-
Ċentru Pastorali Sant’Andrija, il-Mosta
27 ta’ Settembru 2014Il-Ftuħ tas-Sena Pastorali tal-Moviment ta’ Kana, din is-sena qed isir fil-kuntest tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Familja. Għall-Papa Franġisku, tant hi importanti l-familja li mhux sinodu wieħed sejjaħ, imma tnejn. Ftit ġranet oħra ser tibda tiltaqa’ l-Assembleja Ġenerali Straordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Is-Sena d-dieħla tiltaqa’ l-Assembleja Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu ta;-Isqfijiet, dejjem bil-familja bħala tema. Wara s-Sinodu, l-Papa joħroġ dukument ta’ tagħlim u linji gwida għall-pastorali. U għalhekk noqogħdu attenti meta jibdew joħorġu l-aħbarijiet fuq dak li jkun qed jiġri fis-Sinodu, ħalli aħna nimxu pass pass mat-tagħlim tal-Knisja u ma’ dak li jixtieq minna l-Q.T. il-Papa, għaliex aħna nemmnu li huwa mnebbaħ mil-Ispirtu s-Santu.
Jiena ir-riflessjoni li xtaqt li nagħmel, hi dwar l-ispiritwalità fil-ħajja taż-żwieġ u l-familja. Fil-fatt anke l-president aċċenna għaliha, naħseb li aħna fil-ħidma tagħna mal-miżżewġin irridu ndaħħlu iktar l-aspett spiritwali. Min jiġi għandna qed ifittex żwieġ nisrani; mhux kollha jkunu motivati, imma jkunu qed ifittxu. La qegħdin ifittxu żwieġ nisrani, aħna għandna l-obbligu li natuhuhom dak li qed ifittxu,b’mod speċjali l-ispiritwalità taż-żwieġ fil-ħajja nisranija.
Naqsam magħkom erba’ ħsibijiet. L-ewwelnett, ejjew nitkellmu fuq il-ferħ tal-Bxara t-Tajba, kif qiegħed jgħallimna b’tant ħerqa l-Papa Franġisku. Il-bxara t-tajba kulħadd jista’ jitkellem fuqha. Min hu miżżewweġ irid jitkellem fuq il-bxara t-tajba taż-żwieġ u l-familja nisranija. Fl-bidu smajna l-esperjenza ħajja ta’ koppja miżżewġa. Hemm ħafna differenza bejn li titkellem fuq xi ħaġa li tkun tgħallimt, u li tikellem fuq ħaġa li tkun għamilt l-esperjemza tagħha għax ghixtha init stess. Il-miżżewġin li smajna tkellmu mill-esperjenza tagħhom tal-ferħ li hemm ġewwa fihom u li joħroġ miż-żwieġ nisrani. Din hija verament l-ewwel evanġelizzazzjoni: trid tkun ibbażata mhux biss fuq tagħlim li jiena smajt, imma wkoll fuq esperjenzi li jiena kelli. Irridu nuru li ż-żwieġ nisrani, anke fi żminijietna kapaċi, jkun żwieġ ta’ ħafna ferħ, u ifoorma familji ta’ ħafna ferħ. imbagħad nistennewhom jistaqsuna u aħna nkunu lesti naqsmu l-esperjenza tagħna magħhom dwar dak li jgħin u dak li jista’ jfixkel fiż-żwieġ u fil-ħajja tal-familja.
Meta jien kont nagħti l-korsijiet ta’ Kana lill-għarajjes, kelli problema, ma kellix l-esperjenza tiegħi personali taż-żwieġ biex naqsamha magħhom. Tafu intom, dawk igħidu: ‘dan x’irid jgħidilna, dan qassis!’ Allura kont ngħidilhom l-ewwelnett jiena ma nistax nagħtikom l-esperjenza tiegħi, imma nista’ ngħallimkom żewġ affarijiet. L-ewwelnett l-esperjenzi tan-nies li ġew għandi, jien minn hemm tgħallimt. Jiġi xi ħadd u jirrakkontali xi ħaġa li fixklitu u jiena nżommha ġewwa qalbi. U jiġi xi ħaddieħor jgħidli xi ħaġa mhux talli ma fixklitux, talli kabbritu! U jien dawk ir-rakkonti li kelli kont ngħidhomlhom.
It-tieni ħaġa imbagħad kont ngħidilhom nista’ ngħallimkom xi ħaġa fuq l-imħabba ta’ Kristu. U Kristu kien jaf x’jiġifieri tħobb, Kristu kien jaf x’jiġifieri tintefa’ għall-imħabba. It-tieni riflessjoni li xtaqt li nagħmel hija li hemm bżonn nagħfsu iktar fuq il-fatt li ż-żwieġ huwa sejħa, sejħa mingħand Alla. Għas-saċerdozju aħna mal-ewwel ngħidu li dak huwa seħja u r-raġuni naħseb li hija ovvja. Għaliex fin-natura inti ma ssibx saċerdoti, vokazzjoni speċjali, imma peress li fin-natura nsibu wkoll iż-żwieġ u l-familja, allura aħna faċli naħsbu li dak huwa xi ħaġa naturali, anke n-nisrani jidħol għalih bħala xi ħaġa naturali, mifrudha mill-ħajja spiritwali tiegħu. Mhijiex hekk, il-Mulej f’dak il-mument jgħaqqad iż-żewġ affarijiet, n-naturali ma’ l-ispiritwali. Iimportanti nifhmuha, ħa nipprova nispjegaha hekk: aħna kultant naħsbu li Alla l-Imbierek fiż-żwieġ jgħażilli l-għarus tiegħi, jew l-għarusa tiegħi. Mhu veru xejn. Mhux hekk!
Darba kien hemm waħda persuna u ġiet tgħidli: irrabjajt għall-Mulej għax għażilli dar-raġel tiegħi!’ Kellhom familja sabiha, imma kien mument ta’ daqsxejn inkwiet. U jien meta qaltli hekk għidtilha: ‘le mhux hekk. Jiġifieri jkollok wieħed u jkun drogat u jkun alkoħoliku u t-tifla tiegħek xorta trid tiżżewġu għax dak għażilulha l-Mulej? Ma tarax!’ Jiġifieri fil-mument tas-sejħa tagħna, l-ewwel irridu nużaw il-moħħ tagħna, il-moħħ u l-qalb, ħalli naraw ftit jekk jien nistax noqgħod ma’ dik il-persuna għall-kwalità ta’ mħabba li tibqa’ għal dejjem. Mhux il-kwalitajiet ta’ mħabba li llum naqraw ħafna fuqhom, imma kwalità tal-imħabba li tibqa’ għal dejjem. Imbagħad din is-sejħa tiġi propju meta fuq l-artal dik l-persuna li jien inkun għażilt, u rajt li nista’ ngħix magħha, nkun nista’ neħdofha minn idejn ta’ Alla, bħala don ta’ Alla. Hemmhekk is-sagrament isir sħih, hemmhekk Alla jkun daħal f’ħajti għax issa jiena lill-Mulej qed ngħidlu: ‘tajtni din jew dan bħala don u jien se nidħol responsabbli għalih’. Imma importanti li nibdew ngħidulhom li ż-żwieġ hu sejħa, ma niddejqux.
It-tielet ħaġa mportanti hija li lkoll nafu li meta l-miżżewġin jagħtu l-kunsens lil xulxin, is-saċerdot mhuwiex il-ministru. Is-saċerdot qiegħed hemmhekk bħala xhud f’isem il-Knisja, il-ministri huma l-miżżewġin infushom li jagħtu l-grazzja taż-żwieġ lil xulxin. Jien nistaqsi: allura dik il-grazzja taż-żwieġ hija grazzja għat-tieġ biss, jew hija grazzja għal matul iż-żwieġ kollu? Importanti li ngħiduha wkoll din: f’dak il-mument meta jien tajt l-ewwel grazzja taż-żwieġ lill-mara tiegħi, lir-raġel tiegħi, f’dak il-mument il-Mulej fetaħli triq biex aħna nkomplu flimkien, ngħinu lil xulxin ħalli nitqaddsu. Għall-miżżewġin it-triq għal qdusija mhijiex ħaġa oħra ħlief it-triq taż-żwieġ, dik li trid twassalhom għall-qdusija tagħhom quddiem Alla l-Imbierek.
Naħseb li qed tindunaw kemm il-Knisja llum qiegħda tipprietka iktar fuq dan il-fatt. Sa ftit snin ilu, għexieren ta’ snin, il-qaddisin mill-ħajja miżżewġa kienu dawk li saru qaddisin għaliex batew fiż-żwieġ, Santa Rita per eżempju u oħrajn. Jiġifieri biex ikollok qaddis jew qaddisa fiż-żwieġ xi ħadd irid jagħmel lill-ieħor martri. Imma ż-żwieġ mhux dan. Għalhekk illum il-Knisja qed tfittex koppji li qaddsu lil xulxin fiż-żwieġ, u lil dawn il-koppji tagħmilhom qaddisin biex ikunu mudell! Il-mudell m’għandhiex tkun it-tbatija. Ikun hemm tbatija bilfors f’kull ħajja tal-bniedem, imma jrid ikun hemm ukoll il-ferħ li ġabu lil xulxin u l-mixja li għamlu ma’ xulxin. Għalhekk il-Knisja llum qed tipprova tfittex qaddisin li jkunu koppji u li jkunu qaddsu lil xulxin, għax dak hu l-mudell! Iippermetmuli, Santa Rita hi mudell ta’ persuna li laqgħet it-tbatija minn għand Alla b’rassenjazzjoni, imma mhux mudell taż-żwieġ. Imma fil-koppji li jqaddsu lil xulxin, hemmhek għandek mudell ta’ żwieġ li kien verament skont il-pjan ta’ Alla l-Imbierek.
L-aħħar riflesjoni li xtaqt nagħmel hija propju fuq l-imħabba. L-ewwelnett importanti ngħidu li bniedem miżżewweġ irid iħobb għall-imħabba ta’ Kristu, m’hemmx imħabba oħra għalina, m’għandniex mudell ieħor. L-imħabba mudell ta’ Kristu hija l-mudell għall-miżżewġin insara, li twasslek biex xi ħadd jinwietak u taħfirlu u tkompli tħobbu. Ikun hemm problema li intom taffrontaw flimkien, u tkomplu mixjin. Din hija l-imħabba ta’ Sidna Ġesu Kristu. Fiż- -żwieġ l-imħabba tiegħek, il-Mulej qed jagħtihielek mhux biex tingħalaq fik innifsek, billi tħobb biex tkun maħbub, imma bill tinfetaħ għall-oħrajn. B’mod speċjali qed jagħtik il-familja tiegħek u qed jgħidlek: ‘ħudli ħsiebha, ħobbhom f’ismi, minfloki u għalija’.
U importanti li niftakru l-kwalità tal-imħabba. L-imħabba hija għotja u hija qadi. Lil dawn iż-żgħazagħ tagħna, ejjew ngħallmuhom dan, ħalli huma jkunu jistgħu jgħallmu lill-uliedhom din l-imħabba. Jien lill-għarajjes ngħidilhom: tinsewx il-kwalità tal-imħabba li biha intom se tibnu, dik il-bejta tagħkom. Fil-pjan t’Alla iż-żwieġ huwa l-bejta li fih l-Mulej ikun jista’ jibgħat dawk li jixtieq hu, ħalli jimtlew bl-imħabba. U dawn se jitgħallmu jħobbu skont ma jaraw. Allura anke qabel ma jiġu t-tfal, trid tagħmel riflessjoni fuq l-imħabba tiegħek: u lit-tfal tiegħi liema kwalità ta’ mħabba se nagħtihom jien? Mhux se nagħmel sforz biex l-imħabba tiegħi tkun verament qed tgħollihom u tagħtihom grazzja?
Jiena nixtieq li nagħlaq b’żewġ ħsibijiet mill-Liturġija tal-lum. L-ewwel waħda ta’ San Pawl meta jgħid hekk: “Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesu” ( Fil 2, 5) Jekk taħseb bħal Kristu, trid tħobb bħal Sidna Ġesù Kristu. U t-tieni waħda mill-Vanġelu tal-lum ta’ llum li kien ħelu wkoll (Mt 21, 28-32). Kien hemm dawk iż-żewġt ulied. Wieħed minnhom qallu: ‘immur’ u ma marlu xejn u l-ieħor qallu ‘le’, imbagħad mar. U jiena llum qed niltaqa’ ma’ ħafna li għamlu bħat-tieni wieħed: dawk li għall-ewwel ‘l Mulej ma obdewhx, forsi marru joqgħodu flimkien mingħajr ma żżewwġu, forsi hekk u forsi hekk, mhux se nidħlu f’dettalji, imma mbagħad daru lejn il-Mulej, u jiġu għall-korsijiet tagħna. Issa jekk jiena se nibqa’ ninħasad u jien mhux se nitkellem bħalma hemm fil-parrabola, u nifraħ li dak ġie, mhux ser nagħmel ġid. Irrid nkun ferħan li jiġi għandi allavolja għamel dak li għamel, il-Mulej iħobbu u hu bagħtu għandna biex jagħmel dan il-kors ta’ Kana. Allura minflok nibqgħu nistagħġbu meta jiġu dawn l-għarajjes għandna, aħna rridu nkunu welcoming, nuruhom li huma milqugħa, u li għandna pjaċir bihom, anzi qed nifirħu ħafna li ġew.
Il-quddiesa se noffriha b’mod speċjali għall-ħidma ta’ Kana tul din is-sena pastorali li għadna kemm bdejna.
+ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta