27 ta’ Marzu, 2011

S. Sebastjan, Ħal-Qormi

Ħuti,

mill-ġdid nixtieq nirringrazzjakom talli ġejtu ħalli nagħmlu dan l-ġest ta’ qima, ta’ talb lil Alla l-Imbierek permezz tal-quddiesa u l-Ewkaristija. U jiena minn hawnhekk nagħmel dan il-kumment biss: imma kemm hemm minnkom li b’xi mod jew ieħor ħassew is-sejħa f’qalbhom li jagħtu iktar lil Mulej anke fi ħdan il-Knisja u allura tagħtu l-impenn, tagħtu l-ħin tagħkom biex dak li l-Knisja tagħmel bħala ċelebrazzjonijiet, ikunu isbah.

Illum jien nixtieq naqsam magħkom daqsxejn ta’ riflessjoni u forsi offerta.   Naħseb ġieli smajtu li l-Papiet f’dawn l-aħħar żmenijiet dejjem aktar qegħdin isejħulna għal dik li tissejjaħ evanġe-lizzazzjoni ġdida. Evanġelizzazzjoni ġdida tfisser żewġ affarijiet prinċipali.

L-ewwelnett ħalli aħna nimtlew bil-Vanġelu; hemm qiegħda li nkunu verament dixxipli tal-Mulej.

It-tieni ħaġa li mbagħad aħna meta nkunu mimlijin, skont fejn inkunu: fuq il-post tax-xogħol, fid-divertiment, bejnietkom intom stess, id-diskors tagħna, l-għemil tagħna ikun qiegħed jirrifletti dak li hemm ġewwa fina jiġifieri lil Sidna Ġesu’ Kristu.

Din l-offerta, meta bdejt naħseb fuqha u kif se naqsam din ir-realta magħkom, jien għidt: kemm hu sabih li anke bħala Fratellanzi, tidħlu f’din is-sejħa li qed jagħmel il-Papa lil kull Nisrani, lil kull Moviment u tgħidu: imma aħna din l-Evanġelizzazzjoni ġdida, fil-Fratellanzi kif se nagħmlu li dak li aħna għandna għal qalbna nagħmluh iwieġeb għal dik li hi x-xewqa tal-Knisja fid-dinja tal-lum?

Għalhekk naħseb li wara li intom tagħmluha – u nixtieq li tagħmluha – nixtieqkom li għalkemm fratellanzi differenti, imma din l-Evanġelizzazzjoni, għaliex m’għandniex nidħlu ġewwa fiha?  Għaliex m’għandhiex tkun parti minn dak li llum il-Knisja trid?  U b’mod speċjali naħseb bil-mod il-mod, meta intom titkellmu anke mal-kappillani tagħkom, minbarra li titkellmu – li dik importanti ħafna – fuq ċelebrazzjonijiet, tibdew titkellmu: kappillan, kif se naħdmu flimkien għal din l-evanġelizzazzjoni ġdida? Hawn dawn in-nies kollha, kif taħseb li aħna lkoll  nistgħu nagħtu sehem ħalli l-parroċċa tagħna tkun qed twieġeb għas-sejħa tal-Mulej?

Jiena naħseb li t-tlett lezzjonijiet tal-lum se jagħtuna daqsxejn ta’ dwal u jien se nħallihomkom f’idejkom; kemm se nsemmihom biss imbagħad taraw ftit intom, titkellmu kif nistgħu nagħmluha?

L-ewwel:  Tiftakru li fl-ewwel lezzjoni dan kien hemm il-poplu fid-deżert niexef, kellu l-għatx, talab lil Mose, dan talab lil Alla u f’daqqa waħda minn ġol-blata beda joħroġ l-ilma li permezz tiegħu dak l-għatx li kellhom setgħu itaffuh. L-ewwel mistoqsija: bħala Fratellanzi, kif se nagħmlu biex ikollna dan l-għatx u nitolbu ’l Mulej: Mulej tina verament minn dak li taf tagħti int; tina li aħna minbarra l-għatx ta’ din id-dinja li importanti li aħna ntaffuh, kif se nagħmlu biex l-għatx li hemm li nixtiequ nafuk, Mulej, kif se nagħmlu biex bħala Fratellanzi inkunu qiesna bħal dik il-blata fl-ewwel lezzjoni tal-lum li minnha beda ħiereġ l-ilma biex kull min ifittex ikun jista’ jixrob?  Din hija l-ewwel sfida li xtaqt li npoġġi lilkom.

It-tieni: Aħna fil-Vanġelu smajna lil Ġesu’ jgħid: għad jasal mument fejn aħna rridu nagħtu glorja lil Alla fl’ispirtu u l-verita. Għaliex Ġesu’ qalilhom: ‘għad jasal żmien’?  Għax hu kien għadu ma kixifx lilu nnifsu!  Imma meta skopra lilu nnifsu, issa mhux jgħid: għad jasal iż-żmien, imma: issa intom tridu tagħtu glorja lil Alla l-Missier fl-ispirtu u l-verita li huwa jien!  Ippermettuli ħuti, mhux se nsemmihom kollha għax ma nafhomx eżatt waħda waħda, imma jekk hemm Fratellanza madwar is-Sagrament, ma tistax tkun taf iktar, mhux biss il-mument, imma dan il-misteru kbir li smajna propju fit-tieni lezzjoni tal-lum fejn hemmhekk Ġesu’ qed iħobb lilna midinbin?  Miet għalina!  U nibdew naħsbu mhux nirraġunaw biss bħad-dinja li ma tifhimx f’Ġesu’. Nibdew nistgħaġbu! U nkunu verament fratelli, per eżempju tas-Sagrament, ta’ Sidtna Marija, ta’ S. Ġużepp. U dawn mhux kollha madwar il-Mulej Ġesu’ kienu?  U dawn mhux kollha kienu jagħtu glorja ’l  Mulej Ġesu’ fl-ispirtu u l-verita?

Mela it-tieni ħaġa li xtaqt li naqsam magħkom huwa: araw ftit kif bejnietkom titgħallmu iktar x’inhu dan l-ispirtu u l-verita li hu l-Mulej Ġesu’ għax inkella kulħadd, aħfruli l-kelma mhux eżatta, inkella kulħadd jivvinta hu kif jagħti glorja lil Alla. Ma nistgħux nivvintaw aħna!  Irridu naraw x’qalilna biex anke dik il-qima li intom tagħtuh tgħaqqduha mal-ferħ li jkun hemm ġewwa qalbkom u fit-tħejjija għall-festa u għall-purċissjoni ikollkom dan l-ispirtu u l-verita biex ma nibqgħux biss fuq dak li huwa estern.  Dak irrid nindikah, nuri dak li hemm fil-qalb ta’ kull wieħed minna.

It-Tielet:  Niftakru illum kemm kellna storja sabiħa fil-ħajja ta’ Ġesu’ meta jiltaqa’ mas-samaritana. Din is-samaritana ndunat – araw ftit Ġesu’ kemm ikun qed jiġri wara kull wieħed minna! Ġesu’ kemm – aħfruli l-kelma mhiex eżatta – ħela dak iż-żmien kollu, qiegħed ħdejn din il-mara biex hi tkun tafu!  Daqshekk jixtieqna! Imma nipproponi xi ħaġa oħra jien. Tiftakru x’ġara mbagħad lil dik il-mara?  Meta daqet dak li għamel il-Mulej Ġesu’, ma żammitux fiha nfisha; kif tista’ żżomm ġo fik innifsek?  X’għamlet?  Marret fil-pajjiż tagħha, hemmhekk bdiet tgħidilhom: jien iltqajt mal-Mulej Ġesu’. Tiftakru x’qalu?  Qalu: ara mara, l-ewwel bdejna nisimgħu lilek, allura qalbna bdiet titħeġġeġ, imbagħad wara, permezz tiegħek, ersaqna, bdejna nkellmu lil Mulej Ġesu’ u issa aħna stess se nagħtuh verament glorja fl-ispirtu u l-verita.

Ridt ngħidilkom din it-tielet sfida. Tistgħu tkunu is-samaritana, kull fejn tkunu?  Nista’ nagħtikom din il-missjoni? Jistgħu n-nies iħarsu lejkom fratelli u jaraw fikom dik is-samaritana u permezz tagħha jaraw lilkom u permezz tagħkom aktar jersqu lejn il-Mulej Ġesu’?  U hemmhekk tkunu intom stess parti minn din l-evanġelizzazzjoni. Hemm ħafna nies barra qegħdin jistennew lilna biex jersqu lejn il-Mulej Ġesu’.

Din hi l-missjoni li jien xtaqt li nagħtikom. Jalla l-Mulej ikattar lilkom personalment, permezz tagħkom lil familji tagħkom, u flimkien bħala fratellanza biex tkunu verament forza qawwija fil-Knisja ta’ Malta illum għall-evanġelizzazzjoni.

+Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta