-
Parroċċa ta’ Burmarrad
30 ta’ Mejju 2014Ħuti, illum qed niċċelebraw il-ħamsin anniversarju tal-konsagrazzjoni ta’ din il-Knisja. Jekk aħna nidħlu fl-immaġinazzjoni, min jaf kemm swietilhom xogħol u ħidma u ġenerożita meta ġew biex jibnu din il-knisja biex ikunu jistgħu jaqdu lin-nies ta’ dawn l-akkwati.
Imma jiena nixtieq li nimxi pass ieħor. Jien dejjem ngħid fija nnifsi: Ġesu lill-appostli qalilhom: imxu warajja, u dawk imxew warajh. Imma ara taħsbu li l-mixi bir-riġlejn ta’ l-appostli kien itqal mill-mixi bil-qalb. l-Appostli għamlu mixja interna wara Sidna Ġesu Kristu. Aħna hawnhekk naraw bis-sensi tagħna din il-knisja sabiħa mżejna imma ġo fina nfusna irridu nagħmlu wkoll il-mistoqsija: imma propjament il-Knisja xi tfisser u l-Knisja x’inhi? U t-tlett lezzjoniiet tal-lum tawna daqsxejn ta’ ħjiel.
Fit-tieni lezzjoni tal-lum smajna lil San Pawl ikellem lill-Korintin u jgħid affarijiet li kieku ma smajnihomx lanqas konna nemmnuhom għaliex San Pawl li qiegħed jkellem lill-insara jgħid: “Intom il-pedament tal-Knisja”. Jiġifieri l-Knisja, dik li hija l-knisja spiritwali, mhijiex ibbażata fuq il-pedament li hawn taħt l-art imma hija bbażatha fuq il-pedament ta’ kull wieħed u waħda minna. Allura il-mistoqsija rridu nagħmluha: imma jiena qiegħed naħdem fuq il-pedament li huwa jien? Jien qed nara li dan il-pedament li aħna parti minnu huwa pedament sod?
Imbagħad ikompli San Pawl: “Imma dan il-pedament ma jistax ikun ħaġ’oħra ħlief Sidna Ġesu Kristu (1 Kor 3,11), il-Kelma tiegħu u l-Ewkaristija b’mod speċjali. Jekk nitilqu minn hemm ma nafux fejn naslu. Jekk dak li nagħmlu aħna ma norbtuhx ma’ dak li tana Sidna Ġesu Kristu nibdew nimxu l-mixja taghna u jista’ jkun li aħna nitfixklu fit-triq. U allura jerġa’ jgħid San Pawl: “Intom it-tempju ta’ Alla” (v 16). Lanqas kellhom knejjes bħal din dak iż-żmien, imma li qiegħed jgħid San Pawl, it-tempju mhux dan li huwa tal-ġebel; dan jista’ jkun mużew, u jibqa’ mużew. Mużew jiġifieri ħaġa tal-passat. Ahna rridu nkunu t-tempju tal-Ispirtu s-Santu biex bina timbena l-Knisja ta’Kristu
Fil-Vanġelu tal-lum (Mt 16,13-20) aħna għandna ‘l Ġesu jitkellem ma’ San Pietru u jagħmel dik il-mistoqsija: Intom min tgħidu li jien? U Pietru bħas-soltu ikun l-ewwel wieħed ji jitkellem u qallu li hu l-Messija. U Ġesu meta sema ‘l Pietru, il-kelma tiegħu kienet: “Pietru, mhux inti għidtu dan il-kliem iżda Missieri li hu fis-smewwiet”. Jien naħseb li dan kien dawl għal Mulej Ġesu minn Alla l-Missier biex ikun jaf min għandu jpoġġi bħala l-kap tal-Knisja tiegħu. Għalhekk kien il-Missier li nebbaħ lil San Pietru għax bħala bniedem ma kienx jasal biex jifhem li Ġesu hu bin Alla. Kif jista’ jasal mill-moħħ tagħna biex tgħid dak hu bin Alla? Ma tistax, jekk ma jkunx il-Mulej li jnebbħek.
Lil San Pietru Ġesu qallu żewġ affarijiet. Hu kien jismu Xmun qabel, għalhekk qallu: “Se nibdillek ismek f’Pietru li ġejja mill-kelma petra jiġifieri ġebel”. U qallu wkoll: “Pietru, jiena se npoġġik fuq din il-blata, inti l-blata li fuqha se nibni l-Knisja tiegħi”. Hija l-ewwel riflessjoni, ħuti, għaliex Sidna Ġesu Kristu għamlilna wegħda li din il-blata li hi l-Knisja qatt mhu se tiġi nieqsa. Il-wegħda tiegħu irridu npoġġuha ġewwa qalbna, ovvjament, u rridu nkunu marbutin ma’ dawk li hemm flok Pietru, il-Papiet li minn żmien għal żmien jiġu biex imexxu l-Knisja. Imma din il-blata ħadd mhu se jirnexielu jeqridha.
It-tieni ħaġa li qal lil S Pietru: “Pietru, jien nagħtik iċ-ċwievet tas-saltna tas-smewwiet, u dak li torbot inti jkun marbut, u dak li tħoll inti jkun maħlul”. Nagħmlu daqsxejn il-mistoqsija: minn tant affarijiet li seta’ jgħidlu Sidna Ġesu Kristu lil Pietru għaliex semma din ir-rikonċiljazzjoni? Għaliex il-Knisja hawnhekk hija rikonċiljazzjoni; hija l-mod fejn jien nirrikonċilja ma’ Alla, fejn jien nirrikonċilja ma’ dik li hija l-Knisja, il-komunita li qiegħda tismagħni. L-iktar ħaġa li jista’ jikkonċedilna l-Mulej hija r-rikonċiljazzjoni u l-maħra biex aħna nibqgħu mexjin lejh skont kif imexxina hu.
L-aħħar ħaġa importanti li ghadna niftakru, hija din: il-bini kollu xi darba se jaqa’. M’għandna l-ebda bini li baqa’ għal dejjem. Din hi l-knisja li qegħdin naraw, imma fl-ewwel lezzjoni tal-lum mill-Apokalissi aħna rajna Knisja oħra li din qatt mhu se tintemm, u din il-Knisja li tkun fil-glorja. Ħuti, aħna se nintemmu lkoll imma ma nintemmux bħal din il-knisja li mbagħad tispiċċa fix-xejn. Aħna nintemmu minn din id-dinja biex ngħammru fid-dinja l-oħra fi Knisja oħra li fiha Alla l-Missier u Ġesù jkunu ċ-ċentru.
Allura nerġa ntenni dawn it-tlett idwal, importanti li ma ninsewhomx anke f’dan il-jum. L-ewwel waħda li aħna t-tempju t’Alla u aħna risponsabbli għal kull tempju, għal kull pedament li jigi minna. It-tieni li aħna bħal San Pietru nemmnu fil-Knisja. Kien hemm minn qal għax il-knisja trid tispiċċa. Għidtlu biex ma spiċċatx fl-ewwel żmienijiet, b’wieħed imsallab, tnax kollha twerwru, ma tispiċċa qatt. U t-tielet ħaġa hija Ġerusalem tas-sema; ejjew ilkoll nittammaw mhux biss għal din id-dinja imma għad-dinja li ġejja.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta