• Messaġġ tal-Arċisqof fl-okkażjoni ta’ Ħadd in-Nies, l-Ewwel Ħadd tar-Randan

  • Ħaż-Żabbar
    9 ta’ Marzu 2014

    Ħuti, aħna qegħdin fil-bidu tar-Randan, fl-ewwel Ħadd tar-Randan, u l-Knisja permezz tal-Liturġija qed tgħinha biex inkunu nafu x’qegħdin ngħixu. Jiġifieri f’dan ir-Randan qed tgħidilna l-ewwel aħna min aħna, it-tieni, Kristu Sidna kif daħal fl-istorja tagħna u t-tielet aħna x’għandna nagħmlu biex il-grazzja ta’ Kristu tkun tista’ tidħol ġewwa fina?

    Fl-ewwel lezzjoni (Ġen 2,7-9, 3,1-7) aħna rajna aħna min aħna. Aħna x-xbieha t’Alla. Alla l-Imbierek ħalaq lil bniedem raġel u mara xbieha tiegħu, u meta qed ngħidu xbieha tiegħu mhux biss għal din id-dinja. Alla l-Imbierek, meta ħalaq lil bniedem xbieha tiegħu, biex ikun xbieha t’Alla, irid ikollu bħala futur tiegħu l-eternità. Alla ħalaq lil bniedem biex wara din il-ħajja jkun jista jgawdih għal dejjem U jagħmel x’jagħmel il-bniedem xorta jibqa’ dak li huwa, x-xbieha ta’ Alla l-Imbierek. Mela ejjew nippruvaw dejjem inħarsu lejna nfusna mhux minn għajnejna, għax inkella nibdew naraw id-difetti biss. Qabel id-difetti irridu naraw din ix-xbieha t’Alla li hemm ġewwa fina, din l-imħabba enormi ta’ Alla lejn kull wieħed u waħda minna. Fid-dawl ta’ dan il-ħolqien aħna għandna dak li jiġi wara.

    Fl-ewwel lezzjoni tal-lum imma qrajna xi ħaġa oħra, fil-bidu tal-ħolqien il-bniedem aċċetta li ma jimxix fuq dak li jgħidlu Alla imma jimxi skont ma jaħseb hu. Tiftakru l-istorja kif inhi. Adam u Eva kienu fil-ġenna tal-art, imma jiġu ttentati minn barra għaliex ikun ix-xitan forma ta’ serp li jittentahom. U t-tentazzjoni kienet din: qallhom u intom se tafdaw lil Alla? Alla qed jgħidlek biex ma tiekolx minn dik is-siġra, dak għax Alla ma jridkomx tkunu bħalu. U l-bniedem l-ewwel ħaġa li qallu u dak li ħass ġewwa fih.Emmen li dan l-ispirtu hażin tax-xitan, u naqqas il-fiduċja tiegħu f’Alla, dak li tah kollox. Minflok beda jemmen fil-kliem qarrieq li qallu x-xitan, ried li hu jagħzel x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin.
    Alla qalilhom: ħalluni immexxikom jiena! U huma waqgħu għat-tentazzjoni u qalu: le, mhux inti tmexxina għaliex aħna rridu nkunu nafu dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. Mhuwiex dan id-dnub tagħna, ħuti? Jiena naf ġewwa qalbi x’irrid nagħmel tajjeb, imma jiena nghid le ħa nagħżel jien!, u naghmel li jidhirli jien. Imbagħad wara ninduna kemm ikun ghamilt għażla ħażin! Imma dak il-ħin inti tagħżel lil dak li qiegħed  jgħidlek dawn il-ħsibijiet ġewwa qalbek, ix-xitan, minflok ma tagħżel lil Alla u tħallih imexxik hu.  

    Fit-tieni lezzjoni tal-lum (Rum 5, 12-19) għandna lil San Pawl qiegħed jikteb lir-Rumani u lilna . U San Pawl jagħmel paragun. Il-paragun ta’ dak il-wieħed, jiġifieri Adam, li daħħal lil bniedem propju f’din ir-realtà tad-dnub. Imma ma jieqafx hemm, għax imur pass ieħor u jgħid: din ir-realtà tad-dnub, Sidna Ġesu Kristu biddilha f’realta ta’ grazzja (ara Rum 5,17). Il-grazzja ta’ Sidna Ġesu Kristu hija ikbar minn dik li x-xitan jagħmel ġewwa fina. Mela aħna, ħuti, irridu nkomplu nżidu l-imħabba tagħna lejn Alla l-Missier u naraw kemm iħobbna. Biżżejjed niftakru, ħuti: min se jibgħat lil ibnu biex isalva lilna? Min se jasal biex jaċċetta li jsalvana bl-ubbidjenza tiegħu? Mela Adam għamel id-diżubbidjenza u Ġesu għamel l-ubbidjenza. Min kien iħobbna daqshekk biex bl-ubbidjenza jibqa’ miexi biex in-nies isalbuh? Kollox għall-imħabba tagħna!  X’kien il-misteru ta’ Ġesu? Għadda mill-ħajja tagħna, qaddes il-ħajja tagħna kollha anke l-mewt, biex kull ħaġa li minħabba d-dnub saret negattiva, permezz tal-imħabba ta’ Ġesu ssir pożittiva. Per eżempju: il-mewt hija negattiva mhux Alla riedha imma permezz ta’ Ġesu l-mewt, minflok ma baqgħet mewt biss, saret passaġġ għall-ħajja ta’ dejjem biex dak li Alla poġġa ġo fina meta hu għamilna xbieha tiegħu, aħna nkomplu nwettquh. Din hija l-mixja tagħna wara Kristu.

    Sidna Ġesu Kristu li kien jaf li x-xitan se jkompli jittantana, fil-Vanġelu rajnih, jgħaddi huwa wkoll minn dawnit-tentazzjonijiet. Ħa nerġa nfakkarkom fil-Vanġelu, (Mt 4, 1-11) dawn it-tlett tentazzjoniiet x’inhuma. L-ewwel tentazzjoni li għadda minnha Sidna Ġesu Kristu u rebaħha hija li jgħid lix-xitan: il-bniedem ma jistax jgħix biss bil-ħobż ta’ din id-dinja imma jrid jgħix bil-ħajja ta’ dejjem permezz tal kelma t’Alla (Mt 4,4). U din hija l-ewwel eżerċizzju li rridu nagħmlu tul ir-Randan. Ejjew, ħuti, naqraw iktar fuq Ġesu, ejjew ngħixu dak li hu Ġesu, f’dak li għamel Ġesu, għax b’hekk biss se naraw il-kobor tal-ħniena ta’ Alla l-Missier lejna l-bnedmin.

    Fit-tieni tentazzjoni li aħna smajna fil-Vanġelu tal-lum, Ġesu jgħidlu din il-kelma lix-xitan: Iġġarrabx lil Mulej Alla tiegħek (Mt 4,7). Lil Alla ħallih bħala Alla, tippruvax tnaqqsu biex tikber int. Kemm il-darba nagħmulha din, ħuti, ninsew li Alla huwa tjbubija. Meta aħna nkunu se nagħmlu xi ħaġa ħażina nirragunaw u ngħidu u iva għal Alla kollox xejn, kollox jgħaddi! Insejna li Alla huwa tajjeb u minn għandu ma jista’ jgħaddi xejn jekk mhux it-tajjeb tagħna, u mhux il-ħażin. Meta nagħmlu hekk inkunu qed inġarrbu’l Alla għax m’aħniex qed inqimu lil Alla veru.

    U t-tielet tentazzjoni li rebaħ Sidna Ġesu Kristu hija meta Ġesu lix-xitan qallu: Qim lill-Mulej Alla tiegħek u lilu aqdi (Mt 4,10). U din hija t-tielet tentazzjoni li jkollna. Kemm hemm minna, ħuti, ippermettuli  ngħidha, li aħna jkollna qima lejn il-Mulej, anke niġu hawn fil-knisja, imma mbagħad meta niġu biex nagħmlu dak li jgħidlna l-Mulej, nagħmlu ta’ rasna! Għaliex qiesu l-Mulej mhux qed jinduna x’qegħdin nagħmlu aħna. Għalhekk fir-Randan aħna rridu nagħmlu daqsxejn ta’ paragun bejn il-qima li għandna lejn Alla u t-tentazzjoni li aħna nagħmlu dak li rridu aħna. Ir-Randan huwa l-mument meta kull wieħed u waħda minna jeżamina lilu nnifsu fid-dawl ta’ Kristu u jipprova jimitah f’kollox fl-imħabba, fil- maħfra, f’kollox. Dak li Sidna Ġesu Kristu għamel nippruvaw nagħmlu aħna lkoll.

    J’Alla l-Mulej jagħmel li dan ir-Randan ta’ din is-sena, ikun ta’ dawl għal kull wieħed u waħda minna.

    + Pawlu Cremona O.P.

    Arċisqof ta’ Malta