L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Irċevejt messaġġ dalgħodu li kien jgħid hekk: is-sena 2020 li qegħdin fiha hija s-sena fejn il-pjanijiet kollha gew posposti jew tħarbtu. Illum aħna niċċelebraw il-ġrajja partikulari tat-Tħabbira tal-Mulej meta għal Marija l-pjanijiet kollha li kellha tħarbtu għal kollox. Meta hi semgħet ir-rieda ta’ Alla li ssir omm Alla kienet xi ħaġa li qatt f’ħajjitha ma ħasbet jew immaġinat, imma li biddlitilha ħajjitha mill-qiegħ. Għalhekk tistaqsi “kif ikun dan?” u għalhekk ma setgħetx tifhem x’qed jiġri.

Nixtieq li nħarsu lejn kif għexet Marija u x’messaġġ qed tagħtina llum fiċ-ċirkustanzi diffiċli li qed ngħixu bħalissa.

L-ewwel nett, Marija fittxet x’inhi r-rieda ta’ Alla. Meta ma setgħetx tifhem, fittxet dak li Alla qed jitlob minnha. Dejjem imxiet ma’ dan, anke meta ma setgħetx tifhem x’qed jiġri tul il-ħajja tagħha, mhux biss il-ġrajja li smajna llum, imma tul il-ħajja ta’ Kristu sa meta kienet taħt is-salib. Fittxet dak li jrid Alla. Għalhekk tgħid: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”. Marija fehmet li l-affarijiet li jiġru ma jiġrux bilfors għax iridhom Alla; jiġru ħafna affarijiet ħżiena li Alla ma jridx. Imma fihom, fiċ-ċirkustanzi tal-ħajja, Alla jagħmlilna sejħa kif għandna ngħixu. Dan hu messaġġ importanti għalina: li aħna nfittxu dak li jrid Alla llum, dak li hu jixtieq minna f’dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli li qed ngħixu bħalissa. Ngħidulu: Mulej, għarrafna x’inhi r-rieda tiegħek, x’għandna nagħmlu, kif għandna ngħixu din il-fidi fik.

Marija hija wkoll marbuta ħaġa waħda mal-ħarsien tal-ħajja. F’din il-ġrajja tal-lum, meta hi aċċettat, tnissel fiha l-Iben ta’ Alla. Hi fittxet li tħares il-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha imma tul ukoll is-snin tal-ħajja ta’ Ġesù. Hi eżempju ta’ x’jiġifieri tipproteġi l-ħajja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan hu messaġġ li jiswa għalina: li nfittxu li nħarsu l-ħajja tagħna u ta’ ħaddieħor, nimxu mal-miżuri li hemm bżonn għall-ħarsien tal-ħajja, għax il-ħajja hija don ta’ Alla u għandha tkun protetta bis-sħiħ. Anke meta rridu nagħmlu sagrifiċċju, meta rridu noqogħdu ġewwa u kultant inkunu nixtiequ noħorġu barra. Irridu mmorru kontra tagħna nfusna kultant u nagħmlu dan is-sagrifiċċju għall-ħarsien tal-ħajja.

… f’dawn iż-żminijiet infittxu li nkunu strumenti tal-mħabba ta’ Alla ma’ dawk fil-qrib.

Marija tgħallimna wkoll x’jiġifieri tħobb, x’inhi l-aqwa mħabba. Kull fejn naraw lil Marija, ibda minn din il-ġrajja speċjali tal-Lunzjata, narawha mimlija mħabba. Irċeviet l-imħabba ta’ Alla u qasmitha mal-oħrajn. Dejjem fittxet li tkun strument tal-imħabba ta’ Alla. Dan hu wkoll messaġġ li jgħodd ħafna għalina. Li f’dawn iż-żminijiet infittxu li nkunu strumenti tal-mħabba ta’ Alla ma’ dawk fil-qrib. Kultant ikollna aktar ħin id-dar, mal-familja, ma’ dawk l-aktar qrib. Li aħna nfittxu, bħalma dejjem għamlet Marija, li nibnu dan l-ambjent ta’ mħabba, ta’ għożża, ta’ attenzjoni lejn xulxin li bih nistgħu nikbru tassew anke f’dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli li qed ngħixu bħalissa.

Lil Marija Annunzjata nitolbuha biex tħares il-komunità tagħna, biex tħares il-familji tagħna, u biex tgħinna speċjalment illum, li aħna nfittxu li ngħixu bħalha: li nagħmlu r-rieda ta’ Alla, li ngħożżu l-ħajja, u li nkunu strumenti ta’ mħabba kif għallmitna u wrietna hi.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju