27 ta Ottubru 2012
Aħna l-ewwel raġuni għaliex niġu fil-knisja hija biex ngħidulu grazzi lil Mulej. Grazzi talli-ħlaqt id-dinja, grazzi talli għamilt lil bniedem jixbah lilek fuq xbieha tiegħek, grazzi ta’ dan kollu għax kull m’għandna ġej minnek. It-tieni raġuni għaliex nirringrazzjaw lil Mulej għaliex wara li ħalaq kollox, Alla l-Imbierek ma ħallihx jimxi waħdu. Kien hemm il-bniedem u qallu: issa tajtek dan kollu, issa trid tieħu ħsiebu inti, per eżempju s-siġra tagħmilha injama, dawn l-affarijiet kollha! Il-bniedem kapaċi juża moħħu biex minn dawk l-affarijiet li tana l-Mulej, kapaċi jagħmel affarijiet li huma sbieħ, li jagħtuna pjaċir jew li jgħinuna ngħixu aħjar.
Jien ħassejt li llum għandna nirringrazzjaw lil Alla għaliex fi żmien, mingħalija fl-Italja – Fr Hilary jaf ħafna aktar minni – minn għalija bdiet fl’Italja jilgħabu kontra xulxin u tul iż-żmien, ħa ngħid Alla l-Imbierek nebbah lil dawk li raw futur fil-futbol, lil dawk li raw li – minn jaf dawk tal-bidu kemm kienu jilgħabu kontra xulxin hekk biss, mhux bħalma għandna llum. Allura jien nixtieq nirringrazzja lil Mulej għax kieku m’għandniex il-futbol, għadna kif għaddejna, x’kellna dan l-aħħar? L-Olympic Games kellna! Imma kieku m’għandniex dan il-ferħ kollu. U dan nixtieq ngħid grazzi lil Alla talli nebbah lil dawk li fil-bidu emmnu fil-futbol, u tul iż-żmien il-futbol beda aktar jipperfezzjona ruħu bil-liġijiet li hemm, dak kollu li hemm, u li għandna l-futbol kif inhu llum. Min jaf fi zmien għaxar snin x’bidliet se jkun hemm fil-futbol, min jaf? Bit-teknoloġija li hawn, min jaf? Imma aħna rridu nirringrazzjaw lil Mulej u, tfal, nixtieqkom tirringrazjaw lil Mulej għaliex hemm ħafna tfal fid-dinja m’għandhomx l-equipment li għandkom intom, m’għandhomx l-għajnuna li għandkom intom biex tilgħabu l-futbol. Min jaf kemm hemm fl-Afrika ikollhom xi ħaġa l-aqwa li tkun daqsxejn tonda, u jilgħabu daqsxejn bejniethom. Xi ground, m’għandhomx ground!.
Kien hawn xi ħaġa, ma nafx jekk għandhiex ngħidha jew le, imma ġiet f’moħħi dal-għodu u għidt ħa ngħidha. Min jaf kieku xi darba in-nursery ta’ ħal-Lija u l-Iklin jagħmel twinning b’ritratti u hekk ma xi tfal li qegħdin l-Afrika? L-Afrika għandna żewġt Isqfijiet; ngħidulhom: isma’ hemmhekk għandkom team tan-nursery, taż-żgħar, ħalli nibdew nibagħtu niktbu lil xulxin u ngħidu aħna morna nilgħabu hemmhekk . Anke bir-ritratti aħna nibdew nindunaw x’inhi l-kundizzjoni tagħhom għax iktar ma tinduna bil-faqar tagħhom aktar inkunu konxji, aktar nifhmu kemm għandna x’nirringrazzjaw lil Alla. Mhux biss taf, għax aħna rridu nirringrazzjawh. Ħafna drabi, Alla jaħdem permezz tal-bnedmin, ikun hu li qiegħed jimbotta, imma permezz tal-bnedmin. Allura nirringrazzjaw lil Alla talli qanqal lil ħafna voluntiera, anke llum, biex huma jkunu jlestulkom dak ix-xogħol kollu li hemm hemmhekk meta tmorru l-ground, issibu kollox lest, is-sagrifiċċju li jagħmlu dawk kollha li jieħdu ħsieb in-nursery. U allura nixtieq li din il-quddiesa tkun ringrazzjament.
Imma xtaqt ngħid it-tielet ħaġa għaliex fiċ-ċentru tal-futbol mhux il-futbol għandna imma l-bnedmin li jilgħabu l-futbol. Fiċ-ċentru huma t-tfal li jilgħabu l-futbol. Intom tiswew iktar mill-futbol biss mhux hekk? Allura hemm żewġ ħsibijiet. L-ewwelnett ngħid lil dawk id-diriġenti: dejjem ftakru li t-tfal li għandkom f’idejkom mhumiex futbolers biss; jekk intom jirnexxielkom, anzi għandkom iżżommu f’moħħkom li dawn nista’ nagħti s-sehem tiegħi għax imbagħad hemm ħafna teachers, katekisti biex dawn it-tfal nagħmilhom iktar umanament dedikati. U t-tieni li nagħmel mill-aħjar biex inħeġġiġhom għal dak kollu li hu tajjeb. Jien naħseb li d-diriġenti qatt m’għandhom iħarsu biss lejn il-possibilta ta’ futboler tajjeb imma ta’ ġuvni li jsir tajjeb, jimmatura ħalli mbagħad ikun futboler kbir, jagħmel unur li din in-nursery.
L-aħħar ħaġa li xtaqt ngħid, din il-ħaġa xtaqt ngħidha lit-tfal. Tfal, meta tkunu qed taraw xi logħba tal-futbol fuq it-TV jew xi mkien ieħor fejn tarawha, tarawx biss il-futbolers li huma bravi bħala futbolers. Oqogħdu attenti għal dawk li huma bravi bħala bnedmin ukoll. Per eżempju kien hemm xi fawl u wieħed minflok ma jiġġieled ma’ l-ieħor, jeħodlu b’idejħ wara. Tgħid jien din nibda nagħmilha ’l quddiem ukoll. Araw dawk li akkost ta’ kollox ikunu fair f’kollox, kapaċi jieħdu rebħa u kapaċi jieħdu telfa, m’hemmx għalfejn nervi. Nixtieqkom toqgħodu attenti, tgħidu: araw dawk kemm huma fair; ippruvaw imitaw lil futbolers li mhux biss huma bravi bħala futbolers imma bravi bħala bnedmin futbolers ħalli jkollna ’l quddiem il-futbol jerġa jieħu l-ispirtu li kien hemm fil-bidu.
L-aħħar kelma ngħidha lil-kbar, dawk kollha li għandhom x’jaqsmu mal-futbol. Naħseb l-isbah ħaġa li nistgħu nagħmlulhom lil dawn it-tfal jekk, skont il-possibiltajiet tagħna, innadfu dejjem iktar il-futbol ħalli jibqa’ verament sports. Naħseb jekk aħna nippreparawlhom dinja tal-futbol aħjar lil dawn it-tfal inkunu qed nagħtuhom l-isbaħ ħaġa li nistgħu nagħtuhom. Jalla u nixtieqilkom kull suċess li dan in-nursery jagħti ħafna futbolers u bnedmin li verament jieħdu ġid minn din in-nursery.