-
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Ippjanar fl-Ibliet li jaħbat nhar il-Ħadd 8 ta’ Novembru, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tixtieq tappella lill-Membri Parlamentari kollha biex iwarrbu kull motivazzjoni partiġġana, u jqisu bis-serjetà l-implikazzjonijiet tal-abbozzi ta’ liġi dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp u l-Ħarsien tal-Ambjent, li għandhom jiġu diskussi fil-Parlament.
Il-gżejjer maltin għandhom x’jitilfu jekk ikollhom sistema dgħajfa ta’ ppjanar ħtija ta’ proċeduri u policies li, minflok iħarsu l-ġid komuni, jissodisfaw l-interessi tal-ftit. Il-KA issostni li l-mekkaniżmu dgħajjef ta’ ppjanar, kif inhu propost fl-abbozzi, huwa ggravat mill-fatt li l-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) li issa ħa post il-Pjan ta’ Struttura “huwa fih innifsu dokument li huwa batut ħafna,u jkompli jdgħajjef dawn it-tliet abbozzi ta’ liġi. Barra minn dan, it-tibdiliet li diġà saru f’ċerti policies jirrendu l-bini fuq art barra ż-żoni tal-iżvilupp aktar faċli.”[1] Dawn il-policies dgħajfa qed jagħtu lok għal sitwazzjoniet fejn borġ ġebel fil-kampanja jiġġustifika li titla’ binja ta’ żewġ sulari. Dan bl-ebda mod ma jista’ jitqies bħala “ippjanar responsabbli”, li ironikament huwa s-suġġett ta’ konferenza mnedija mill-MEPA biex tfakkar il-Jum Dinji għall-Ippjanar Urban.
Fl-istqarrija li ħarġet fis-7 ta’ Awwissu 2015, il-Kummissjoni Ambjent fissret b’mod ċar il-fehmiet tagħha fuq l-abbozzi proposti, u wissiet li wħud mill-bidliet imsemmija kienu se jwasslu għat-tmermir ta’ tmexxija tajba fl-Awtorità tal-Ippjanar, minħabba n-nuqqas ta’ kriterji sodi ta’ skrutinju u kontrolli fit-tmexxija tagħha. Barra dan, il-bidliet proposti qed jiftħu t-triq għall-indħil dirett mill-Ministru konċernat fil-proċess tal-ippjanar, u fuq kollox se jkunu qed joħolqu l-klima għall-korruzzjoni. Għal darb’oħra l-KA “tixtieq tfakkar lill-membri parlamentari kollha li d-dmirijiet lejn il-pajjiż m’għandhomx jitqiesu bħala obligazzjonijiet lejn xi gruppi partikulari li moħħhom biss biex jistagħnew malajr huma, akkost li jiġi sfruttat l-ambjent naturali, jew li jiżdied il-bini f’ambjent urban li jnaqqas, flok itejjeb, il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.”[2]
It-trasparenza, l-istudju bir-reqqa u l-konsultazzjoni pubblika fl-ippjanar huma kruċjali. Dan japplika kemm għall-proġetti privati kif ukoll dawk pubbliċi. F’dan il-kuntest, il-KA tħoss li mhux aċċettabbli li proġetti relatati ma’ sptarijiet tal-Gvern ikunu eżentati mill-obbligu li jsir Environmental Impact Assesment jew milli jgħaddu mill-proċess ta’ applikazzjoni għall-permess biex isir l-iżvilupp. Għaldaqstant, hija tappella lill-gvern biex jibdel il-ħsieb tiegħu f’dan ir-rigward.
Il-KA tħoss ukoll li hija assolutament inaċċettabbli l-proposta li t-terminu “għal raġunijiet edukattivi” jiġi mġebbed b’mod abbużiv bil-ħsieb li jiġġustifika li proġetti ta’ natura purament kummerċjali, jew li ma jkunu edukattivi xejn, jitwettqu barra ż-żoni tal-iżvilupp. Dan jgħodd ukoll għall-proposta ta’ bini ta’ korsa tat-tlielaq tal-karozzi u l-muturi. Korsa tat-tlielaq mhix indispensabbli għall-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ sewwieqa tajbin, bħalma wieħed ingħata x’jifhem f’sejħa għal proposti li saret dan l-aħħar. Jidher li dieħla d-drawwa li l-frażi “għal raġunijiet relatati mal-edukazzjoni jew mas-saħħa” tintuża sabiex tagħlaq ħalq kull min joġġezzjona kontra li meded kbar ta’ art jiġu wżati b’mod irresponsabbli u bla ebda raġuni valida. Il-KA temmen li kull awtorità tal-ippjanar li hija denja ta’ isimha għandha tħares l-ispazju limitat ta’ gżira b’densità għolja ta’ popolazzjoni bħal ma hi tagħna. Dan għandu jsir billi l-Gvern jistabbilixxi qafas serju u proċess responsabbli u rigoruż ta’ ppjanar li tassew iħares il-ġid komuni.