl‑Ewropa kienet mitfugħa fuq il‑ġrajja ta’ qsim il‑qalb fi Spanja fejn tifel żgħir, Julen Rosello, spiċċa waqa’ f’ħofra dejqa u fonda. Saru sforzi enormi biex ikunu jistgħu jaslu fejn kien it‑tifel ħa jippruvaw isalvawh. Għal ġranet sħaħ mijiet ta’ nies kienu involuti biex iħaffru tunnel ħalli jaslu sa ħdejh. Meta, wara tlettax‑il ġurnata waslu, it‑tifel sabuh mejjet. Kienet ġrajja ta’ niket, ta’ tbatija li ma titfissirx għall‑ġenituri tat‑tifel u l‑familja tiegħu, u għal tant nies li kienu qegħdin bil‑ħerqa jsegwu l‑isforzi kbar biex tiġi salvata l‑ħajja ta’ dan it‑tifel.

    Tolqtok f’din il‑ġrajja kiefra l‑ħidma kbira li saret minn tant nies flimkien biex isalvaw ħajja umana. X’tagħlima f’waqtha għalina lkoll! Turina li l‑ħajja umana hi imprezzabbli u għandna nagħmlu kull sforz biex inħarsuha u nsalvawha.

    Illum, f’Jum il‑Ħajja, qegħdin niddikjaraw ilkoll flimkien li aħna favur il‑ħajja u dejjem irridu nħarsu l‑ħajja u d‑dinjità tal‑bniedem. Il‑Kelma ta’ Alla llum titkellem b’għożża fuq it‑tarbija u l‑ġuf. Irridu nipproteġu l‑ħajja sa mill‑ewwel mument tat‑tnissil tagħha, jiġifieri mill‑bidu tagħha, u b’enfasi partikulari għal meta din il‑ħajja hi l‑aktar vulnerabbli u teħtieġ protezzjoni.


    Mhix kwistjoni ta’ mandat

    Nagħmel appell biex ilkoll nieħdu impenn li l‑protezzjoni tal‑ħajja tkun prinċipju li nħaddnu, mhux konvenjenza ta’ żmien, u li Malta jkollha nies ta’ sinsla li kapaċi jagħtu xhieda ta’ dan il‑prinċipju. Il‑protezzjoni tal‑ħajja, bħala prinċipju, ma jintrabatx ma’ xi mandat li jagħti l‑poplu. Biex niftehmu b’termini li llum kulħadd jifhem: jien kontra l‑moħqrija tal‑annimali bi prinċipju. Kieku l‑poplu jagħti l‑mandat biex l‑annimali jinħaqru, jien xorta nkun kontra bis‑sħiħ għax dan hu prinċipju li ma jiddependix minn mandat tal‑poplu. Il‑protezzjoni tal‑ħajja umana, anke meta għadha fit‑tnissil, hi kwistjoni ta’ prinċipju.


    Kburin ukoll jekk inkunu waħedna

    Kultant jingħad li pajjiżna qiegħed waħdu fil‑protezzjoni tal‑ħajja umana mit‑tnissil. Dan lilna mhux biss ma jġegħelniex nistħu jew nisktu, imma jagħmel eżatt il‑kontra. Jagħmilna kburin li għalina l‑ħajja umana hi tant għażiża u li nixtiequ l‑aqwa żmien għat‑tarbija meta għadha ma twelditx, ukoll meta għadha ftit ċelloli. Mhumiex il‑kwantità ta’ ċelloli li jiddeterminaw jekk hix ħajja umana jew le.


    Zero tolerance għal kull theddid għall-ħajja

    Mad‑difiża tal‑ħajja tat‑tarbija fil‑ġuf jew barra l‑ġuf, aħna rridu naħdmu għal kultura favur il‑ħajja f’kull waqt tal‑ħajja tal‑bniedem. Kull meta l‑ħajja umana hi fil‑periklu, lilna għandha ssibna magħqudin biex niddefenduha. Jista’ jkun xi ħadd li qiegħed f’nofs ta’ baħar, jissielet biex jgħix, u qed jistenna min jgħinu biex ma jisparixxix. Jista’ jkun min qiegħed f’periklu minħabba l‑kundizzjonijiet li fihom jgħix. Jista’ jkun li hemm min qiegħed f’riskju minħabba t‑tniġġis tal‑arja u l‑qerda tal‑ambjent. Jista’ jkun min ikun ittentat biex jieħu d‑droga, u jitqarraq għax tiġi ppreżentata lilu bħala oġġett ta’ divertiment u tgawdija mingħajr konsegwenzi, hekk imsejħa ta’ rikreazzjoni. Jista’ jkun min hu anzjan u marid, u qed jibża’ li jitqies bħala persuna li għalqilha ż‑żmien biex tgħix. Bħala bnedmin ta’ prinċipju, għandu jkollna zero tolerance għal kull theddida għall‑ħajja.


    Impenn biex ngħinu lin-nisa li huma vittmi

    Filwaqt li nistqarru kemm hi għażiża l‑ħajja, illum irridu wkoll insaħħu l‑impenn tagħna biex ngħinu lil min qed ibati. Insemmi partikolarment lin‑nisa li jkollhom diffikultà rigward it‑tqala tagħhom u li kultant jispiċċaw huma l‑vittmi. Aħna rridu b’kull mod nagħtu s‑sapport u l‑għajnuna meħtieġa lil dawn in‑nisa li l‑piżijiet jintefgħu fuqhom u jitħallew waħedhom. Kull vittma tkun qed tokrob għall‑għajnuna. Irridu naħdmu flimkien ħalli dawn in‑nisa ma jsibux ruħhom waħedhom, u jsibu tassew l‑appoġġ li jeħtieġu fiż‑żmien diffiċli li jkunu fih.


    Appell

    Alla qalilna biex dejjem inħarsu l‑ħajja għax hi don tiegħu. Għalhekk aħna ngħożżu l‑ħajja bl‑imħabba. Imma wkoll min għadu ma għarafx lil Alla jew ma jemminx fih, jista’ jifhem kemm il‑ħajja hi prezzjuża u kemm il‑ħarsien tal‑ħajja m’għandux ikun taboo. Ilkoll għandna nuru apprezzament u nitolbu għal dawk kollha li huma xhieda ta’ impenn favur il‑ħajja biex b’kuraġġ ikomplu jwasslu dan il‑messaġġ li hu tant importanti għal żminijietna.

    San Pawl jgħidilna li l‑imħabba ma tifraħx bl‑inġustizzja imma tifraħ bil‑verità. Nagħmel appell b’mod partikulari lill‑influencers kollha biex dejjem ngħożżu l‑ħajja umana, u fid‑diskussjonijiet kollha li jsiru nkunu dejjem man‑naħa tal‑verità, tal‑ħajja, tal‑vulnerabbli, u ta’ min jeħtieġ protezzjoni u kompassjoni.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju

     

  • Photos: church.mt/photos