-
-
Is‑Santa Sede u l‑Kunsill Ekumeniku tal‑Knejjes f’Ġinevra għażlu lil Malta biex fis‑sena 2020 tkun il‑Kapitali tal‑Ekumeniżmu, bir‑responsabbiltà li tħejji t‑tema u r‑riflessjoni għall‑Ġimgħa ta’ Talb għall‑Għaqda fost l‑Insara.
Il‑President tal‑Kummissjoni Ekumenika Maltija, Dun Hector Scerri, qal li dan huwa privileġġ kif ukoll responsabbiltà kbira għaliex l‑Insara f’Malta u Għawdex ser jaqsmu l‑esperjenza tal‑vjaġġ ekumeniku tagħhom mhux biss mal‑Ewropa imma mal‑pajjiżi kollha tad‑dinja.
Din is‑sena, il‑Ġimgħa ta’ Talb għall‑Għaqda fost l‑Insara tintemm għada l‑Ħamis, 25 ta’ Jannar 2018, bit‑tema ta’ riflessjoni tkun “Lemintek, Mulej, issebbħet fil‑qawwa” (Eż 15:6), li ntagħżlet mill‑Knejjes Insara fil‑pajjiżi tal‑Karibew.
L‑Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa Servizz Ekumeniku Djoċesan fil‑Bażilika tat‑Twelid tal‑Verġni Marija, l‑Isla, il‑Ġimgħa, 19 ta’ Jannar. F’dan is‑servizz ekumeniku pparteċipaw Insara minn Knejjes differenti, fosthom il‑Kattoliċi, l‑Ortodossi, l‑Evanġeliċi Luterani, iċ‑Church of England, iċ‑Church of Scotland u l‑Metodisti.
Fl-introduzzjoni tas-Servizz Ekumeniku l‑Arċisqof qal li l‑istorja turi li, minkejja t‑tbatija kbira, il‑Bibbja kienet sors ewlieni ta’ konsolazzjoni u ħelsien. L‑Arċisqof qal ukoll li l‑Bibbja tkompli tkun sors ta’ konsolazzjoni u ta’ ispirazzjoni għall‑Insara, inkluż f’pajjiżi mbiegħda, biex jindirizzaw kundizzjonijiet li qed jheddu d‑dinjità tal‑bniedem u l‑kwalità tal‑ħajja.
Is‑Servizz Ekumeniku ġie organizzat mill‑Kummissjoni Ekumenika Djoċesana flimkien ma’ Christians Together in Malta (Il‑Kunsill Ekumeniku Malti).
-
-
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja (Ian Noel Pace)