Għeżież,

Xtaqt naqsam magħkom x’tgħallimna mill-Kelma t’Alla. Nibda billi ngħid li intom se tiżżewġu għaliex ħadtu deċiżjoni li l-ħajja tagħkom issa se tinbidel biex tkun ħajja flimkien għax inkella ma tkunux dħaltu fil-veru spirtu ta’ dak li intom sejrin tidħlu għalih fil-mument tat-tieġ tagħkom.

Fit-tieni lezzjoni S. Pawl qalilna: “Ngħallmu l-għerf moħbi f’misteru”. Żwieġ sagrament huwa misteru. Xi jfisser? Ftakru f’dawn l-4 punti:

  1. Hija sejħa li intom weġibtu għaliha. L-ewwel kellkom il-ġibda lejn xulxin, imma mbagħad f’xi mument għaliex issir sejħa?  Tgħidu: Mulej, dan se nagħmlu wkoll b’ubbidjenza f’dawl miegħek. Inkella ma jkunx żwieġ Nisrani. B’hekk se nagħmulha l-qabża. Kultant flimkien, mhux biss bejnietna, imma rridu nixtiequ li ż-żwieġ tagħna jkun b’ubbidjenza lejk.

 

  1. Min hemm ħdejk huwa prezzjuż għal Alla l-Imbierek. Il-Mulej fil-mument tat-tieġ tiegħek se jgħidlek: ‘ħudli ħsiebha għax dik binti, ħudli ħsiebu għax dak ibni’.  Allura li se twegħdu lil xulxin mhux biss li toqogħdu ma’ xulxin imma li tħobbu u tirrispettaw lil xulxin tul ħajjitkom kollha. U dan huwa impenn, ma jiġix waħdu. Ħa nispjegah b’dan l-mod. L-akbar problema li għandi jien tafu x’inhi? Mhux il-persuna l-oħra, imma jien! Għax jien nara kollox minn għajnejja, irrid kollox kif irrid jien. Jiġifieri intom tridu taħdmu l-ewwel mhux fuq min hemm ħdejk; l-ewwel fuqek! Ħalli int tkun tista’ tagħti spazju għal min hemm ħdejk.

 

  1. Bil-wegħda li se tagħmlu dakinhar issiru ġisem wieħed. Jiġifieri tridu temmnu li l-imħabba tagħkom kapaċi tegħleb kull differenza li se ssibu. Emmnuha! L-aqwa li intom tgħixuh dak il-mument differenti b’imħabba differenti. X’jiġifieri?  Jekk min hemm ħdejk forsi naqsek … l-uniku mod kif trid tkompli tħobbu xi trid tagħmel? Taħfer u tipprova tinsa… Ma tistax tibda mill-fatt: isma’ jien irrid inbiddel il-bniedem li hemm ħdejja!  Kid jista’ jkun tbiddel totalment? Allura trid iċċedi ftit u ta’ ħdejja jċedi ftit. Trid tibda mill-imħabba u mhux kif tixtieq l-persuna li tkun. Minn hemm trid tibda.  Għalhekk importanti tkun taf x’inhu s-sabih tal-għarus/a.  Ftakru u rringrazzjaw lil Mulej fil-għodu u għidulu grazzi Mulej għal għarus tiegħi, jew għal żewġi. Veru widnejħ ma togħġobniex imma grazzi Mulej għax għandu ħafna affarijiet sbieh.  Inkella tibdew tindunaw b’dak li ma jogħobkomx u tinsew lil dak li għażiltu.  Tinsewhiex. Ibdew minn issa.
  1. Tinsewx li l-imħabba tagħkom meta se tidħlu għaż-żwieġ mhijiex għalikom biss…Il-kwalita ta’ l-imħabba tagħkom trid tkun sabiha mhux mill-inqas, tikkuntentawx mill-inqas. Għaliex jekk il-Bambin irid li intom ikollkom it-tfal, lit-tfal tridu tagħtuhom imħabba sabiha mhux mill-inqas. Jiġifieri meta intom tkunu qegħdin tagħmlu hekk, ibdew ftakru u għidu biex aħna nippreparaw bejta biex meta jiġu t-tfal isibu bejta sabiha b’ħafna imħabba.

Fl-ewwwel lezzjoni kellna dan il-kliem: “Jekk trid, tista’ tħares il-kmandamenti u b’rieda tajba tista’ tkun fidil. Hu qegħdlek quddiemek in-nar u l-ilma; liema trid minnhom, midd idek għalih”…  Stennew il-quddiem se jkollkom tagħmlu dawn id-deċiżjonijiet. Per eżempju id-dinja ta’ madwarna mhux bilfors hija marriage friendly.  Allura intom, kull wieħed u waħda minnkom – il-kelma kienet qawwija –trid tgħid iva iva, le le. Jekk din il-ħaġa se tfixklek, le trid tgħidilha. Jekk din il-ħaġa se tgħinek trid tgħidllha iva.  Mhux toqgħod tilgħab. Jekk f’dan il-mument hemm xi ħbiberija żejda, issa hu l-mument, tilgħabux. Jekk hemm xi ħaġa, hobby, jew li tista’ tfixklek, issa hu l-mument li tagħżel. Mulej irrid ikolli ħin biex aħna jkollna ħin ma’ xulxin.

Fil-Vanġelu għandna ħafna affarijiet li kultant lanqas jiġu f’moħħna. Ġesu jgħid hekk: “Tinsewx li l-affarijiet kbar jibdew mill-affarijiet żgħar”. Tridu toqgħodu attenti mill-affarijiet żgħar għax inkella jikbru. Per eżempju tiftakru x’qalilna? La toqtolx. Imma kull min joqtol, minn  fejn beda?  Għax żamm ir-rabja ġo fiħ innifsu kontra ħaddieħor u wasal biex joqtol… Allura  qed  jgħidilna l-kliem ta’ bejnietna noqgħodu attenti għalihom. Minn issa tridu tibdew. Jekk intom forsi daqsxejn nervużi, tridu tagħmlu żewġ affarijiet. L-ewwelnett tgħidlu: ‘Mulej ħa nipprova niġġielidha, it-tieni itlob maħfra.. itlob skuża! Ħalli terġa tibda…

It-tieni ħaġa li qal il-Mulej Ġesu f’dan il-Vanġelu: “Lil min ikun se jtellgħek ilQorti, ħudu bil-kelma t-tajba mill-aktar fis biex ma jkunx hemm għalfejn tidħol l-Qorti”.  Ikollkom tilwim; min ikollu zwieġ b’saħħtu u sabih għax jirnexxielu jegħleb it-tilwim, mhux għax ma jkollux tilwim. Hemm bżonn nifhmuha li hemm min mit-tilwim jagħraf joħroġ il-ġid minnu. Għalhekk jekk intom titlewmu, ipprova rranġa fil-bidu mhux tħallih jimxi waħdu.  (Storja)  Jekk ikollkom tilwim, forsi aħjar – ifhmuni sew –issibu referee indipendenti milli l-mummy ta’ wieħed u d-daddy ta’ l-ieħor. Meta wieħed ikollu uġigħ ta’ ras jieħu żewġ panadols, jekk jgħaddielek għadda kollox. Imma jekk ma jgħaddilekx tieħu t-tieni, u t-tielet, imma jekk wara ħamsa ma jgħaddilekx, mhux bilfors tmur għand tabib? Mhux sinjal li waħdek m’intiex kapaċi tegħelibha? Tħallux allaħares qatt li l-affarijiet jiġu fl’aħħar. Kemm ninkwieta jien meta jiġi xi ħadd għandi diġa kollox imkisser. Ngħid kieku ġew qabel kont nipprova nispjega l-iżbalji ta’ wieħed jew l-oħra u s-sabih ta’ wieħed u l-oħra. Tafdawx!

It-tielet ħaġa li qal Ġesu: “Min iħares lejn mara biex jixtieqha ikun diġa għamel adulterju f’qalbu”. Għalhekk Ġesu jibda mil-bidu. U iva ħa nieħu kunfidenza illum, u għada żewġ kunfidenzi u tliet kunfidenzi u x’fadallek? Ikollok tilwima ma min ikun hemm ħdejk u diġa għandek lil xi ħadd lest u forsi qiegħed jiġri warajk. Il-qalb irid ikollna!  Mhux dak li jidher mill-għerusija tagħkom, araw dak li ma jidhirx u qiegħed ġol qalb ta’ kull wieħed u waħda  – minn hemm ibda!

Ir-raba’ ħaġa li qal Ġesu: “Mur irrranġa ma’ ħuk imbagħad tella’ l-offerta tiegħek”. U kieku intom tintrabtu mal-quddies tal-Ħadd mhux bħala obbligu imma li jkun mument fejn int meta tidħol hawnhekk – qrar, tqarbnin – bħala koppja tibdew tagħmlu eżami tal-kuxjenza. Ikun ġej il-Ħadd: ħa nara ftit dil-ġimgħa x’ma għamiltx tajjeb, ħa nara ftit x’nista’ nirranġa. Il-Mulej jixtieq li jimxi magħkom.

Il-Mulej jixtieq jimxi kuljum magħna biex jara dak li hu żball żgħir ma jikbirx. Għalhekk araw dik is-siegħa fil-ġimgħa jekk intom minn issa stess, tintrabtu magħha dik se tiswilkom mittqlu deheb għax tkunu kull darba tieħdu l-ħajja f’idejkom u taraw x’hemm x’tistgħu tirranġaw. Mhux wara bosta snin!

Illum kien hawn dawk iż-żewġ għarajjes li qalu li qegħdin imorru f’dak il-grupp mid-Dar ta’ Kana. Naħseb fuq xi postijiet tax-xogħol u ta’ divertiment kważi kważi ż-żwieġ tiegħek tkun qed tgħixu ibbumbardjat mill-ideat ta’ l-oħrajn.  Iwaqqgħu ż-żwieġ għaċ-ċajt, ikun hemm min jittantak.  Kif tista’ tgħix l-imħabba tiegħek taż-żwieġ f’dawk iċ-ċirkostanzi li tkun fihom? Allura x’inhuwa dal-grupp u gruppi oħra? F’dak il-grupp terġa tiġi fejn dawk li għandhom l-istess ideali u tibdew tifirħu biż-żwieġ tagħkom titkellmu bl-istess lingwa kemm int kuntent, mhux kważi fuq xi postijiet tax-xogħol irrid nistħu, irrid naħbi.  Allura jekk intom tistgħu tħallu spazju u tgħidu ħa mmur nieħu s-saħħa issa minn dawk li jaħsbuha bħali, naħseb li jkun ukoll investiment tajjeb.

Nagħlaq hawnhekk. Jalla l-Mulej jagħti lil kull wieħed u waħda minnkom u l-imħabba li għandkom illum issa tagħmluha b’impenn għax ma tikbirx weħidha l-imħabba. Kuljum tridu tagħmlu l-impenn tagħkom. Din hija l-barka li nixtieq nibgħat fuqkom kull wieħed u waħda minnkom tibda mill-għarus u l-għarusa inbagħad flimkien tagħmlu impenn sabih.

+ Pawlu Cremona O.P.

  Arċisqof ta’ Malta