• Messaġġ tal-Arċisqof fi Tmiem is-Sena 2013

  • Konkatidral ta’ S. Ġwann
    31 ta’ Diċembru 2013

    Ħuti, fl-ewwel tas-sena niċċelebraw l-ewwel festa liturġika, ta’ Marija Omm Alla. Din il-kelma hija tqila għalina imma ma nistgħux ma naċċetawhiex għax ladarba il-Madonna kienet omm Ġesù Kristu li kien l-iben t’Alla magħmul bniedem, biex tkun l-omm ta’ Ġesù sħiħ, kellha tkun ukoll Omm Alla. U allura l-lum inħallu din is-sena li ġejja fuqna f’idejn Sidtna Marija ħalli hi tkompli tipproteġina u tkompli tagħtina d-dwal fil-ħajja tagħna.

    Imma jiena llum xtaqt nitkellemn ukoll fuq is-sena ċivili. Minn għada se nibdew l-ewwel ta’ Jannar, u tgħaddi ġimgħa wara l-oħra, xahar wara l-ieħor u sena wara l-oħra. Jiena xtaqt nagħmlilkom proposta: min jaf kieku s-sena li ġejja nippruvaw kemm jista’ jkun naghmluha risposta għall-Iben t’Alla li sar bniedem, ġie fostna, u s-sena tagħna ċivili tkun għalina okkażjoni biex aħna nersqu iktar lejn l-eternità, inħallu din is-sena tkun mimlija aktar bil-preżenza tal-Mulej.

    Xtaqt nasqam magħkom dawn l-erba’ ħsibijiet. L-ewwelnett meta l-Iben t’Alla sar bniedem hu mela l-umanità tagħna bid-divinita tiegħu, bl-eternità tiegħu. Għallehkk l-għemejjel tagħna f’isem Kristu jistgħu ikunu għemejjel ta’ eternità. Aħna naqraw fl-Iskrittura li jekk ikun hemm wieħed u jagħti mqar tazza ilma lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar fostna, Ġesù jgħid li huwa jkollu bħala wirt is-saltna tas-sema. Min jaf kieku l-għemejjel tagħna nibdew nikkonsidrawhom ukoll fid-dawl ta’ kemm jistħoqqilhom l-eternità?  Meta jiena ħfirt, kien jistħoqqli l-eternita! Meta jiena kont ġeneruż, kien jistħoqq l-eternità! Meta jiena tlabt quddiem il-Mulej kien jistħoqqli l-eternita! Kemm hu sabih kieku jum wara l-ieħor aħna nagħmlu eżami tal-kuxjenza x’inkunu għamilna matul il-ġurnata u nifirħu b’dak li jiswa’ għall-eternita. Nifirħu b’affarjiet oħrajn imma nibża’ li ftit nifirħu b’dawk l-affarjiet li jkunu qed iwassluna biex aħna jkollna bħala sehem tagħna, l-eternità.

    It-tieni riflessjoni aħna narawha fil-Vanġelu li qrajna llum. Il-Madonna meta rat lir-ragħajja ġejjin u jagħtu tislima lill-Mulej, għandna miktub: “il-Madonna żammet dan kollu f’qalbha” (Lq 2, 19). U xi tfisser? Dak li kien mument biss, għax ir-ragħajja imbagħad marru lura, il-Madonna tawwlitu għax baqgħet taħseb fuqu. U min jaf kieku aħna ntawlu ż-żmien ta’ din is-sena li se nibdew? Ġejt hawnhekk nisma’ l-quddies u wara ntawwal iż-żmien ta’ meta ġejt nisma’ l-quddies billi dak il-ħin nibqa’ naħseb fuqu. Kemm il-darba, ħuti, il-qari tal-lezzjonijiet inħalluh iddum biss sakemm jinqara, u wara ninsieh assolutament. Dik il-kelma t’Alla li hi eterna, ħallejtha magħluqa ġewwa dak il-ħin biss li ingħadet. Kemm ikun sabih kieku dak il-mument, dik il-minuta jew żewġ minuti li fihom naqraw il-lezzjonijiet, nagħmlu bħal Marija: inżommu dan kollu f’qalbna u meta noħorġu minn hawnhekk nibqgħu niftakru fuqu. Niftakar: il-Vanġelu x’kien illum? Ħa nara x’għallimni l-Mulej biex inkunu bħal Madonna, intawwal il-ħin tal-mument li għandu x’jaqsam ma’ Ġesù. 

    It-tielet ħaġa li naraw mill-vanġelu hi li r-ragħajja marru jagħtu l-aħbar. Kemm hu sabiħ, meta jien nkun smajt xi ħaġa li ħadet forsi ftit sekondi, ftit minuti, u jien intawwal dak il-mument mhux biss fil-ħin, imma wkoll fl-ispazju, meta  dak li jiena smajt ma jibqax ġo fija, imma ngħaddieh lill-oħrajn. Immur id-dar u ngħaddi dak li jien inkun smajt fil-knisja. Jiena nkun qiegħed fost sħabi u ngħaddi dak il-mument. Kemm hu sabih! Beda minn mument qasir u sar mument twil li nfirex f’ħafna postijiet differenti għaliex jiena tawwaltu biex il-kelma t’Alla ikollha togħma tal-eternità, ikollha togħma iktar fiż-żmien u fl-ispazju.

    U r-raba’ riflessjoni li xtaqt li nagħmel ma toħroġx mill-Vanġelu tal-lum, imma naħseb li hija importanti ħafna. Ġesù fuq is-salib u lil Alla jgħidlu: kollox mitmum (Ġw 19,30). Wieħed ta’ tlieta u tletin sena, qiegħed jinqatel, wieħed li għamel tliet snin biss fl-evanġelizzazzjoni. Tliet snin biss! Ma  bedhiex ta’ għoxrin, beda ta’ tletin u ma spiċċax ta’ ħamsin, spiċċa ta’ tlieta u tletin sena! U minn dan kollu,  Sidna Ġesù Kristu jkun iħares lejn Alla l-Missier u jgħidlu: kollox huwa mitmum. Mulej, dak li inti bagħtni nagħmel, jien għamiltu. U allura ir-raba’ mument, kemm hu sabih kieku aħna inħarsu lejn dak li huwa d-dmir tagħna, aħna persuni miżżewġin, aħna s-saċerdoti,  u nafu li nkun nistgħu ngħidlu l-Mulej, li mhux bil-perfezzjoni ta’ Ġesù imma bil-possibbiltà tgħana, u ngħidlu: ‘Mulej inti bagħtni hemmhekk, tajtni din is-sejħa ta’ miżżewweġ jew miżżewġa, tajtni din is-sejħa ta’ saċerdot, u nista’ ngħidlek li skont il-limitazzjonijiet tiegħi, dan kollu kien mitmum’B’hekk jien nkun qed ningħaqad ma’ Sidna Ġesù Kristu f’din il-missjoni tiegħu ta’ salvazzjoni.

    Għalhekk, ħuti, jiena nagħlaq b’dak li aħna smajna fl-ewwel lezzjoni tal-lum (Num 6,22-27), dik il-barka sabiha li Mose qal lil Aron biex jagħti lill-poplu tiegħu, biex jagħtihom is-sliem, jagħtihom il-maħfra u jagħtihom ukoll l-imħabba tiegħu. Jalla din is-sena li aħna se nibdew għada  tkun mimlija b’dawn il-grazzji.