• Knisja ta’ San Franġisk ta’ Assisi, il-Belt Valletta
    16 ta’ Ottubru 2018

     

  •  

    F’għeluq l‑ewwel anniversarju mill‑assassinju tal‑ġurnalista Daphne Caruana Galizia, iltqajna għal darb’oħra madwar il‑mejda tal‑Ewkaristija li tfakkarna fl‑akbar inġustizzja: il‑qtil ta’ Ġesù, vittma innoċenti; kif ukoll fl‑għotja ta’ mħabba sħiħa tiegħu fuq is‑salib, u fir‑rebħa tiegħu fuq il‑ħażin u fuq il‑mewt. Mill‑Ewkaristija nibqgħu nieħdu s‑saħħa tagħna biex nibnu s‑Saltna tal‑Ġustizzja u tas‑Sewwa fuq din l‑art.

    Ħsiebna jmur illum lejn Daphne li għaliha noffru t‑talb tagħna b’suffraġju għal ruħha; imma wkoll lejn il‑ġenituri tagħha, Michael u Rose; żewġha Peter u wliedha Matthew, Andrew u Paul; ħutha Corinne, Mandy u Helene; u lejn il‑familjari u l‑ħbieb tagħha li wkoll saret inġustizzja magħhom li ma tistax tissewwa. Il‑preżenza tagħna llum hija turija ta’ solidarjetà magħkom u messaġġ li intom m’intomx waħidkom!

    Is‑sena l‑oħra, waqt l-omelija tal-funeral ta’ Daphne Caruana Galizia, kont għedt lill‑ġurnalisti biex ma jibżgħux, biex qatt ma jgħejjew fir‑rwol tagħhom li jkunu l‑għajnejn, il‑widnejn u x‑xofftejn tal‑poplu mingħajr biża’ u b’rispett sħiħ lejn il‑verità.  Kont għedt: “Aħna għandna bżonnkom ħielsa, intelliġenti, inkwiżittivi, onesti, sereni, u protetti”. Il‑mewt ta’ Daphne kien l‑ewwel assassinju f’Unjoni Ewropea ħielsa u demokratika, ta’ ġurnalista maħsuda mill‑ħajja minħabba l‑qadi ta’ dmirijietha; imma ma kienx l‑aħħar. Illum infakkar u nsellem il‑memorja ta’ ġurnalisti oħra li nqatlu matul din is‑sena u nżommuhom ukoll fit‑talb tagħna. Iktar minn qatt qabel, il‑ġurnalisti jeħtieġu l‑protezzjoni tal‑Istat u tas‑soċjetà biex iħarsu l‑libertajiet taċ‑ċittadini kollha. 

    Nagħtikom il‑barka pastorali tiegħi.

    Charles J. Scicluna

         Arċisqof ta’ Malta

     

  • Ritratt: Reuters/Darrin Zammit Lupi