Konkatidral ta’ San Ġwann

25 ta’ Settembru 2011

Eċċellenza President ta’ Malta, Dr George Abela.

Ħuti,

aħna ġejna hawnhekk illum biex flimkien mal-Knisja universali u b’mod speċjali mas-Sorijiet tal-Karita, aħna nifirħu għaliex membru tal-Kongregazzjoni tagħhom, Sr Enrichetta Alfieri, il-Mulej ta grazzja permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu li l-Knisja tirrikonoxxi li għandha messaġġ speċjali li kapaċi jkun ta’ dawl għalina lkoll. Dik tfisser beatifikazzjoni, kanonizzazzjoni.

Aħna illum b’mod speċjali qegħdin infakkru din il-beata li l-ħajja tagħha kienet iddur madwar post wieħed li kien il-ħabs ta’ S. Vittore ġewwa Milan.  U dawn il-ħajjiet tal-qaddisin lilna jgħinuna ħafna wkoll biex il-kelma t’Alla li nkunu qrajna nistgħu napplikawha fil-ħajja tagħhom u sservi wkoll għalina.  Fil-quddiesa tal-lum, fl-ewwel lezzjoni (Eżek 18,25-28),  aħna rajna dan il-kliem ta’ Alla l-Imbierek qed igħidilna li huwa l-mument attwali li hu importanti: meta int lil Mulej tgħidlu iva u tibqa’ żżomm dik l-iva. U la dak li għamilt għoxrin sena ilu u la l-propo-nimenti sbieħ għal għoxrin sena oħra x’se tagħmel, l-uniku ħaġa li tgħodd huwa l-mument prezenti: meta int torbot lilek innifsek mar-rieda ta’ Alla biex inti tkompli tgħix dak li inti tkun wiegħedt lil Alla l-Imbierek.

Sr Enrichetta kienet waħda minn dawk li għamlet il-professjoni propju fi ħdan is-Sorijiet tal-Karita mwaqqfa minn Santa Giovanna Antida Thouret. Dawn is-sorijiet jagħmlu erbgħa voti. Tliet voti jagħmluhom ir-reliġjużi kollha: il-vot ta’ faqar, tas-safa u tal-ubbidjenza. Imma s-sorijiet tal-Karita jagħmlu wkoll ir-raba’ vot li huwa l-vot tal-karita li f’ħajjithom u fihom it-tlett voti l-oħrajn iridu jsibu espressjoni ta’  imħabba li juru lill-oħrajn biex ikunu jistgħu iwassluhom lejn il-Mulej Ġesu.

Sr Enrichetta daħlet soru u għamlet l-ewwel erbgħa snin ta’ ħajjitha bħala soru tbati minn marda li kienet kerha ħafna li kienet waslet biex tħalliha f’qiegħ ta’ sodda.  Imbagħad Alla l-Imbierek għamel miraklu magħha permezz tal-Madonna ta’ Lourdes u hija setgħet tgħix il-ħajja tagħha.  U minn hemm nistgħu ngħidu li bdiet il-ħajja tagħha ta’ apostolat wara li l-Mulej wera din l-imħabba kollha magħha permezz ta’ dan il-fejqan li sar.

Fil-memorji li hija kitbet, għandna miktub hekk:  ‘Il-vokazzjoni hija don ta’ Alla u s-sejħa tiegħu li taqduh fejn irid hu u kif irid hu. Minn għandna irid il-qalb’.  Naħseb li dawn iż-żewġ kelmiet lilna jispjegawlna l-ħajja ta’ Sr Enrichetta.  Fejn irid hu! U aħna r-reliġjużi permezz tal-ubbidjenza din il-kelma fejn irid hu tista’ tibagħtek barra minn Malta, f’postjiet anke ħafna l-bogħod.  Fil-każ ta’ Sr Enrichetta din l-ubbidjenza ma kienetx għaliex hi marret il-bogħod, għaliex ħajjitha ta’ soru wara l-fejqan għexitha għal tmienja u għoxrin sena, mill-1923 sal-1951 propju f’dan il-ħabs ta’ S. Vittore.  Imma tgħallimna xi ħaġa sabiha għaliex ħafna drabi, x’inhu t-toqol li inti tmur minn post għall-ieħor?  Huwa toqol għaliex tkun trid tħalli n-nies li tkun servejt u qdejt u tmur biex taqdi nies li issa huma ġodda.  U din l-esperjenza għaddiet minnha Sr Enrichetta.  Hi daħlet S. Vittore.  L-esperjenza li kellha kienet ta’ nies li jagħmlu dawk li ngħidulhom atti kriminali u kienet l-ewwel esperjenza li kellha.  Ħabbithom u għenithom.

F’daqqa waħda dawn in-nies inbidlu għaliex min kien qiegħed imexxi f’dak iż-żmien tat-tieni gwerra dinjija iddeċidew li minn flok ipoġġu l-persuni li kienu politikament involuti kontra l-istat. Qed nitkellem fuq il-Faxxiżmu u allura nbidlu n-nies li kienet tieħu ħsieb. U hawnhekk ġratilha storja.  Sr Enrichetta kitbet nota għax kien hemm il-periklu li jaqbdu lil xi wħud minn dawk li kienu qegħdin jippruvaw jaħarbu mill-Faxxiżmu.  Huma qabdu din in-nota, indunaw li kienet kitba tagħha u allura bagħtuha l-ħabs ta’ S. Vittore stess, l-isfel nett u żammewha għal sebgħa jew disgħa xhur sħah. Wara disgħa xhur ħelsuha u reġgħu nbidlu l-ħabsin għax issa kienu qed jibagħtu lil Lhud mill-postijiet fejn kienu jgħixu u jibagħtuhomn fil-kampijiet ta’ konċentrament.  Ħafna minnhom li kellhom x’jaqsmu ma’ l-Italja, bdew jgħadduhom propju minn hemm. U allura Sr Enrichetta reġgħet b’dik id-disponibbilta tagħha,  aċċettathom; din id-darba kienu Lhud u kienet tieħu ħsiebhom.

Fl’aħħar mument fil-ħajja tagħha propju l-aħħar priġunieri li hi kellha x’taqsam magħhom, kienu dawk li għax inbidel ir-reġim ma baqax ir-reġim faxxista ta’ Mussolini, ġew dawk li ħelsu lil Italja u allura tefgħu fil-ħabs lil dawk li kienu ħaqru lill-oħrajn u hi kellha taħfer dak kollu li għamlu u tieħu ħsiebhom ukoll.  Mela din hi l-ewwel ħaġa li nixtieq li jkollna ġewwa qalbna: il-postijiet irridu nimmarkawhom mill-persuni li jkun hemm ġewwa fihom u għan-nisrani li jkun hemm ġewwa kull post, f’kull kundiżżjoni, irridu naraw lil Sidna Ġesu Kristu li qiegħed propju fin-nofs hemmhekk.

It-tieni ħaġa li qalet Sr Enrichetta : ‘mhux biss fejn irid Hu , u kif irid hu’.  U ovvjament in-nisrani anke rajna fit-tieni lezzjoni tal-lum ma jistax iħobb kif irid.  In-nisrani għandu mudell, għandu t-tagħlim kif iħobb u l-ħin kollu jrid jagħmel paragun ta’ kif qed iħobb hu ma’ dak li jkun hemm fil-Vanġelu ta’ Sidna Ġesu Kristu, inkella l-imħabba tiegħu ma tkunx kristjana.  Anke Sr Enrichetta dejjem fittxet li dawn l-aħwa li kellha sservi ġo fihom tipprova tpoġġi din l-imħabba li permezz tagħha wieħed jista’ jduq dik l-imħabba li Alla l-Imbierek irid jagħti lil kulħadd b’mod speċjali ovvjament lil dawk li jkunu qegħdin ibatu.

Ħa naraw daqsxejn ta’ ħsibijiet mill-ħajja tagħha.  Fil-Ktieb li hija kitbet, ktejjeb żgħir li jismu Il-Ħsibijiet kitbet hekk:  ‘Is-sofferenza mhiex biżżejjed, irridu nsofru sewwa; biex insofru sewwa hemm bżonn li nsofru b’dinjita, imħabba, ħlewwa u qawwa. Quddiem is-salib il-veru reliġjuża twieġeb bi tbissima’.  U silta żgħira oħra mill-ktieb ta’ qabel: ‘Il-karita hija nar li jinfirex, waqt li jaqbad fil-persuna, jinfirex waqt li jaqbad.  Jien irrid insofri, naħdem u nitlob’. U kull min jirrakonta r-relazzjoni tagħha ma’ dawk li kienu qegħdin f’dak il-ħabs ta’ S. Vittore kulħadd jgħid li hija kienet taqdihom b’ħafna mħabba.

Imma jiena naħseb l-ikbar konferma li ta Sidna Ġesu Kristu li x-xogħol tagħha kien verament mogħġub quddiem Alla l-Imbierek, u naħseb li din hija l-akbar glorja li wieħed jista’ jkollu, kien meta ppermetta li għal dawk ix-xhur hi kienet miżmuma l-ħabs ġo post fid-dlam. Tiftakru xi qrajna fil-Vanġelu tal-lum kemm kien sabih?  Ġesu mhux qagħad hemm fuq. Ġesu niżel biex ikun jaf x’inhu bniedem ħalli hu jieħu parti propju mit-tbatija tagħna ħalli mbagħad isalvana.  U allura naħseb li l-akbar, l-akbar, konferma li ta Sidna Gesu Kristu li ppermetta li Sr Enrichetta tagħmel xhur mhux taqdi lil priġunieri imma tkun hi stess priġuniera. Tkun hemm u setgħet tifhem aħjar, issa mhux biss minn barra għaliex tgħin, imma setgħet tifhem aħjar dawk il-persuni li kienet qed taqdi u dan naħseb li huwa l-ikbar konferma ta’ dak li għamlet f’ħajjitha.

It-tieni lezzjoni tal-lum (Fil 2, 1-11) kienet sabiha ħafna. Ħalli nħallu lil Sr Enrichetta ukoll biex tfakkrna: tliet affarijiet.  “Kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu” – min jaf kemm għexitha din!  “Ħadd ma għandu jfittex li jaqbillu imma li jaqbel lil ħaddieħor”.  “Aħsbu bħal ma kien jaħseb Ġesu hu li għad li …kien Alla ma qaqgħadx ifittex tiegħu iżda tneżża minn kollox” biex jagħtina s-salvazzjoni.

Ħuti, li trid tgħidilna Sr Enrichetta illum u li trid tgħidilna l-Knisja permezz tal-beatifikazzjoni tagħha huma żewġ affarijiet li huma ħafna importanti.

L-ewwelnett li taħt kull biedem in-nisrani jrid jemmen li hemm il-qawwa ta’ Ġesu li qiegħda timbuttah biex hu jifdi lilu nnifsu bil-qawwa tal-Mulej Ġesu u kapaċi joħroġ minn dik il-kundizzjoni tiegħu u jgħix ħajja qrib il-Mulej Ġesu.  Fil-ħabs Sr Enrichetta kienet għamlet daqsxejn ta’ grotta – hemm xi ritratti tagħha wkoll bil-Madonna ta’ Lourdes – u kienet twassal lil dawk li kienu detenuti biex hi tkun tista’ magħhom u għalihom titlob flimkien magħhom.

It-tieni ħaġa, ħuti, li hija xi ħaġa profondament kristjana. Il-postijiet mhumiex importanti, ħuti. Huma l-persuni li jinsabu fil-postijiet li huma importanti.  Hija l-persuna li kapaċi tagħti togħma lill-preżenza ta’ Sidna Ġesu Kristu.  Il-ħabs mhux importanti għaliex hu l-ħabs; il-ħabs huwa importanti għaliex hemm nies li qegħdin hemmhekk.  Ovvjament is-soċjeta bilfors kellha tagħmel xi istituzzjonjiet, imma ma jneħħiex il-fatt li Alla l-Imbierek lil dawk l-persuni li hemm fil-ħabs irid li aħna u dawk li jkunu b’mod speċjali magħhom, ikunu jistgħu jagħtuhom lil Mulej Ġesu u juruhom l-imħabba li forsi xi kultant ma jkunux irċevew.

Ħuti jiena nieqaf hawn.  Ejjew nitolbu ’l Mulej li aħna lkoll, kull fejn ninsabu kulħadd bl’uffiċċju tiegħu, ejjew nieħdu dawn il-kelmiet li aħna rċevejna llum biex nagħmlu dinja f’pajjiżna aħjar bit-timbru ta’ l-imħabba tal-Mulej Ġesu.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta