-
Messaġġ tal-Arċisqof fil-pussess tal-kappillan Fr Christopher Galea
-
Ħal-Għargħur
8 ta’ Awwissu 2013
Ħuti, illum qegħdin niċċelebraw il-pussess tal-kappillan il-ġdid tagħkom, fil-parroċċa ta’ S. Bartilmew Appostlu, patrun ta’ dan ir-raħal, li l-festa tiegħu hi fl-24 ta’ dan ix-xahar t’Awwissu. Nemmen li kull patrun ta’ kull parroċċa għandu jkun sinjal li permezz tiegħu naslu għand Kristu.
Fil-Vanġelu tal-lum (Ġw 2,43-51) aħna rajna lil Natanjel – li huwa Bartilmew – li jmur għand Sidna Ġesù Kristu, għaliex Filippu kien qal lil Natanjel li huma raw il-Messija, dak li kellu jiġi. U din it–tnebbieħa fiha nfisha fetħet bibien kbar għal Natanjel. Fetħet il-bieb għall-wieħed li jrid jimxi wara Kristu, fetħet il-bieb ta’ wieħed li jisma’ lil Kristu għax jgħix miegħu, fetħet il-bieb ukoll għall-martirju li ħa Bartilmew għal Sidna Ġesù Kristu biex jkun jixbħu f’kollox.
Naħseb li l-ewwel missjoni tal-kappillan hi li jwassal hu wkoll lil poplu t’Alla għand Ġesù, kif Filippu wassal lil Natanjel. Minn hawn u ftit ieħor se taraw lill-kappillan li jbierek il-Battisteru tal-Magħmudija u dak ifisser li hu se jintroduċi lil dawk li fil-fatt qegħdin ifittxu lil Kristu, għal Magħmudija li hija l-bidu ta’ kull għemil nisrani. Inħarsu lejn il-ħajja tan-nisrani u naraw li l-kappillan se jkollu bħala dmir tiegħu li jressaq lill-Insara lejn l-Ewkaristija. Minn hawn u ftit ieħor narawh jagħti l-qima tiegħu quddiem l-Ewkaristija biex hu jkun jista’ lil poplu t’Alla idewwqu il-ġid tal-Ewkaristija: Sidna Ġesù Kristu nnifsu.
se naraw wkoll lill-kappillan imur ġewwa wieħed mill-konfessinarji u hemmhekk jieħu l-istola, għax il-kappillan għandu d-dmir li lil dawk li kienu tfixklu fil-ħajja nisranija, hu jerġa’ jħabbibhom mal-Mulej Ġesù.
U l-aħħar ħaġa li narawh jagħmel hu li jgħidilna: “Il-Mulej magħkom” u b’dik ‘il-Mulej magħkom’ huwa qed jgħidilna li aħna rridu nisimgħu l-kelma tiegħu hu u jxandrilna l-kelma t’Alla.
Mela, għażiż kappillan, din hija l-ewwel missjoni tiegħek li trid tagħmel f’din il-parroċċa ta’ San Bartilmew: li inti tlaqqa’ lil dawn ħutna li joqgħodu f’dan ir-raħal ta’ ħal Għargħur biex huma jkunu jistgħu jersqu lejn Sidna Ġesù Kristu, isiru verament ħbieb ta’ Sidna Ġesù Kristu. Fl-ewwel lezzjoni tal-lum aħna smajna lil dam il-kliem: “Kemm huwa sbieħ ir-riġlejn ta’ min ixandar il-kelma”. Jiena nfakkrek, għażiż kappillan, li din il-merħla li hija f’idejk, mhijiex il-komunità li tiltaqa’ li tiġi l-Kinjsa biss, imma hija wkoll il-komunità li toqgħod f’dan ir-raħal tal-Għargħur. Din huwa verament il-merħla kollha tiegħek u allura int flimkien ma’ dawn l-aħwa li hawn hawnhekk, u nittama li jkunu ħafna li jgħinuk, tippruvaw tagħtu il-bxara t-tajba, tressqu lejn il-Knisja lil dawk li huma membri tal-komunità li hawn fil-Għargħur, imma ma jiġux il-Kinsja.
Għalhekk, għażiż kappillan, inti se tmexxi wkoll lil din il-merħla fdata f’idejk biex ilkoll naslu fil-ġenna, f’Ġerusalemm il-ġdida li għad tkun ħajja ġdida. Il-komunità tagħna, anke din, għandha futur u l-futur tagħha ma jingħalaqx fil-ħajja ta’ din id-dinja, imma għandna futur li jibqa’ miexi. Sa fejn? Sal-eternita! Anke din il-komunità li inti trid tmexxi hawnhekk trid tkun komunità li diġa qed tħejji għal ħajja ta’ dejjem, trid tkun komunità li tħobb, trid tkun komunità li hija maqgħuda, trid tkun komunità li fiha Alla jkun verament saħħa kbira fil-poplu tiegħu. Fi kliem ieħor tkun komunità li taf li hemm dinja oħra mħejjiha għaliha u hi qed tħejji biex tkun parti waħda minn din il-komunità ta’ Ġerisalemm Ġdida. Jalla, għażiż kappillan, tul dawn is-snin li tkun qiegħed hawnhekk inti, bl-għajnuna ta’ dawn ħutek li huma wkoll il-parruċċani li huma fdati f’idejk, jalla lkoll il-Mulej iħares lejkom u jara fikom dak li hu jixtieq.
+ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta