Knisja Parrokkjali ta’ Santa Venera

20 ta’ Novembru 2011

Eċċellenza President ta’ Malta u Sinjura Abela,

Ħuti,

Aħna f’dan il-jum qed niċċelebraw is-Solennita ta’ Kristu Re, Kristu Sutan u ġustament għaliex huwa Sultan.

Imma meta naqraw il-Vanġelu, kont qed nirrifletti f’dawn il-ġranet,  ma jidhirx li l-preokkupazzjoni speċjali ta’ Ġesu kienet li jsejħulu Sultan.  Fil-fatt ftit hemm referenzi għal Ġesu li huwa Sultan. Ħa nfakkarkom ftit. L-uniku darba li huwa ammetta li huwa sultan kien quddiem Pilatu għax Pilatu staqsieh: “Allura inti Sultan? Għandek Saltna?”  U Ġesu ma ddejjaqx jgħid: “Int qiegħed tgħidu. Jiena Sultan.”  L-uniku darba li aħna naqraw li Ġesu qiegħed jgħid lilu nnifsu li hu Sultan quddiem Pilatu f’dik iċ-ċirkostanza. U ovvjament aħna ma nafux jekk imbagħad Pilatu meta mar quddiem in-nies, marx quddiemhom u meta qalilhom dak il-kliem: “Hawn hu s-Sultan tagħkom. Jien se nsallab lis-Sultan tagħkom?”,  kienx qed jgħidha b’konvinzjoni jew kienx qed jgħidha biss biex jipprova jeħles lil Ġesu. Imma din kienet l-uniku darba li Ġesu jsejjah lilu nnifsu Sultan.  Il-predikazzjoni tiegħu qatt ma kienet: jiena Sultan, qatt!

Naraw tlett siltiet qosra dwar meta Sidna Ġesu Kristu ried li jdawwal l-imħuħ ta’ dawk li kienu se jagħtu każ tiegħu dwar il-forma ta’ Sultan li hu se jkun.  Għażilt tlieta, m’hemmx ħafna.

  1. Wara l-miraklu tal-ħobż, riedu jagħmluh Sultan u Ġesu ħarab. Is-saltna ta’ Ġesu żgur ma kienetx tippretendi li tkun is-Saltna ta’ din id-dinja.
  2. Id-daħla tiegħu f’Ġerusalemm. Ġie kkwotat il-profeta Żakkarija: “Araw ġej is-Sultan tiegħek riekeb fuq felu ta’ ħmara”. U Ġesu, konformi ma’ dak li kien qal li hu ta’ qalb ħelwa u umli, daħal fuq felu ta’ħmara ġewwa Ġerusalemm.
  3. Meta Pilatu jekk hux għax hu emmen fih jew biex jinki lil Lhud, fuq is-salib kiteb il-kliem: Ġesu ta’ Nażaret is-sultan tal-Lhud.  Biex l-idea ta’ Saltna dejjem ngħaqqduha ma’ wieħed li qiegħed fuq is-salib mimli mħabba għalina lkoll.

Il-veru preokkupazzjoni ta’ Ġesu ma kienetx li jsejħulu Sultan; il-veru preokkupazzjoni ta’ Ġesu kienet dwar is-Saltna tiegħu. Jekk taqra l-Vanġelu mill-bidu sa’ l-aħħar, il-ħin kollu, il-parabboli, it-tagħlim dwar is-Saltna tiegħu, Ġesu kellu preokkupazzjoni enormi biex is-Saltna tikber,  biex is-Saltna tinxtered, biex is-Saltna tippurifika ruħha.  U din hija l-preokkupazzjoni u għandha tkun il-preokkupazzjoni tal-Knisja f’kull post u f’kull żmien.  Iktar milli l-preokkupazzjoni dwar is-Sultan, aħna rridu ningħaqdu miegħu, il-preokkupazzjoni tiegħu tkun tagħna u aħna l-preokkupazzjoni tagħna tkun dwar is-Saltna.

Ara l-ewwel Knisja fehmitha sew. Niżel l-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli, nixtieqkom li tifhmuha, hemhekk ġara’ xi ħaġa kbira. Ġesu ma baqax xi ħadd barra minnhom, li huma jiġru warajh, issa huma saru Ġesu.  Dak li għamel l-Ispirtu s-Santu: li huma saru Ġesu. Ġesu sar jitkellem permezz tagħhom. U allura l-ewwel Knisja fehmet li l-preokkupazzjoni tagħha kellha tkun dik ta’ Ġesu, li tkabbar is-Saltna t’Alla.  U marru kullimkien  jipprietkaw ħalli s-Saltna t’Alla tixtered u tikber dejjem.

Ġara’ sfortunatament, matul iż-żmien li forsi peress li mbagħad wara r-raba’ seklu l-Knisja bdiet kważi kważi, tgħid hi u l-pajjiżi għallanqas tal-Punent huma ħaġa waħda, li ġara’ kien li kien hemm preokkupazzjoni l-aktar dwar dawk li għadhom ma semgħux il-kelma imma kien hemm ħafna inqas preokkupazzjoni fuq is-Saltna ta’ dawk li huma fi ħdan il-Knisja. U din hija l-preokkupazzjoni  ġdida.  Din hi l-Evanġelizzazzjoni ġdida li din id-darba ma tridtx tolqot lil dawk li għadhom ma semgħux imma lil dawk li b’xi mod kienu semgħuha imma m’aċċettawhiex bħala l-Bxara t-Tajba.

Hawnhekk nistgħu nifhmu, ħuti, kemm tweġġa’ lil Mulej Ġesu meta nisimgħu dik il-kelma li tant qegħin nisimgħu: Ġesu iva, l-Knisja le. Jiġifieri dawn għadhom m’għamlux lilhom infushom parti minn dik li hija l-preokkupazzjoni ta’ Ġesu għall-Knisja li hija ż-żerriegħa tas-Saltna t’Alla li mbagħad tikber u tinfirex u tiġi fl’Eskatoloġija, fit-tieni miġja tal-Mulej Ġesu.

Allura kont nipproponi xi ħaġa jiena. Is-suġġett tagħna hawnhekk kien:  naqsmu ma’ l-oħrajn il-ferħ tal-fidi tagħna.  Ma tistax tkun nisrani jekk ma jkollokx il-preokkupazzjoni tas-Saltna.  Nistgħu niddefinixxu il-Knisja bħala dik li l-membri tagħha qed jaqsmu ma’ Ġesu l-preokkupazzjoni tas-Saltna, biex tikber, biex tippurifika lilha nfisha, biex tinxtered ma’ kullimkien. Jekk nifirdu ’l Ġesu, u din hija l-preokkupazzjoni tas-Saltna, aħna nkunu qed nieħdu l-messaġġ tiegħu biss bin-nofs u ma naħsibx li nkunu qegħdin verament nogħġbu lil Mulej Ġesu.

Jalla, ħuti, kull wieħed u waħda minna, jidħol f’din il-preokkupazzjoni tal-Mulej Ġesu għas-saltna.  Ftakru li – ħa npoġġiha f’dan id-dawl – Alla  ġie ppreżentat minn Sidna Ġesu Kristu, bħala Alla li jidħol fost il-bnedmin.  Hu Alla li fiċ-ċentru tiegħu għandu lil bnedmin. Aħna ma nistgħux inkunu differenti.  Jekk aħna bħala nsara fiċ-ċentru ta’ qalbna ma jkollniex il-bnedmin ta’ madwarna, hemm xi ħaġa nieqsa.  Jekk ir-relazzjoni ma’ Ġesu tkun biss iċċentrata fuqi, hemm xi ħaġa li mhiex tajba.  Jiġifieri l-kelma tiegħu għadni m’aċċettajthiex bħala l-Bxara t-Tajba, il-kelma ta’ Ġesu irrid ngħixha wkoll bħala l-Bxara t-tajba li jiena naqsam ma’ l-oħrajn.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta