-
Messaġġ tal-Arċisqof fl-okkażjoni tal-ftuħ taċ-Ċentru Parrokkjali tal-Qrendi
-
Il-Qrendi
13 ta’ Lulju 2013Ħuti, darba kont qiegħed ma’ grupp ta’ żgħażagħ li kienu qegħdin ifittxu lil Alla, kienu għadhom ma sabuhx verament ġewwa qalbhom. U kien hemm waħda tfajla qaltli: jien ma nemminx f’Alla, jiena ateja”. U jiena staqsejtha: “Kieku temmen f’Alla, Alla x’kien ikun?” Qabżet hi qaltli: “naħseb li jkun imħabba.” Imbagħad staqsejt lilha: “U x’inhi l-imħabba?” U ma kienetx taf tweġibni. U jien għidtilha: “L-imħabba huwa Ġesù Kristu. Kif tgħix fl-imħabba, għandna kollox miktub fil-Vanġelu ta’ Sidna Ġesù Kristu.
U llum rajna fil-Vanġelu (Lq 10, 25-37) dan ir-raġel li staqsa lill-Mulej: “X’irrid nagħmel, Mulej, biex nikseb is-saltna?” U Ġesù qallu: “Ħobb lil Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u ħobb lill-għajrek bħalek innifsek”. Jekk dan hu l-ikbar kmandament naħseb xieraq li llum ilkoll inħarsu ġo fina nfusna u naraw jekk ġo qalbna stajniex inwieġbu: ‘għalija l-iktar ħaġa importanti hu li nħobb lil Alla u nħobb lil għajri’. Irridu nagħmlu eżami tal-kuxjenza u naraw jekk dawn humiex qegħdin l-iktar għoljin fil-valuri li jien qed nipprova ngħix.
Ħa nippruvaw nispjegaw dan li qal Sidna Ġesù Kristu. L-ewwel waħda hija li jien irrid inħobb lil Alla b’qalbi kollha, b’ruħi kollha u b’saħħti kollha. Meta jien inħobb lil xi ħadd, inkun qiegħed nagħtih xi ħaġa: l-attenzjoni u l-imħabba tiegħi. Meta jien inħobb lil Alla, il-kontra. Hu jagħtini xi ħaġa! L-imħabba t’Alla tfisser li inti tistagħġeb u tgħid: ‘Imma jien ma niswa xejn, kif iħobbni dan il-Mulej Alla tiegħi? U kemm iħobbni dan il-Mulej Alla tiegħi!’ Għalekk fir-rabta tagħna mal-Mulej jekk ma nkunux qed nużaw il-kelma imħabba, inkunu qegħdin nonqsu xi ftit minn dik li suppost tkun ir-relazzjoni tagħna mal-Mulej. Irridu nkomplu nistagħġbu. Imma għalfejn tħobbni, Mulej? Għalfejn tħobb lil mara tiegħi, lir-raġel tiegħi, għalfejn tħobb lil dawn it-tfal? Imma x’qed tara ġewwa fihom dak li mhux qed nara jien biżżejjed biex tħobbhom daqshekk? U allura l-imħabba t’Alla tfisser: jien inħalli lill-Mulej jimlini bil-kwalita tal-imħabba tiegħu.
Ħa ngħidu storja oħra, stejjer vera. Darba kien hemm żewġt għarajjes, konna qed nagħmlu irtir U niftakar tajthom biċċa karta b’silta mill-Vanġelu biex huma jirriflettu fuqha. U ġiet koppja u tkellmet l-għarusa, qaltli: “Father, kemm konna qegħdin insibuha tqila li Alla qiesu jrid li dak li nħobb, l-għarus tiegħi qiesu jieħu t-tieni post”. U jien għidtilha li r-realtà tal-Mulej mhijiex hekk. “Immaġina jekk l-għarus tiegħek tħobbu f’isem Alla! Immaġina jekk l-għarus tiegħek tħossu bħala bin Alla, kemm tikber l-imħabba tiegħek lejh”. Għax l-affarijiet żgħar ta’ kuljum ma jibqgħux importanti, imma l-imħabba f’Alla ssir l-iktar importanti. Din tfisser l-imħabba t’Alla li kellimna fuqu Ġesù fil-Vanġelu tal-lum.
-
Imbagħad ikompli jgħid Sidna Ġesù Kristu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Ejjew nispjegawha din xi tfisser. Tfisser żewġ affarijiet. L-ewwel waħda tfisser ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ġesù u qal din il-kelma: “Agħti lil ħaddieħor dak li tixtieq li ħaddieħor jagħmel lilek”. Kemm hu sabih kieku l-imħabba tkun hekk! Jien nibda: imma jien x’nixtieq? Nixtieq li jekk nagħmel żball, ħadd ma jeħodha bi kbira, min għandi ħdejja b’mod speċjali; jekk jien forsi xi kultant ikolli tikka buri ma taqgħax id-dinja, ma jkunx hemm rabji madwari. Allura Ġesù qabeż u qal li issa, dak li tixtiequ intom li jsir lilkom, agħmluh lil ħaddieħor; jekk min hemm ħdejk għamel żball aħfirlu bħalma int tixtieq li ħaddieħor jaħfer lilek. Jekk ikun hemm ħaddieħor ħdejk li forsi qam fil-għodu daqsxejn bil-buri, kun int li tagħtih il-kuraġġ biex iqum minnu nnifsu u jkun jista’ jħobb lilek u lil proxxmu tiegħek. Mela din hija l-ewwel ħaġa li jgħallimna l-Mulej: jekk trid kejl biex tkun taf intix tħobb lil proxxmu, b’mod speċjali lil dawk li tgħix magħhom, ħu l-imħabba tiegħek innifsek, jien fiex nixtieq li nkun maħbub, u agħtiha lil-ħaddieħor. Dik hi l-imħabba: l-imħabba li nixtieqha għalija, jiena inkun nest li nagħtiha lil ħaddieħor .
It-tieni ħaġa hi l-parabbola ta’ Sidna Ġesù Kristu li qal illum, tas-Samaritan it-tajjeb. Tiftakruha din l-istorja għax hija storja ħelwa, imma xi jrid jgħidilna l-Mulej Ġesù? Dak ir-raġel staqsa lil Ġesù: “U min hu għajrek?” biex jistaqsih jiena lil min se nħobb? Min hu veru għajri? U Ġesù jgħidlu storja ta’ wieħed Samaritan. Ftakru li s-Samaritani ma tantx kienu jaqblu mal-Lhud. Żewġ Lhud, wieħed qassis, l-ieħor Levita, jibqgħu mexjin allavolja kienu Lhud ukoll. U jkun hemm is-samaritan u dan ma bedhiex mill-fatt: ‘dak huwa Lhudi, mela jien mhux suppost ngħinu għax jiena samaritan’. Is-Samaritan m’għamilx hekk, ħares ġo fih innifsu, ra l-imħabba, ra lil xi ħadd li kellu bżonn l-imħabba tiegħu u tahielu.
Ħuti, l-imħabba ma tibdhiex mill-persuna li hemm quddiemek, la għax ma taqbilx magħha, la għax il-ġilda mhiex bħal tagħna, hija iktar skura, ma tibdhiex minn hemm! Tibda mill-fatt: ‘Mulej, jien f’qalbi ma rrid ikolli xejn ħlief imħabba lejn il-proxxmu tiegħi. Jien dak li nixtieq Mulej tlaqqagħni ma’ min tlaqqagħni, l-imħabba xorta rridha tikber ġewwa fiha hu min hu u hi min hi’. U din hija tagħlima oħra li tana Ġesù. Ejjew ma nħarsux fuq il-qxur tal-persuni l-oħrajn. Ejjew ma narawx biss dak li jidher fil-persuni l-oħrajn. Ejjew nagħmlu ilkoll għażla f’ħajjitna: “Mulej, minni irrid li joħroġ biss imħabba, imħabba lejn kulħadd, imħabba fil-forom kollha tagħha. Allura kemm hu sabih li llum fit-tieni lezzjoni lill-Kolossin S. Pawl jitkellem hekk: “Dan huwa Ġesù; dak huwa l-qofol tal-imħabba t’Alla l-Missier lejna, għax fih kien maħluq kollox, u fih kollox se jsalva permezz tad-demm tas-salib (ara Kol 1,15-20).
Jalla l-mixja tagħna wara Sidna Ġesù Kristu twassalna biex aħna nkunu verament parroċċa kif jixtieqha l-Mulej, li nkunu komunità li l-imħabba tagħna, mhux biss hawn ġew, hawn ġew ukoll, trid tixgħel, imma trid tkun imħabba li tixgħel ukoll barra il-komunità tagħna.
+ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta