“Rajt lill-Mulej”

Kienet l-aħbar li Marija Maddalena tat lill-appostli f’dak il-Jum ta’ elfejn sena ilu. Kien l-iktar mod komuni kif il-bnedmin setgħu jagħtu l-aħbarijiet lil xulxin: bil-fomm!

Ġesu’ Rxoxt kellu modijiet oħra. Bħala dak li rxoxta ma ħalliiex f’idejn l-appostli biss biex jgħaddu din l-aħbar lil xulxin. Hu stess personalment beda jgħaddi din l-aħbar għaliex kien irxoxta. San Pawl jirrakonta id-dehra ta’ Ġesu’ rxoxt lil bosta nies, ibda minn Kefa (ara I Kor 15,5-8).

Illum ukoll jenħtieġ li dan il-messaġġ ta’ ferħ u tama jibqa’ jiġi trasmess, u bl-iktar mod effiċċjenti u sabih li nistgħu. Niżżi ħajr ‘l Alla li anki d-Djoċesi tagħna, minbarra l-metodi tradizzjonali kif tgħaddi messaġġ, issa qiegħda tittrasmettih anki bil-mezzi tal-għaġeb li tatna t-teknoloġoija, b’mod speċjali il-website www.maltadiocese.org.

Jixraq li dan il-messaġġ jasal, u jasal kullimkien għaliex huwa għajn ta’ ħafna tama. U jixraq li jasal bl-iktar mod qawwi u sabih għaliex hekk twassal l-ewwel darba lil Marija Maddalena, bid-dehra ta’ Ġesu’ Rxoxt stess!

Waqt li nawgura kull Barka ta’ Ġesu’ Rxoxt fuq dawk kollha li jidħlu f’dan is-sit, nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lil dawk kollha li qegħdin imexxu dan is-sit, biex l-Ispirtu s-Santu jimlihom bl-istess ħeġġa li biha l-ewwel appostli xandru li Ġesu’ Rxoxta: ĦALLELUJAH!

+ Pawlu Cremona OP
Arċisqof ta’ Malta