Konkatidral ta’ S. Ġwann, Valletta

13 ta’ Mejju 2013

Eċċellenza, ħuti,

Aħna niġu hawn fil-Knisja, bħalma ġejna llum, biex nirringrazzjaw lil Alla għal kull għajnuna spiritwali u umana li huwa jagħtina. Imma niġu hawnhekk mhux għal din ir-raġuni biss; aħna niġu hawnhekk biex inpoġġu l-ġrajjiet tagħna taħt dawl spiritwali u nibdew nifhmuhom f’kuntest spiritwali u kristjan. Jien dan li xtaqt li naqsam magħkom illum: il-valur kristjan u spiritwali ta’ din l-opra sabiha li intom tagħmlu.

Ir-riflessjoni tal-Insara dejjem tibda fuq dak li aħna naqraw fir-rakkont tal-ħolqien. Alla l-Imbierek għamel kollox, huwa l-ħallieq; meta ġie fl-aħħar jum, huwa ħalaq lill-bniedem, hekk hemm miktub, raġel u mara xbieha tieghu ħalaqhom (ara Ġen 1, 27). Jiġifieri kull bniedem li hawn fid-dinja huwa xbieha t’Alla. Sfortunatament il-bniedem dineb, hekk għandna miktub fil-Ġenesi, u allura ma baqax dan l-wirt totalment sabih u tajjeb li Alla kien għamel bil-bidu. Sfortunatament l-umanita ma’ l-affarijiet sbieh tiret ukoll l-affarijiet li mhumiex sbieħ. Għal din ir-raġuni, Alla l-Imbierek fil-kobor tiegħu għamel tliet affarijiet.

L-ewwelnett, meta nħarsu lejn it-tbatija ta’ madwarna, irridu nifhmu li dik it-tbatija qed iħossha wkoll Alla l-Missier għaliex hu ħalaq lil kull bniedem, hu min hu u hi min hi. U allura bilfors ibati magħmn; it-tbatija tagħna hija t-tbatija tiegħu.

It-tieni ħaġa li għamel Alla l-Imbierek meta nduna b’din it-tbatija tagħna, hi li bagħat lil Ibnu fid-dinja biex huwa juri lill-bnedmin li Alla l-Imbierek qiegħed ibati minħabba t-tbatija tal-bniedem. Rajtuha fil-Vanġelu tal-lum (Ġw 16,29-33). Ġesù jgħid: ‘jien qatt ma jien waħdi, anke meta intom tħalluni biex jiena nissallab, imma jiena qatt ma jien waħdi għaliex jiena u Alla l-Missier ħaġa waħda’. U b’dan il-kliem, Sidna Ġesù Kristu ried jurina li meta aħna naqraw il-Vanġelu, silta wara silta, ma nistgħux nieqfu f’Ġesù, għax Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla l-Missier u l-għemejjel li jagħmel Ġesù huma biex jispjegawlna lil Alla l-Missier, u dak li Alla l-Missier ried li Ġesù Kristu jagħmel. Ġesù huwa x-xhud ta’ Alla l-Missier, u dak li qed iħoss dejjem skont il-mixja tal-umanita.

"Kemm niġġudikaw lil xulxin mill-qoxra tal-bnedmin! Imma taħt dik il-qoxra hemm ix-xbieha t’Alla u intom lil dawn il-persuni qed tagħtuhom din id-dinjità tax-xbieha t’Alla…"

Alla l-Missier bagħat lil Ibnu fid-dinja, Sidna Ġesù Kristu li għamel tliet affarijiet differenti meta kien fostna, li għandom x’jaqsmu ma’ dak li intom qegħdin isservu, li qegħdin taqdu. L-ewwelnett huwa għamel diversi mirakli. Dawk il-mirakli juruna li Alla jridna nkunu tajbin fis-sens uman, jigifieri ma jridx jarana nbatu.

Fil-Vanġelu naraw kemm il-darba li Sidna Ġesù Kristu il-mirakli għamilhom wkoll ma’ dawk li kienu qegħdin ibatu mentalment. Kien hemm wieħed li kien jiġġerra fiċ-ċimiterji għax kien marid mentalment u Sidna Ġesù Kristu fejqu u tah lura id-dinjità tiegħu! Ħafna mill-mirakli li għamel Ġesù kienu jolqtu dak li qegħdin tagħmlu intom: persuni li qegħdin ibatu mentalment u huma ġġudikati mill-oħrajn, u ovvjament, dan ikompli jżid it-tbatija.

It-tieni ħaġa li għamel Sidna Ġesù Kristu meta ġie fostna bħala bniedem kienet li huwa bil-mod il-mod beda jbiddel il-kultura tan-nies ta’ madwaru. Tiftakru, per eżempju, darba minnhom kien hemm xi ħadd li qed ibati u ġie jgħidlu: ‘Mulej fejjaqni.’ X’ kienet il-kultura ta’ dak iż-żmien? Li twarrbu! ‘Ħallih l-Imgħallem miexi, se toqgħod tgerrfxu lil Imgħallem?’ U Ġesù jibda bil-mod il- mod ibiddlilhom il-kultura. “Le, ħalluh jiġi għandi, dak huwa bniedem li qed ibati, dan għalija għandu ħafna importanza u jien għalih għandi ħafna imħabba”. Hekk bdiet tinbena kultura ta’ mħabba lejn min hu qiegħed ibati.

It-tielet ħaġa li għamel Sidna Ġesù Kristu meta kien sejjer fis-sema, bagħtilhom l-Ispirtu s-Santu. Rajtu fl-ewwel lezzjoni mill-Atti tal-Appostli (Atti 19, 1-8) kellna silta verament ħelwa għax kien hemm dawk li qalu li San Pawl: ‘aħna tgħammidna’. ‘Imma intom tgħammidtu fl-Ispirtu s-Santu?’, qalilhom Pawlu. ‘Le, ma nafux bih!’ weġbuh. ‘Mela jien se ngħammidkom fl-Ispirtu s-Santu’ għaliex l-Ispirtu s-Santu kien dak li bena l-Knisja fl-ewwel żmienijiet biex tkompli dak li beda Kristu. Dak li għamel Kristu, kellha tagħmlu l-Knisja. Tant hu veru li wieħed mill-ewwel mirakli li għamel S Pietru wara li huwa ppriedtka fil-Pentekoste, kien dieħel fit-tempju u jkun hemm wieħed li kien magħtub u dan talabhom il-flus, xi ħaġa biex ikun jista jiekol. U Pietru u Ġwanni, kienu t-tnejn flimkien, qalulu: ‘Fidda u deheb m’għandniex, għandna xi ħaġa waħda x’nagħtuk u din hija l-imħabba ta’ Sidna Ġesù Kristu u f’ismu aħna se nfejquk’ (ara Atti 3, 6). U sar l-ewwel miraklu tal-Knisja li ħarġet mill-Pentekoste propju fuq xi ħadd li qiegħed ibati. U Pietru u Ġwanni bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, kellhom ikomplu dak li għamel Ġesù.

Il-Knisja tul għoxrin seklu, kellha tagħmel dak li għamel Ġesù f’kull post u żmien. U għalhekk l-Ispirtu s-Santu jiġi fuqna, f’kull post u f’kull żmien, mhux f’post wieħed, f’kull post u f’kull żmien! Għax irid dak li għamel Ġesù, isir u jitwettaq anke f’kull post u f’kull zmien.

Għalhekk niġu għal dak li qegħdin tagħmlu intom fid-dawl ta’dan kollu. Kemm hu sabih li l-Mulej – kelma żgħira ma niddejjaqx ngħidha – qiegħed jużakom biex dak li beda Ġesù, ikompli permezz tagħkom. Intom l-appostli l-ġodda li qegħdin twasslu dan il-messaġġ tal-Mulej Ġesù. Ħa nfakkarkom u ninterpretaw dak li intom qegħdin tagħmlu.

L-ewwelnett intom qed tagħtu id-dinjità lil dawk li huma morda. U trid fidi! Biex tmur lil hemm mill-qoxra tal-bnedmin! Kemm niġġudikaw lil xulxin mill-qoxra tal-bnedmin! Imma taħt dik il-qoxra hemm ix-xbieha t’Alla u intom lil dawn il-persuni qed tagħtuhom din id-dinjità tax-xbieha t’Alla li aħna ma naċċettawha minn għand ħadd, mhijiex tal-bnedmin, imma naċċettawha minn għand Alla. Jekk xi ħadd jipprova jnaqqas id-dinjità ta’ persuna, hu stess jidher li qed jonqos mid-dinjità tiegħu.

It-tieni ħaġa li qegħdin tagħmlu intom wara dan li għamel il-Mulej Ġesù huwa l-fatt li intom qed tagħtu dimensjoni oħra tax-xbieha t’Alla. Jekk Alla huwa imħabba, ix-xbieha tiegħu, x’inhi? Imħabba! Jekk aħna nħaffru ġo fina, anke l-iktar bniedem li aħna naħsbuh li hu krudil, imma jekk aħna nħaffru fil-bniedem, aħna nsibu li hemmhekk hemm ix-xbieha t’Alla li hija mħabba. Trid il-paċenzja biex tneħħi l-qoxra, imma dik hija l-verita, u intom – qed nitkellem fuq il-volontiera issa wkoll – qed tagħtu ċans biex persuni oħrajn jiskopru d-dinjità tagħhom tax-xbieha t’Alla billi jħobbu lill-oħrajn. L-egoiżmu, is-suppervja dawk mhumiex ġejjin minn Alla, dawk huma qoxra. Imma l-ġenerożita li tagħti mill-ħin u l-imħabba tiegħek, dik hija espressjoni tal-imħabba t’Alla bħala xbieha li hemm f’kull wieħed u waħda minna.

U l-aħħar ħaġa li qegħdin tagħmlu hija li intom qegħdin tippruvaw tbiddlu l-kultura. Għalhekk tagħmlu programmi ħalli kullħadd ineħħi minn quddiem għajnejh dik il-qoxra u jifhem li kull bniedem qabel il-qoxra tiegħu għandu d-dinjita ta’ Alla, u intom, u aħna bħala Knisja, irridu nbiddlu l-kultura tagħna biex bħala pajjiż kattoliku jgħix wkoll fir-realtà tiegħu u jibda jara lil kulħadd anke l-pazjenti li huma tagħkom, anke dawk li intom tagħtu każhom, jaraw fihom ix-xbieha t’Alla, bin jew bint Alla. Qabel ma naslu hemmhekk ma nistgħux ngħidu li nkunu verament kristjani fit-totalità.

Allura jiena nawguralkhom għal ġid kollu li qed tagħmlu. Komplu għamluh, għalhekk ippruvajt ngħidha illum, għamluh bħala parti mill-kristjanità tagħkom, mhux biss bħala ħaġa umana, li diġa hija ħaġa importanti ħafna. Kulħadd jifhem li meta int tgħin lil xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna allura dak għandu d-dinjità, imma għamluh anke parti mill-mixja tagħkom spiritwali. Din hija r-realta tal-ħidma tagħkom.

✠ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta