L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Intom il-melħ tal-art…Intom id-dawl tad-dinja” (Mt 5:13.14). Dawn iż-żewġ affarijiet li jsemmi Ġesù nindunaw mal-ewwel li huma affarijiet li aħna lkoll nafu bihom. Ġesù juża kliem li nifhmuh u mhux ikkumplikat biex ifiehem il-missjoni tagħna, dixxipli tiegħu, fid-dinja llum. Għalhekk nistgħu nifhmuh ilkoll u għalhekk mal-ewwel nistgħu naraw dak li Ġesù qed jgħid għalina.

Ħaġa li tolqotna mal-ewwel – ħaġa importanti ħafna – hi li Ġesù qed jgħid li aħna ma neżistux għalina nfusna, għall-benefiċċju tagħna, imma l-ħidma tagħna fid-dinja hija dejjem għall-oħrajn. Fil-fatt Ġesù ma jgħidx “intom il-melħ” imma “il-melħ tal-art”; ma jgħidx “intom id-dawl” imma “id-dawl tad-dinja”. Il-melħ għandu skop għal xi ħaġa oħra, u d-dawl ukoll. Hekk aħna. Meta nagħrfu l-missjoni li għandna, mhijiex għall-benefiċċju tagħna u tieqaf hemm, imma għall-oħrajn.  

Ħa naraw it-tifsira aktar fil-fond ta’ dak li Ġesù jsemmi fl-Evanġelju skont San Mattew illum.

Jagħti t-togħma

Ġesù jgħid “intom il-melħ tal-art”. Il-melħ hu dak li jagħti t-togħma. Hu dak li jagħmel differenza biex l-ikel ikun aħjar. Naturalment min ikollu pressjoni għolja jaf li ma jistax jieħu ħafna melħ, imma jinduna bid-differenza li jagħmel il-melħ fl-ikel. Il-melħ mhux qiegħed hemm biex int tqiegħdu fil-ġenb għalih, imma biex jitħallat mal-ikel.

Għalhekk Ġesù qed jgħid li anke aħna, bħala Nsara, dixxipli tiegħu, ma għandniex ninqatgħu għalina, imma għandna nkunu tassew fis-soċjetà qalb in-nies, u hemm nagħmlu d-differenza billi nagħtu togħma tajba lis-soċjetà tagħna. Dik hi l-missjoni li jrid minna Ġesù.

Il-ftit li jagħmel differenza

Nixtieqkom tinnutaw ħaġa importanti li twieġeb mistoqsija li kultant nagħmlu aħna llum fi żmienna. Aħna kultant ngħidu: “Imma aħna qegħdin ftit ħdejn in-nies kollha!” Imbagħad forsi nħarsu lejn l-imgħoddi, u ngħidu “Kemm inqasna! Ftit qegħdin. Dal-ftit x’nistgħu nagħmlu?” Innutaw li Ġesù jsemmi l-melħ li hu ftit ħdejn l-ikel. Ġesù ma jgħidx: agħmlu borma melħ, imma jitkellem fuq ftit melħ li jitħallat mal-ikel u jagħmel togħma tajba. Għalhekk qed jgħid li anke jekk inkunu ftit, anzi aktarx li dejjem se nkunu ftit ħdejn l-umanità kollha, ħdejn ir-realtà kollha tal-ħajja, imma għandna din il-missjoni li nagħtu togħma tajba fejn inkunu u hekk nagħmlu d-differenza.

L-importanti, kif jgħid Ġesù, huwa li l-melħ ma jaqtax, għax jekk jaqta’, għalxiex ikun jiswa? Qed jgħid għalina – li aħna rridu nkunu tassew dawk li ngħixu l-fidi tagħna u nagħtu xhieda tal-fidi tagħna. Jekk aħna ma ngħixux il-fidi tagħna, inkunu bħal melħ li qata’, u żgur ma nagħmlux differenza pożittiva u sabiħa fis-soċjetà llum.

Nieħdu d-dawl minn Ġesù

Ġesù jgħid ukoll: “intom id-dawl tad-dinja”. Meta aħna niftakru fid-dawl, dejjem jiġi f’moħħna wkoll li Ġesù hu d-dawl. Il-Profeta Iżaija stess kien qal: “Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir” (Is 9:1), profezija fuq Ġesù. Smajna ftit ġranet ilu, fil-Festa tal-Kandlora, meta Ġesù ġie ppreżentat fit-tempju, u Xmun jgħid fuqu: “dawl biex idawwal il-ġnus” (Lq 2:32). Ġesù stess fuqu nnifsu qal: “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jimxi warajja ma jimxix fid-dlam iżda jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw 8:12).

Dawl li jikser id-dlam

Għalhekk meta Ġesù qed jgħid “intom id-dawl tad-dinja” għalina, qed jgħid li aħna nissieħbu ma’ Kristu, nieħdu d-dawl minnu, biex imbagħad aħna nistgħu nkunu dawl għall-oħrajn. Anke hawn, bħal fil-każ tal-melħ li jsemmi, aħna kultant nibdew ngħidu: “tant hawn dlam, tant hawn ħażen, x’nista’ nagħmel jien?” Ġesù jgħid: anke ftit dawl jagħmel id-differenza kollha. Fid-dlam, jekk inti tixgħel xemgħa, tikser id-dlam, u x-xemgħa tkun tassew qed turi. Għalhekk aħna msejħin biex anke jekk madwarna jkun hemm id-dlam, aħna nkunu d-dawl – id-dawl għax qed nirriflettu dan id-dawl ta’ Ġesù.

Ġesù jsemmi wkoll b’liema mod aħna nkunu dawl għall-oħrajn. Niftakru fl-opri tal-ħniena bħala eżempju sabiħ ta’ kif inkunu dawl għall-oħrajn. Jekk aħna naraw dak li jgħid il-Profeta Isaija fl-Ewwel Qari llum, ifissrilna kif inkunu dawl għall-oħrajn, meta jgħid: “Mhux li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf? Mhux li tlibbes lil min tara għarwien, u n-nies ta’ darek ma tinsihomx?” (Is 58:7) U jsemmi wkoll aktar ’il quddiem: “tneħħi minn nofsok il-moħqrija…u ma tagħmilx deni bi lsienek” (Is 58:9). Dawn huma kollha kif aħna nistgħu nkunu dawl għall-oħrajn fil-ħajja tagħna. Isaija jgħid: “Imbagħad id-dawl tiegħek ifiġġ fid-dlam” (Is 58:10). Għalhekk: billi ngħixu tassew dak li nemmnu, ngħixuh b’dan l-ispirtu ta’ Ġesù, u hekk inkunu tassew dawl għall-oħrajn. U niftakru li aktar importanti li nixegħlu xemgħa milli li nisħtu d-dlam, u dan hu li jrid minna Ġesù.

Hemm ħaġa oħra wkoll importanti, meta Ġesù jgħid “intom id-dawl tad-dinja”. Id-dawl jurik ir-realtà. Jekk tidħol f’kamra mudlama, ma tarx kultant l-irkejjen; u jekk ikun hemm il-ħmieġ u d-diżordni, id-dawl jurik dan kollu. Aħna msejħin ukoll biex nuru r-realtà fil-ħajja, u biex il-ħażin ma naħbuhx jew nostruh, imma nuruh biex nistgħu nibdluh għat-tajjeb.  Dan hu li nagħmlu aħna jekk inkunu tassew dawl tad-dinja.

It-tajjeb ma naħbuhx

Ġesù jsejħilna għal dan, u jfakkarna f’xi ħaġa importanti ħafna: li meta aħna nkunu dawl, qed ngħinu biex it-tajjeb jixtered. Kemm hu importanti li nwasslu t-tant tajjeb li jsir fis-soċjetà, ħalli d-dawl ikun ta’ għajnuna għal ħafna nies. Ġesù jgħid fl-Evanġelju: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin…” Mela mhux taħbih; it-tajjeb turih. Imma għaliex? “…biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5:16). Mela t-tajjeb nuruh, it-tajjeb inwassluh, biex nagħtu glorja lil Alla. Mhux għalina nfusna, jew biex nidhru aħna, jew biex iħarsu lejna n-nies, imma biex jagħtu glorja lil Alla.

Ejjew nirringrazzjaw lill-Mulej talli bi kliem hekk sempliċi jurina l-profondità tas-sejħa li għamlilna biex inkunu, fid-dinja tal-lum, bħal melħ li jagħti t-togħma, bħal dawl jiddi fid-dlam. Nitolbuh biex dejjem naqdu din il-missjoni bil-ferħ, għax hija missjoni sabiħa, u hija missjoni li tgħinna biex nagħmlu tassew differenza pożittiva fis-soċjetà llum.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju