Għeżież,

Qegħdin niċċelebraw il-jum qaddis u solenni li fih aħna l-Insara nirringrazzjaw lil Alla għad-don sabiħ tal-Ewkaristija: tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù li jingħata lilna għas-salvazzjoni tagħna.  F’dan il-jum għażiż xtaqna naqsmu magħkom katekeżi sabiħa, prattika u profonda li tana l-Qdusija Tiegħu, il-Papa Franġisku, fit-13 ta’ Diċembru 2017. Il-Papa jirrispondi għall-mistoqsija importanti “Għaliex immorru l-Quddiesa l-Ħadd?”, u jgħid hekk:

“Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija tal-Ħadd hi fil-qalba tal-ħajja tal-Knisja (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 2177). Aħna l-Insara mmorru l-quddiesa l-Ħadd biex niltaqgħu ma’ Kristu Rxoxt, jew aħjar, biex inħallu lilu jiġi jiltaqa’ magħna, nisimgħu kelmtu, insostnu ruħna mill-mejda tiegħu, u hekk insiru Knisja, jiġifieri l-Ġisem mistiku ħaj tiegħu fid-dinja.

“Dan sa mill-bidu fehmuh id-dixxipli ta’ Ġesù, li ċċelebraw il-laqgħa Ewkaristika mal-Mulej fil-jum tal-ġimgħa li l-Lhud kienu jsejħulu ‘l-ewwel tal-ġimgħa’ u r-Rumani ‘jum ix-xemx’, għax f’dak il-jum Ġesù qam minn bejn l-imwiet u deher lid-dixxipli, tkellem magħhom, kiel magħhom, tahom l-Ispirtu s- Santu (ara Mt 28:1; Mk 16:9,14; Lq 24:1,13; Ġw 20:1,19). Anki meta l-Ispirtu niżel b’qawwa fuqhom f’Pentekoste, dan seħħ il-Ħadd, ħamsin jum wara l-qawmien ta’ Ġesù. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Ħadd hu jum qaddis għalina, imqaddes miċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, preżenza ħajja tal-Mulej fostna u għalina. Mela hi l-quddiesa li tagħmel il-Ħadd Nisrani! Il-Ħadd Nisrani jdur madwar il-quddiesa. X’Ħadd ikun, għan-Nisrani, dak li fih tibqa’ nieqsa l-laqgħa mal-Mulej?

“Hemm komunitajiet Insara li, b’xorti ħażina, ma jistgħux igawdu mill-quddiesa kull nhar ta’ Ħadd; imma anki dawn, f’dan il-jum qaddis, huma msejħa jinġabru jitolbu f’isem il-Mulej, jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jżommu ħajja x-xewqa tal-Ewkaristija.

“Xi soċjetajiet sekularizzati warrbu għall-ġenb is-sens Nisrani tal-Ħadd imdawwal mill-Ewkaristija. Xi dnub dan! F’dawn il-kuntesti hu meħtieġ inqajmu mill-ġdid dan l-għarfien, biex nirkupraw it-tifsira ta’ din il-festa, it-tifsira tal-ferħ, tal-komunità parrokkjali, tas-solidarjetà, tal-mistrieħ li jġedded il-ġisem u r-ruħ (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, nn. 2177-2188). Dwar dawn il-valuri kollha tgħallimna l-Ewkaristija, Ħadd wara Ħadd. Għalhekk il-Konċilju Vatikan II ried jikkonferma li l-‘Ħadd, wieħed għandu jipproponih lit-tjieba tal-fidili u jisħaq fuqu magħhom biex ikun ukoll għalihom jum ta’ ferħ u ta’ mistrieħ mix-xogħol’ (Kostituzzjoni Sacrosanctum concilium, 106).

“Fl-ewwel sekli ma kinitx teżisti d-drawwa li wieħed ma jaħdimx il-Ħadd: hi ħaġa speċifika li ġab miegħu l-Kristjaneżmu. Fit-tradizzjoni biblika l-Lhud kienu jistrieħu s-Sibt, waqt li fis-soċjetà Rumana ma kienx hemm xi ġurnata tal-ġimgħa li fiha l-ilsiera kienu jistrieħu mix-xogħol. Kien is-sens Nisrani tal-ħajja bħala wlied u mhux bħala lsiera, animat mill-Ewkaristija, li għamel mill-jum tal-Ħadd – kważi universalment – jum il-mistrieħ.

“Mingħajr Kristu aħna kkundannati li nibqgħu maħkuma mill-għeja tal-ħajja ta’ kuljum, mit-tħassib tagħha, u mill-biża’ tal-għada. Il-laqgħa mal-Mulej f’jum il-Ħadd tagħtina l-qawwa li ngħixu l-ġurnata b’fiduċja u kuraġġ u biex nibqgħu mexjin bit-tama f’qalbna. Għalhekk aħna l-Insara mmorru niltaqgħu mal-Mulej nhar ta’ Ħadd, fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika.

“Il-Komunjoni Ewkaristika ma’ Ġesù, Rxoxt u Ħaj għal dejjem, tantiċipa dak il-Ħadd li fuqu x-xemx ma tinżel qatt, meta mhux sa jkun hemm iżjed taħbit, lanqas tbatija, lanqas luttu, u lanqas dmugħ, imma biss il-ferħ li ngħixu b’mod sħiħ u għal dejjem mal-Mulej. Anki dwar dan il-mistrieħ ta’ hena tkellimna l-Quddiesa tal-Ħadd, u tgħallimna kif, mal-mixja tal-ġimgħa, nafdaw ruħna f’idejn il-Missier tas-Smewwiet.

“X’nistgħu nwieġbu lil min jgħidilna li m’hemmx bżonn tmur il-quddiesa, lanqas il-Ħadd, għax l-importanti hu li tgħix tajjeb, tħobb lill-proxxmu? Hu minnu li l-kwalità tal-ħajja Nisranija titkejjel skont il-ħila li wieħed iħobb, kif qal Ġesù: ‘Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom’ (Ġw 13:35); imma kif nistgħu ngħixu l-Vanġelu mingħajr ma nixorbu l-enerġija meħtieġa biex nagħmlu dan, Ħadd wara l-ieħor, mill-għajn ma taqta’ qatt tal-Ewkaristija? Aħna ma mmorrux il-quddiesa biex nagħtu xi ħaġa lil Alla, imma biex nirċievu mingħandu dak li għandna bżonn tabilħaqq. Dan tfakkarhulna t-talba tal-Knisja, li hekk tgħidlu lil Alla: ‘Għad li xejn ma teħtieġ it-tifħir tagħna, inti jogħġbok tagħtina l-grazzja biex minn qalbna rroddulek ħajr: għax jekk il-ġieħ li nagħtuk ma jżidlek xejn fik innifsek, imma lilna jiswielna għas-salvazzjoni’ (Missal Ruman, Prefazju IV tal-Komun).

“Biex nagħlaq, għaliex għandna mmorru l-quddiesa l-Ħadd? Mhux biżżejjed twieġeb li dan hu preċett tal-Knisja; dan jgħinna nżommu sħiħ il-valur tagħha, imma waħdu mhux biżżejjed. Aħna l-Insara għandna bżonn li nieħdu sehem fil-Quddiesa tal-Ħadd għax hu biss bil-grazzja ta’ Ġesù, bil-preżenza ħajja tiegħu fina u fostna, li nistgħu nqiegħdu fil-prattika l-kmandament tiegħu, u hekk insiru xhieda kredibbli tiegħu.”

Fid‑dawl tat‑tagħlim sabiħ tal‑Knisja kif spjegat tant tajjeb mill‑Papa u l‑Missier tagħna fi Kristu, Franġisku, aħna l‑Isqfijiet, bis‑setgħa ordinarja tagħna, qed inġeddu l‑obbligu li għandna l‑Insara li niltaqgħu għall‑quddiesa tal‑Ħadd b’seħħ mit‑18 ta’ Ġunju 2023, ħdax‑il Ħadd taż‑żmien ta’ matul is‑sena, meta tintemm id‑dispensa introdotta minħabba l‑Covid‑19. Nafu li hemm persuni li għalihom mhux possibbli, għal raġuni valida, li jattendu għall-quddies. Nistiednu lil dawn il-persuni biex nhar ta’ Ħadd jagħmlu ħilithom biex jinġabru fit-talb lil Alla.  Il-quddiesa trasmessa fuq il-mezzi tax-xandir u mezzi l-oħra ta’ komunikazzjoni soċjali hi ta’ għajnuna kbira għal min ma jistax imur il-Knisja. Dawk li jistgħu jmorru l-Knisja għandhom jagħmlu hekk huma u jilqgħu l-istedina tal-Mulej: ‘Hienja dawk li huma mistiedna għall-mejda tat-tieġ tal-ħaruf’ (Apok 19:9).  Jalla ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa tal-Ħadd fil-parroċċi u l-knejjes tagħna tkun laqgħa sabiħa ma’ Alla u bejnietna li tagħtina r-ruħ u ġġeddidna għall-ħajja tal-imħabba Nisranija.  Niftakru dejjem fit-talb għażiż li għallimna San Ġorġ Preca: “Grazzi Sinjur Alla, aħfirli Sinjur Alla”, “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”.

Bil-qalb nagħtukom il-Barka Pastorali tagħna.

Illum, 4 ta’ Ġunju 2023, Solennità tat-Trinità Qaddisa.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

✠ Anton Teuma
    Isqof ta’ Għawdex

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Dun Jimmy Bonnici
Segretarju Ġenerali għall-Konferenza Episkopali Maltija


Il-messaġġ pastorali bil-lingwa tas-sinjali