• Patri Raymond Francalanza OSA, Provinċjal Elett tal-Agostinjani

  • L-Agostinjani rġiel ta’ Malta bħalissa qegħdin iħejju għall-Kapitlu Provinċjali li se jagħmlu fi Frar tal-2014. Il-Kapitlu huwa laqgħa ġenerali li l-Provinċja tagħmel kull erba’ snin biex tagħmel evalwazzjoni tal-ħajja tagħha bħalissa u tagħmel il-programm tagħha għall-erba’ snin li ġejjin. Il-Provinċja taħtar ukoll il-persuni li għandhom imexxuha f’dawn is-snin.

    ​Parti mit-tħejjija li ssir għall-Kapitlu hija l-elezzjoni tal-Pirjol Provinċjali l-ġdid. L-elezzjoni ssir b’votazzjoni mill-membri kollha tal-Provinċja. Il-Pirjol Provinċjali huwa s-“superjur” tal-Provinċja kollha ta’ Malta u ta’ fejn il-Provinċja tinsab taħdem ukoll barra minn Malta.  Nhar il-Ħadd, 1 ta’ Diċembru 2013 saret l-elezzjoni tal-Provinċjal il-ġdid. Fiha nħatar P. Raymond Francalanza OSA,S.Th.D., bħala l-Provinċjal biex imexxi l-Provinċja “San Mark” tal-Ordni ta’ Santu Wistin mill-bidu tal-Kapitlu ta’ Frar 2014 sal-Kapitlu tal-2018.

    F’Settembru li għadda, f’Ruma, l-Ordni ta’ Santu Wistin miġbur għall-Kapitlu internazzjonali, ħatar lil P. Alejandro Moral Antón OSA, Spanjol, bħala l-Pirjol Ġenerali tal-Ordni fid-dinja kollha. P. Alejandro għandu jkun Malta fi Frar li ġej biex imexxi l-Kapitlu tal-Agostinjani ta’ Malta.

    P. Raymond Francalanza OSA, il-Provinċjal Elett, twieled iż-Żejtun fl-1965. Fl-1985 beda s-sena tan-Novizzjat fl-Ordni ta’ Santu Wistin f’Tolentino (Macerata, Italja). Fl-1988 għamel il-professjoni solenni fl-Ordni Agostinjan u sentejn wara kien ordnat presbiteru. Studja t-teoloġija fil-Fakultà teoloġika ta’ Malta fejn kiseb il-Liċenzjat (S.Th.L) fl-1991 bit-teżi: “The Mystery of the Church and the writings of St Augustine”. Huwa iggradwa bħala Duttur fit-Teoloġija (S.Th.D) fl-2009 b’riċerka fuq “Sign and Signification – Networks of discernment in the Church”.

    Huwa għallem ukoll il-ħsieb u l-ispiritwalità ta’ Santu Wistin fl-Istitut Agostinjan, Tal-Pietà, u kiteb ħafna f’diversi ġurnali u rivisti. Għal xi żmien kien Assistent Direttur tal-Millennium Chapel. Ħadem ħafna maż-żgħażagħ fil-Millennium Chapel, l-aktar ma’ dawk tal-grupp “LIFT” li hu waqqaf u ma’ ħafna koppji żgħażagħ. P. Raymond huwa Reliġjuż attiv ħafna fl-Ordni Agostinjan. Ħadem ħafna fil-kamp vokazzjonali u fil-formazzjoni ta’ studenti Reliġjużi Agostinjani. Bejn l-1994 u 2000 kien ir-Rettur tal-Kulleġġ Santu Wistin. Fl-1996 inħatar membru tal-Kummissjoni parlamentari għall-Edukazzjoni. Bejn l-2002 u 2010 kien Kunsillier Provinċjali u serva wkoll bħala Vigarju Provinċjali. Kien Pirjol tal-komunità Agostinjana f’Paceville, fejn fost l-oħrajn, ta dehra ġdida għal kollox lill-knisja tal-Madonna tal-Bon Kunsill. Wara l-Kapitlu Provinċjali tal-2010 nħatar Kappillan tal-Parroċċa S. Wistin, Valletta.

    P. Raymond jibda bħala Provinċjal effettiv fis-6 ta’ Frar 2014, meta jibda l-Kapitlu Provinċjali Ordinarju li jmiss tal-Agostinjani.