-
Messaġġ tal-Arċisqof fl-okkażjoni tal-Viżta Pastorali fil-Kappella tan-Nigret, iż-Żurrieq
-
Kappella tan-Nigret, iż-Żurrieq
21 ta’ Settembru 2013
Ħuti, illum qegħdin nibdew din il-Viżta Pastorali f’din il-kappella, imbagħad ser ikollna l-okkazjoni li niltaqgħu lkoll flimkien fil-knisja parrokjali, u hemmhekk isir il-ftuħ uffiċjali tal-vista pastorali. Jiena qiegħed hawnhekk biex nagħmel viżta pastorali. Viżta tfisser li wieħed ikun mistieden x’imkien. Pastorali jiġifieri li għandu x’jaqsam mar-ragħaj. Pastor bil-latin tfisser ragħaj. Mela hija stedina lir-ragħaj biex jara lill-merħla tiegħu.
U rridu nagħmlu l-mistoqsija: imma x’inhi parroċċa? Parroċċa hija żewġ affarijiet; nixtieqkom li tiftakruhom. Parroċċa hija, l-ewwelnett il-komunità li tiltaqa’, bħalma intom intom. Imma parroċċa hija wkoll it-territorju li l-Isqof ikun fdah f’idejn dik il-komunità. Ħa ngħiduha b’dan il-mod. Xi darba fiż-żmien, kien hemm din il-komunità taż-Żurrieq li qiegħda tiltaqa u l-Isqof ta’ dak iż-żmien ħares lejn din il-komunità, induna li qed tikber din il-komunità u qal: ‘għaliex ma naqsamx magħha biċċa mid-djoċesi biex teħodli ħsiebha hi?’ Allura dik hija parroċċa: hija komunità li qed tieħu ħsieb territorju propju. Għalhekk hawnhekk mhijiex parroċċa għax hija parti mit-territorju taż-Żurrieq.
Imma aħna rridu nagħtu kas ta’ żewġ affarijiet. Fil-fatt, iż-żewġ mistoqsijiet li se nagħmel f’dawn il-ġimgħat li nkun magħkom, se jkunu dawn: kif miexja din il-komunità? Kif qed tikber fil-Mulej din il-komunità li tiltaqa? U t-tieni mistoqsija li nagħmel tixbaħha: intom x’qegħdin tagħmlu biex dawk li huma bogħod ikunu jistgħu jerġgħu jiġu? X’qed tagħmlu biex dawk li mhumiex qrib tal-komunità jkunu jistgħu jersqu? Anke din it-tieni mistoqsija rrid nagħmilha lill-gruppi kollha li se niltaqa’ magħhom.
X’inhi komunità, kif għandha tkun? Komunità ma vvintathiex il-knisja; komunità tfisser li jkun hemm grupp ta’ nies li qed jgħixu dak li għex Ġesù elfejn sena ilu. U allura fil-parroċċa rridu l-ewwel inħarsu lejn Ġesù u naraw il-parroċċa x’suppost li tkun, x’suppost tagħmel biex tkun bħal Ġesù. Ħa nipprova nfakkarkom ftit.
L-ewwel ħaġa li għamel il-Mulej Ġesù hi li mar għand Ġwanni l-Battista u kien hemm xi dixxipli li ngħaqdu miegħu. Minn dak inhar ma kienx hemm mument li fih Sidna Ġesù Kristu pprietka waħdu. Meta kien jipprietka kien ikun dejjem imdawwar bid-dixxipli tiegħu. Meta tisimgħu l-Vanġel, dawn l-affarijiet ftakruhom. Kemm hu sabih: ried li l-predikazzjoni tiegħu toħroġ mill-imħabba li kien hemm bejnu u bejn dawn id-dixxipli. U allura l-ewwel ħaġa, aħna rridu komunità, jiġifieri għaqda ta’ Nsara li jirrispettaw lil xulxin f’isem Sidna Ġesù Kristu. Kemm hu sabih li nkunu għaddejin mit-triq u naraw lil xi ħadd li jiġi l-knisja magħna, jew inkella ikun hemm xi ħaddieħor u ngħidu ara dak niftakruh li qiegħed wkoll fil-knisja magħna! Inkunu qed nagħrfu lil xulxin, mhux biss għaliex aħna miż-Żurrieq imma inkunu qed nagħrfu lil xulxin għax aħna mill-komunità Nisranija taż-Żurrieq.
Din l-ewwel ħaġa li għalimna Sidna Ġesù Kristu: ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħobbu lil xulxin għax intom ilkoll fikom hemm Sidna Ġesù Kristu li jiġi f’ħafna modi permezz tas-sagramenti. Ejjew nibdew mqar billi nsellmu lil xulxin, għax aħna komunità fi Kristu. Tiddejqux, ħalli nuru li aħna komunità Nisranija li qegħdha fit-territorju kollu taż-Żurrieq.
It-tieni ħaġa li għamel Sidna Ġesù Kristu huma l-għemejjel tiegħu, u dawn l-għemejjel huma tlieta. Aqraw il-Vanġelu u ma ssibu xejn li mhux f’dawn it-tlieta: Ġesù talab, Ġesù għallem u Ġesù fejjaq. Ħa nippruvaw niftakru fihom.
L-ewwel ħaġa li għidna hija li Sidna Ġesù Kristu kien jitlob. Tiftakru kemm il-darba jew waħdu, jew ma xi wħud mid-dixxipli tiegħu, kien jitlob lil Alla l-Missier? Dak kien l-Iben t’Alla! Imma hu wriena kemm hu importanti anke għalih bħala bniedem li jkun maqgħud ma’ Alla l-Missier bit-talb. U allura l-ewwel ħaġa li trid tagħmel il-komunità meta tiltaqa’ flimkien hija li titlob lil Alla. Ghalhekk fil-parroċċa aħna dejjem ikollna l-kummissjoni tal-Liturġija. Dawn huma nies li joffru l-possibiltajiet tagħhom ħalli kull darba li aħna niġu biex niċċelebraw l-Ewkaristija nsibu kollox lest: il-kant lest, il-knisja nadifa, u min jaqra, insibu wkoll lil xulxin. Din hija l-kummissjoni tal-Liturġija. Mela mhux aħna vvintajniha din il-kummissjoni. Għamilha Sidna Ġesù Kristu u aħna ħadniha minn għandu.
It-tieni għemil li għamel Sidna Ġesù Kristu huwa li mar jgħallem kullimkien. Kull darba li kien ikun ħdejn in-nies il-ħeġġa kienet tikber ġewwa fih biex ikun jista jgħallem anke lil dawk li jkunu qegħdin quddiemu. Tafu li f’kull parroċċa aħna jkollna kummissjoni tal-katekeżi. Importanti li nifhmu li llum sirna nitkellmu fuq il-katekeżi mhux biss għat-tfal iż-żgħar. Qabel konna nitkellmu biss mit-tfal iż-żgħar li jmorru l-katekiżmu. Illum il-knisja qiegħda tgħidilna biex aħna lkoll nitgħallmu iktar fuq Ġesù. Ma jistax ikun li nħobbu lil Ġesù u ma nafx x’għamel, ma nafx x’għallem, ma nafx kif għex il-ħajja tiegħu. Kif jista’ jkun li aħna nkunu nafu lil Ġesù daqshekk ftit? U allura il-knisja tipprovdi l-okkażjonijiet biex tagħmel konferenzi, tagħmel korsijiet biex aħna nkunu nistgħu nitgħallmu min hu Gesu.
Għiduli ftit, jiġi xi ħadd li forsi ma semax fuq Ġesù u jiġi jistaqsi lili u jien ma nkunx naf nirrispondih! M’hemmx għalfejn immorru fil-fond, għax imbagħad tista’ tieħdu għand qassis, imma l-ewwel kelma dwar min hu Ġesù trid tiġi minna: Ġesù twieled elfejn sena ilu, Ġesù twieled minn Marija Santissima, Ġesù mar meta kellu tletin sena jipprova jgħallem l’hawn u l’hemm, u nibdew nirrakuntaw l-ewwel rakkont li għandna fuq Ġesù. Tħallux li jiġi xi ħadd fuqkom u tgħidlu mill-ewwel ħa nieħdok għand qassis, le! L-ewwel għidlu xi tħoss int u x’taf int, imbagħad wara għidlu: ‘trid imorru flimkien għand saċerdot ħalli jkun jista’ jispjegalek aħjar dak li qegħdin nagħmlu?’
Jiena hawnhekk xtaqt li nagħmel riflessjoni. Meta nagħmlu l-adorazzjoni, niżżuħajr ’l Alla, jkun hemmn nies mhux ħażin. Imma għaliex meta nagħmlu kors ta’ tagħlim ikun ftit li jiġu? Din irridu insibu t-tarf tagħha. Għax ma jinterassinix f’Ġesù? Mhux veru. Jinteressana imma ma rridux nidħlu fil-fond dwar dak li hu Ġesù. Allura nħeġġiġkom biex tkunu komunità ta’ nies li lkoll jafu jtkellmu fuq il-Mulej Ġesù.
U t-tielet ħaġa li ghamel Sidna Ġesù Kristu hi li hu kien imur ifejjaq. Tiftakru kemm għandna rakkonti ta’ fejqan fil-Vanġelu? Min kellu lit-tifel tiegħu, min lit-tifla tiegħu, u min kien hu stess marid, u Ġesù jsibu fit-tempju u jfejqu. Ġesù kien ifittex lil dawk li huma batuti u kien jagħtihom mod speċjali il-grazzja tiegħu, ifarraġhom u jagħmel il-mirakli. U allura komunità li hija Kristjana, fi Kristu, ma tistax tkun komunità sħiha jekk ma toqogħdx attentż biex tgħinu lil dawk li huma morda, dawk li qegħdin ibatu.
Kemm hu sabih li din il-komunità ssib il-faraġ f’xulxin. Hemm xi ħadd waħdu, u jiena tlett kwarti fil-ġimgħa ma nistax nagħtihom lil dik il-persuna u mmur naraha? U jekk hemm xi ħadd qiegħed l-isptar, ma nistax jiena xi kultant, lil dik il-persuna għax nafha, għax hija ġara tiegħi, immur naraha wkoll? Ma jistax ikun hemm komunità Kristjana jekk ma jkunx hemm din il-ħidma. Dan hu li tagħmel il-kummissjoni diakonia fil-parroċċa. Diakonia ġejja mill-kelma djaknu, li jfisser dak li jaqdi fil-komunità. Il-kummissjoni diakonia hija dik li lesta li tgħin lil dawk fil-komunità li għandhom xi ħaġa ħtieġa. Din hija l-kummissjoni diakonia.
L-aħħar ħaġa li għamel Ġesù u li hija importanti, narawha fil-parabbola tar-ragħaj li jkollu mitt nagħġa, u waħda taħrablu. Dik li marret għaliha weħidha, Ġesù mar ifittixha. U Ġesù, ir-ragħaj it-tajjeb, sabha u għannaqha miegħu. U jgħidilna Sidna Ġesù Kristu li fil-ġenna ikun hemm iktar ferħ għal meta wieħed midneb jiġi lura milli għal 99 li jkunu hemmhekk miegħu. U r-raġuni hija ċara, mhux għax iħobb lil xi ħadd iktar mill-ieħor. Mhiex għalhekk, imma għaliex dawk id-99 li qegħdin miegħu, b’dawk rasu mistrieħa għax jista jieħu ħsiebhom, imma min telaq, dak irridu mmorru warajh ħalli aħna nuruh kemm hu sabih li jkun parti minna.
Għalhekk fil-bidu għidtilkom nistaqsu din il-mistoqsija: qed issir xi ħaġa biex nigbdu lura lil dak li telqu u tbieghedu? Jekk għandek xi ħadd li huwa ħabib tiegħek, u tbieghd, għamel il-kuraġġ fi Kristu u għidlu: ‘isma nhar il-Ħadd sejjer quddiesa, trid tiġi miegħi? Hawnhekk hawn xi mitejn u għoxrin, jiġifieri għal kull mija li hawn hawnhekk, Ġesù jixtieq li nkunu ġibnilu wieħed jew waħda li ma jkunux parti mill-komunità tagħna. Qed jagħtina x-xogħol x’nagħmlu, homework, qed jgħidilna tibżgħux. Intom ma tibżgħux titkellmu fuq affarijiet oħrajn, ma tibżgħux tagħtu pariri. Allura m’għandniex ikollna ftit kuraġġ biex nwasslu lil Ġesù lil min hu mbiegħed
Dawn huma l-mistoqsijiet li jien se nagħmel matul il-vista pastorali. Jiena nixtieq li meta nispiċċaw din il-viżta pastorali jkun hemm iktar minnkom li titħeġġu ħalli l-knisja tal-Mulej tibnuha. Tibnuha mhux fil-ġebel, tibnuha fin-nies li jiġu hawnhekk magħna. Nixtieq li kull wieħed u waħda minna jħossu mqanqal iktar u jgħid: ‘jiena m’għandiex inressaq mqar persuna waħda lejn il-Mulej?’ Possibbli ma jkolliex ċansijiet daqshekk? Għax il-Mulej dak li jixtieq minna. Kemm hu sabih aħna li nkunu ta’ dak li hu Ġesù, u nwasslu lil Ġesù.
Jiena nitfa’ l-barka tiegħi fuqkom ikol biex il-Mulej jagħtikom dik il-ħeġġa biex il-Knisja tal-Mulej tibnuha aktar bil-qalb, ħalli flimkien nagħtu glorja lil Alla l-Missier.
+ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta