-
Messaġġ tal-Arċisqof fl-okkażjoni tat-tnedija tat-tema għaż-żgħażagħ 2013/14
-
Birkirkara: San Ġużepp Ħaddiem
1 ta’ Diċembru 2013Ħuti, waqt li konna qed nisimgħu l-introduzzjoni, aħna smajna li llum hija ġurnata speċjali għaż-żgħażagħ għaliex il-Papa kull sena jagħti tema liż-żgħażagħ biex tul dik is-sena huma jikbru fil-fidi tagħhom. U din is-sena liż-żgħazagħ tahom beatitudni. Beatitudni hija l-kliem li qal Sidna Ġesù Kristu meta fil-bidu tal-ministeru tiegħu tela’ fuq għolja u minn dik il-għolja qalilhom tmien beatitudnijiet (Mt 5,3-12). Jissejħu beatitudnijiet għaliex kull sentenza tibda bil-kelma ħenjin. U dawn il-beatitudnijiet li l-Mulej tana, tahomlna għaliex ried ipoġġilna saqajna mal-art. Aħna qegħdin f’dinja li fiha ħafna żbalji, aħna qegħdin f’dinja li, anke ġo fina stess, hemm il-ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin, u allura poġġilna riġlejna mal-art. Per eżempju għandna: ħenjin dawk li jġibu l-paċi. Aħna lkoll bħala bnedmin nixtiequha l-paċi, imma Ġesù qalilna: jekk intom, kull wieħed u waħda minkom, ma tibnux il-paċi, għal xejn toqgħodu tittamaw fiha għax aħna rridu nkabbruha l-paċi mhux tiġi weħidha.
F’dawn il-beatitudnijiet, Ġesù qal: ħenjin dawk li huma persegwitati, u qal hekk biex ipoġġi saqajn id-dixxipli tiegħu mal-art u ma joqgħodux jistagħbġu jekk huma, biex jistqarru lil Ġesù, jiġu ppersegwitati. Ftakru li bħalissa l-iktar reliġjon li hija persegwitata, b’mod speċjali fl-Asja, hija propju r-reliġjon nisranija.
Illum l-Papa qiegħed iniehdi waħda minn dawn il-beatitudnijiet: ‘Ħenjin dawk li huma foqra fl-ispirtu għax tagħhom hija s-saltna tas-sema’. Ħa nippruvaw nifhmu eżatt għaliex Ġesù qal hekk. Fil-bidu tal-ħolqien, fil-Ġenesi, aħna naraw li Alla ħalaq lil bniedem – tafu li dan ir-rakkont huwa bħal parabbola, storja b’tagħlima. Jgħid li l-Mulej poġġa lil Adam u Eva fil-ġnien u qalilhom: intom tistgħu tieklu minn kollox minbarra siġra waħda li hija siġra tal-għerf quddiem il-Mulej, is-siġra tat-tajjeb u l-ħażin (Ġen 2, 15-17). Adam u Eva ma fdawħx lill-Mulej. Meta ġew ittentati ma qalux: le, il-Mulej żgur it-tajjeb se jgħidilna. Semgħu mill-ħażen u kielu minn dik is-siġra u tilfu kollox. Jekk ma tħallix lill-Mulej imexxilek ħajtek, inti se taqa’ u titfixkel.
Mela d-dnub ta’ Adam u Eva kien dnub tas-suppervja jiġifieri Adam u Eva qalu: għaliex se nħallu ’l Alla jurina t-triq, mhux aħjar inkunu aħna li nibdew ngħażlu x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin? U ġara dak li ġara! Il-ħażin għelibhom. Meta għamlu dan id-dnub, kien id-dnub tas-suppervja għaliex huma stennew li se jkunu aħjar minn Alla u allura jimxu fit-triq li moħhom jagħtihom.
Sidna Ġesù Kristu qal: Ħenjin il-fqar fl-ispirtu. L-ewwel ħaġa li għamel kienet li hu ġie fqir. Ma nafx jekk qatt irriflettejtuha. Ħa nipprova nispjegaha b’dan il-mod. Alla l-Imbierek kellu żewġ modi kif juri d-divinità li kien hemm f’Ġesù: jew jagħmlu jkollu palazzi kbar u armati kbar, biex ngħidu kemm huwa kbir imma konna nibqgħu f’dik li hija l-qoxra. Minflok hekk, Alla l-Imbierek għażel il-faqar biex fil-qoxra tal-faqar meta naraw l-għeġubijiet, ngħidu mela jekk dan mhux suppost għamilhom Ġesù, allura dan huwa għemil ta’ Alla! Dak ifisser il-faqar ta’ Ġesù. Tiftakru, darba minnhom meta kien hemm Ġesù u beda jispjega parti mill-profeta Isaija? (Lq 4, 20-22). Meta semgħuh jitkellem u jipprietka, huma bdew jirraġunaw: dan la mar l-università, la mar x’imkien, dan minn fejn ġabu dan kollu? Ir-risposta suppost kellha tkun: mela jekk mhuwiex uman, dawn l-affarijiet ġejjin minn Alla l-Imbierek. Imma l-poplu t’Alla tfixkel, u rieduh imur minn pajjiżhom għaliex ma fehmux, minflok ma għamlu att ta’ fiduċja, att ta’ fidid.
Anke meta ġie biex jagħżel l-appostli. Għiduli jekk ikun hemm xi ħaġa politika, ikun hemm partit, jagħżilx biex imexxih ħdax il-sajjied u wieħed publikan li jiġbor it-taxxi! Imma għalhekk Ġesù għażilhom għax meta aħna nħarsu lejhom u naraw kif dawn it-tnax l-appostli rnexxielhom iżommu r-reliġjon ta’ Kristu kontra kull persekuzzjoni tar-Rumani, aħna jkollna ngħidu li l-knisja mhijiex waħda tal-bnedmin, kienu wisq fqar biex jagħmluha, ma kellhomx studju biżżejjed biex jagħmluha. Allura l-Knisja baqgħet teżisti tul iż-żmien, għaliex? Taħt dik il-knisja, taħt dawk l-appostli, kien hemm l-Ispirtu s-Santu biex hu jmexxihom. U għalhekk Sidna Ġesù Kristu għażel li jiġi fid-dinja, anke fuq is-salib. Fil-faqar tiegħu, SidnaĠesù Kristu ried li l-qawwa tiegħu, id-divinita tintwera fid-dgħufija ta’ dawk l-affarijiet materjali li aħna naraw. Għalhekk Sidna Ġesù Kristu qalilna: jien ta’ qalb ħelwa u umli. Mur ara jkollok xi sultan ta’ din id-dinja, xi ħadd importanti, u jiftaħar mhux kemm ikollu flus, mhux kemm għandu affarijiet, imma: kemm jiena qalbi ħelwa u umli lejn kulħadd. Din hija l-qawwa ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Allura xi tfisser li tkun fqir fl-ispirtu? Li tkun fqir fl-ispirtu hija li tagħti ’l Alla l-post tiegħu u tipprova tiġġieled kontra tiegħek innifsek biex Alla jkollu postu fil-ħajja tiegħek. Per eżempju, meta aħna nħarsu lejn is-suppervja tagħna, kif diġa għidna fil-bidu, ħafna drabi aħna nagħżlu lil ħaddieħor u ma nagħżlux dak li qalilna Alla. Mingħajr ma nafu aħna qed niċħdu l-fiduċja tagħna f’Alla l-Imbierek. Is-suppervja ta’ Adam u Eva qed terġa tqum biex aħna naħsbu li dak li nagħmlu aħna, huwa ħafna aħjar għalina minn dak li għallimna Alla l-Imbierek. U allura l-ewwel parti, x’inhuma l-fqar fl-ispirtu? Huma dawk li jafdaw lil Alla, huma dawk li biex ikunu jafu l-ħajja kif iridu jimxuha, iduru lejn Alla, huma dawk li jimpenjaw rwieħhom biex jitolbu lil Alla ħalli jidħol iktar f’ħajjtihom. Mhux il-flus, meta ngħidu l-fqar fl-ispirtu. Mhux qed ngħid li wieħed li ma jkollux flus, għaliex jista’ jkollok wieħed sinjur u xorta jkun qed jgħix fl-ispirtu, allavolja l-għana hija tentazzjoni kbira, allura wieħed irid joqgħod iktar attent. U jista’ jkollok fqir li sfortunatament ma jkollux dak il-faqar ta’ l-ispirtu. Alla l-Imbierek dan li jrid jgħidilna: li aħna rridu l-ewwelnett induru lejn Alla u jkollna fiduċja sħiħa fih.
It-tieni ħaġa fil-faqar tal-ispirtu hija r-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Mill-esperjenza nista’ ngħid li fuq is-suppervja ma tibni l-ebda relazzjoni; ma tistax. Ħa ngħidu b’mod speċjali fiż-żwieġ, imma f’kollox, għaliex min ikun supperv, idejqek, ma jiftaħlekx qalbek biex inti tkompli dan id-djalogu miegħu. Sidna Ġesù Kristu qalilna: ħobbu lil għajrkom bħalkom infuskom. U x’ried jgħidilna Sidna Ġesù Kristu b’dan? Meta tiltaqa’ ma’ xi ħadd, il-Mulej qed jagħtik iċ-ċans biex inti tħobbu f’isem Alla l-Imbierek. Għalina, għal kull bniedem li jemmen, kull bniedem li niltaqgħu miegħu, fqir, sinjur, hu min hu, dak huwa ċ-ċans li qed jagħtina Alla l-Imbierek biex f’ismu nibdew nuruh il-kobor u l-ħlewwa tal-imħabba ta’ Alla l-Imbierek.
J’Alla, ħuti, u aħna nitolbu illum f’din il-quddiesa, li lkoll nifhmu, imma b’mod speċjali ż-żgħażagħ li għalihom kien dan il-messaġġ, xi jfisser: ‘ħenjin il-foqra fl-ispirtu għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet’.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta