Żewġ żgħażagħ, membri tal-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻ), qed jirrapreżentaw lil Malta f’laqgħa internazzjonali ġewwa Ruma, bi preparazzjoni għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2013. Il-laqgħa tiġi fi tmiema nhar il-Ħadd, l-1 ta’ April.
Anthony Mifsud, President tal-istess Kummissjoni, flimkien ma’ Stefan Busuttil, Project Co-ordinator, qed jieħdu sehem f’dawn l-ewwel tħejjijiet organiżżattivi bil-għan li jsaħħu l-kollaborazzjoni internazzjonali għal dan l-avveniment.
Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ se jsir f’Lulju tas-sena d-dieħla ġewwa Rio de Janeiro, fil-Brażil. Żgħażagħ minn 140 pajjiż huma mistennija li jieħdu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni, li għalihs ser ikun preżenti wkoll il-Papa Benedittu XVI.
Iċ-ċelebrazzjonijiet internazzjonali tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ jiġu organiżżati kull sentejn jew tlieta fi bliet differenti madwar id-dinja. Matul il-laqgħat f’Ruma, id-delegati ser jevalwaw ukoll l-aħħar ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li saret is-sena l-oħra f’Madrid u li għaliha attendew aktar minn żewġ miljun żagħżugħ u żagħżugħa. Fost dawn kien hemm 700 minn Malta u Għawdex.