L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Agħmel il-qalb, ibni, dnubietek maħfura” (Mt 9:2). Kemm huma kliem tassew sbieħ dan li jgħid Ġesù lil dan ir-raġel mifluġ li ġie ppreżentat quddiemu mixħut fuq friex imwassal hemmhekk minn sħabu. Kif ra l-fidi tagħhom, Ġesù jgħidlu: “Agħmel il-qalb, ibni, dnubietek maħfura”.

Min jaf kemm saċerdoti ltqajna u kellna x-xorti nisimgħu dan il-kliem għażiż ta’ Ġesù li jintqal lilna mis-saċerdot hu u jaħfrilna dnubietna. Minn jaf kemm-il darba smajna kliem ta’ faraġ.

M’ilux kelli l-grazzja, propju t-Tnejn li għadda l-festa ta’ San Pietru u San Pawl, nordna għaxar saċerdoti ġodda. U fihom bħalma jseħħ f’kull saċerdot hemm din il-ħaġa straordinarja u tal-għaġeb. Dak li jgħidu n-nies ta’ Kafarnahum, il-belt ta’ Ġesù fuq ix-xatt tal-għadira ta’ Tiberijade fejn qegħdin, ifaħħru lil Alla li ta setgħa bħal din, is-setgħa li jaħfer id-dnubiet lill-bnedmin. Għaliex fis-saċerdot naraw din il-ħaġa straordinarja.

Il-kittieba kellhom raġun jgħidu li Ġesù qiegħed jidgħi (Mt 9:3) għaliex qiegħed jagħmel xi ħaġa li hija ta’ Alla biss. Għax hija ta’ Alla biss li jaħfer id-dnubiet. Għax Alla, malli jaħfirlek dnubietek, jidħol fl-istorja ta’ ħajtek u jittrasformaha. U dak li seta’ kien ta’ deni kbir għalik ibiddlu f’okkażjoni ta’ grazzja. Alla biss jista’ jagħmel hekk.

U Ġesù meta jħares lejn dan ir-raġel mifluġ ma jħarisx biss lejn il-kundizzjoni fiżika tiegħu imma jmur lejn l-għerq spiritwali u jaħfirlu dnubietu. Dik l-espressjoni sabiħa: “Agħmel il-qalb, ibni, dnubietek maħfura”.

Imbagħad ifejqu wkoll mis-saram fiżiku tiegħu u b’hekk jagħti sinjal tal-qawwa spiritwali li hija iżjed importanti u li hija ta’ Alla biss. U Ġesù rxoxt għadda din il-qawwa wkoll lill-bnedmin magħżula li f’ismu u bil-qawwa tiegħu u tal-Ispirtu s-Santu, jerġgħu jagħtuna l-ħajja spiritwali, jerġgħu jagħtuna bidu ġdid. Għaliex għandna tassew għalhekk infaħħru lil Alla li ta setgħa bħal din lill-bnedmin (Mt 9:8).

Imma s-saċerdot meta jaħfirlek u jgħidlek: “Agħmel il-qalb, ibni, dnubietek maħfura” mhux qed jaħfirlek f’ismu imma f’isem Ġesù. Huwa l-istrument tal-ħniena tal-Imgħallem, tal-ħniena ta’ Alla bħalma hu strument f’idejn Ġesù meta jgħidlek: “Dan hu ġismi, dan hu demmi”. Mhux il-ġisem tas-saċerdot jew tal-isqof, mhux demm is-saċerdot jew l-isqof imma huwa demm ta’ Ġesù, il-ġisem ta’ Ġesù. Dawn il-qawwiet li l-Mulej poġġa fis-saċerdozju huma qawwiet kbar mogħtija lill-bnemdin dgħajfa.

Fakkarthom lis-saċerdoti ġodda li issa li ngħataw din is-setgħa kbira li jqarru u jgħidu lil ħuthom “Agħmel il-qalb. dnubietek maħfura”, iridu wkoll ikomplu jużaw dan is-servizz kbir billi jmorru għand ħaddieħor. Ma tistax tħares lejn il-mera avolja tkun isqof u arċisqof. Biex tqerr għandek bżonn il-ministeru ta’ saċerdot ieħor imma daqskemm tqarar, għandek bżonn tqerr.

Aħna r-ragħajja, aħna l-ewwel nies li għandna bżonn nisimgħu din il-kelma ta’ Ġesù permezz ta’ saċerdot ieħor. “Agħmel il-qalb ibni, dnubietek maħfura”.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Għam 7, 10-17
Salm: 18, 8.9.10.11
Evanġelju: Mt 9, 1-8