-
Sawm: Stennija – Antiċipazzjoni – Wens – Maħfra
-
-
-
Għeżież ħuti Nsara,
Fil-bidu ta’ dan ir-Randan Imqaddes tas-sena 2015, u bi preparazzjoni għall-mixja li ser nagħmlu f’dan iż-żmien, xtaqt inwassal messaġġ qasir lil kull wieħed u waħda minnkom.
Darba minnhom, il-Fariżej u l-kittieba staqsew lil Ġesù għaliex id-dixxipli tiegħu ma kinux qed isumu. U Ġesù qalilhom: “Jaqaw tistgħu ġġiegħlu lill-ħbieb tal-għarus isumu sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? Imma għad jasal iż-żmien meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, u mbagħad isumu dakinhar” (Lq 5, 33-35).
Meta naħseb fiċ-ċirkustanzi li qiegħda tgħix il-Knisja Maltija bħalissa, sikwit tiġini f’moħħi din it-tixbiha ta’ Ġesù. Kif tafu, fit-18 ta’ Ottubru li għadda, il-Papa Franġisku aċċetta r-riżenja tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona O.P. Dakinhar ukoll, il-Papa nnominani bħala Amministratur Appostoliku, u fid-Djoċesi ta’ Malta bdejna mument ta’ talb u stennija. Mument li nistgħu nsejħulu ‘ta’ sawm’ għaliex itteħdilna l-għarus u issa qegħdin nistennew il-ħatra ta’ Arċisqof ġdid li huwa l-preżenza ta’ Ġesù, l-għarus tal-Knisja fostna. Għalhekk dan il-mument huwa bħal mument ta’ sawm.
Il-Kelma ‘sawm’ ġegħlitni nirrifletti wkoll fuq erba’ aspetti tar-Randan f’dan il-mument storiku fil-ħajja tad-Djoċesi. Il-kelma ‘sawm’ hija magħmula minn erba’ ittri li jfakkruni fl-iStennija, fl-Antiċipazzjoni, fil-Wens u fil-Maħfra. Nitlobkom li, meta tlissnu l-kelma ‘sawm’ tiftakru fl-erba’ ittri li jiffurmaw il-kelma, u tiftakru f’dawn l-erba’ aspetti li nixtieq naqsam magħkom.
L-‘S’ tal-kelma sawm tfakkarni fl-istennija. L-istennija tagħna għal Arċisqof ġdid trid tkun magħmula qabelxejn minn talb ħerqan. It-talb ħerqan minnu nnifsu jurina li l-istennija hija stennija ta’ rigal li ġej minn Alla. Meta aħna nitolbu għall-grazzja ta’ Arċisqof ġdid, qegħdin ngħidu b’att ta’ fidi li din hija xi ħaġa li nirċevuha minn idejn Alla. Imma dan it-talb ħerqan irid isir ukoll b’fiduċja fit-tjubija tal-Mulej li hu Missier tagħna, allura b’fiduċja serena, mingħajr ħafna qtigħ il-qalb jew inkwiet żejjed. U għalhekk, it-talba tagħna u l-istennija tagħna tkun stennija ta’ distakk matur, li jwassalna biex nemmnu li, jiġi min jiġi, huwa don tal-Mulej u aħna nilqgħuh.
Dan l-atteġġjament ta’ maturità kbira jwassalna għat-tieni ittra fil-kelma sawm, l-‘A’ għal antiċipazzjoni. Xi rrid ngħid? L-ewwel nett, minn issa, mingħajr ma nafu min hu l-Arċisqof il-ġdid hemm bżonn li nħejju ruħna b’atteġġjament pożittiv lejn min se jkun ir-ragħaj tagħna. Qabelxejn irridu nħarsu lejn Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb għaliex huwa r-Ragħaj tagħna. Jiena nista’ nħares lejn min ikun magħżul u ngħid ‘ma tantx jogħġobni’, jew ‘ma tantx jinżilli’, imma l-fidi matura tiegħi ġġegħelni nħares lejh u ngħid ‘Kristu qiegħed ikellimni permezz tiegħu, Kristu qiegħed imexxini permezz tiegħu, għaliex Kristu huwa r-Ragħaj’. L-atteġġjament t’antiċipazzjoni jfisser impenn leali, imma impenn u mhux qtigħ il-qalb. Fl-istess ħin ifisser ukoll libertà tal-ulied; jiena m’inix marbut mal-persuna tal-Arċisqof imma ma’ Ġesù Kristu. Ikun min ikun l-Arċisqof tiegħi jiena nħares lejn Kristu, għax hu dak li jmexxini u jiggwidani.
It-tielet ittra tal-kelma sawm tfakkarni fil-wens. Hemm bżonn li l-komunità tagħna tikber fl-ispirtu ta’ wens. Hemm bżonn tilqa’ lil kull min iħabbat fuq il-bieb tal-qalb tagħna bi mħabba akkoljenti li twassal għall-karità, fejn dak li jkun iħossu milqugħ, hi min hi l-persuna, ġejja minn fejn ġejja. Il-wens ifisser li jkollna għal kulħadd imħabba inklussiva hi x’inhi l-istorja ta’ ħajjet il-persuna, il-background tagħha, ir-reliġjon jew in-nuqqas ta’ reliġjon tagħha, u l-kultura jew il-pajjiż tagħha.
M’aħniex il-Knisja tal-perfetti, u r-Randan ifakkarna propju f’din il-ħaġa. Waqt li nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u nippreparaw ruħna biex inġeddu l-wegħdiet tal-magħmudija, niftakru li aħna midjunin mal-ħniena t’Alla u għandna bżonn min jilqagħna. L-istorja ta’ ħajjitna hija mmarkata minn tant mumenti fejn ħassejna lilna nfusna maħbubin minn Alla. Din l-imħabba tagħtina l-kuraġġ li nkomplu fil-mixja tagħna anke fil-mumenti diffiċli tas-salib fejn ġieli ma nħossux il-preżenza ta’ Alla f’ħajjitna kif u daqskemm inkunu nixtiquha aħna.
L-aħħar ittra fil-kelma sawm hija l-ittra ‘M’, u partikolarment fil-kuntest tar-Randan tfakkarni fil-maħfra. Il-kelma maħfra nixtieq nippreżentahielkom f’erba’ mumenti.
L-ewwel. Meta nitlob maħfra qiegħed nimpenja ruħi li nirbaħ bit-tajjeb il-ħażin li hemm fija u madwari. Nagħti eżempju żgħir. Vizzju li huwa drawwa ħażina fil-ħajja tiegħi nirbħu biss billi nbiddlu b’għażliet aħjar; drawwa ħażina tkeċċiha ’l barra bi drawwiet tajbin. Tirbaħ il-ħażin bit-tajjeb! Il-maħfra tfisser ukoll li min jagħmilli l-ħsara mhux se npattihielu, għax jekk nagħmel hekk ma nkunx qed nirbaħ il-ħażin bit-tajjeb, iżda nkun qed nidħol f’ċirku vizzjuż ta’ tpattija u forsi anke vjolenza li tiġġenera iżjed tpattija u vjolenza.
It-tieni mument tal-maħfra huwa li nifhem li dak li għamilt ħażin hemm bżonn li niftaħlu l-bieb biex joħroġ minn ħajti. Il-kelma ta’ Ġesù lill-mara li nqabdet fid-dnub kienet “Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed” (Ġw 8, 11). Il-kelma ‘mur’ kienet kelma ta’ ħelsien li permezz tagħha l-mara kellha d-dritt tibqa’ tgħix għaliex Ġesù ma kkundannahiex għall-mewt. Imma Ġesù jgħidilha wkoll biex ma terġax tidneb, biex tbiddel ħajjitha, biex tagħmel li tista’ biex tgħix aħjar. U dan l-impenn jevita li aħna nabbużaw mill-ħniena t’Alla jew li nersqu lejn is-Sagrament tal-Qrar bħala xi ħaġa li hija grazzja faċli.
It-tielet mument fil-maħfra hija l-kapaċità li dak li nitlob lill-Mulej inkun nista’ naqsmu ma’ ħuti, “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6, 12). Jiena għandi jkolli l-wiċċ immur quddiem il-Mulej, mgħobbi bi dnubieti, u nitolbu maħfra biss jekk nimpenja ruħi li nitlob lill-Mulej jaħfirli biex jiena wkoll naħfer lil min hu midjun miegħi. U għalhekk, it-tielet mument f’din it-triq tal-maħfra hija d-disponibilità tiegħi li naqsam ma’ ħaddieħor dak li qed nirċievi mingħand il-Mulej. Hu jaħfirli u għalhekk jien irrid naħfer lil ħaddieħor. Hekk insir tassew wild il-Missier u parti mill-familja ta’ Alla għax naġixxi bħalma qed jagħmel Hu miegħi, u hekk nagħmel jien ma’ ħaddieħor.
Ir-raba’ u l-aħħar punt hija t-tislima ta’ Ġesù f’Ħadd il-Għid, li nħalluha tidwi magħna għal ħamsin jum ta’ ferħ wara erbgħin jum ta’ penitenza fir-Randan, “Il-paċi magħkom” (Ġw 20, 21). Il-maħfra ġġib il-paċi f’qalbna u tiżra’ l-paċi madwarna. “Il-paċi magħkom” mhijiex rigal mogħti lill-individwi, imma lill-komunità. Il-maħfra li jiena nakkwista u li naħdem għaliha fir-Randan imqaddes, permezz tas-sagrament tal-Qrar, billi nagħmel il-karità ma’ ħuti, billi nrażżan il-ħażen fija, hija verament ir-riċetta tal-paċi, l-għajn tal-paċi fis-soċjetà.
Minn qalbi nawgura lil kull wieħed u waħda minnkom Randan mimli qdusija, rebbiegħa sabiħa tal-ispirtu u tal-qalb.
Nagħtikom il-Barka Pastorali tiegħi.
✝ Charles Jude Scicluna
Isqof titulari ta’ San Leone
Amministratur Appostoliku ta’ Malta